It-Tempju ta’ Alla (1)… u Aktar Mirakli Ewkaristiċi

Il-Mirakli Ewkaristiċi (73)
minn Manwel Cutajar

Ir-Rużarju waqt l-Adorazzjoni Ewkaristika

Fl-artiklu preċedenti semmejna diversi modi jew  forom ta’ talb għal waqt l-Adorazzjoni Ewkaristika fosthom ir-reċita devota u mmeditata tal-Misteri Qaddisa fir-Rużarju.

Marija Santissima fid-dehriet tagħha anki fiż-żminijiet riċenti, bħal f’Lourdes, f’Fatima u f’Medjugorje  rrakkomandat ħafna r-reċita tar-Rużarju u stiednet lill-Insara biex jirreċitawh kuljum.

Il-Knisja,fil-persuna ta’ diversi Papiet tagħha,b’mod partikolari l-Papa San Ġwanni Pawlu II u l-Papa Franġisku, ittenni l-istedina tal-Verġni Mbierka filwaqt li tenfasizza il-valur tar-Rużarju u t-tifsira Kristoloġika profonda tiegħu.

Ir-Rużarju,minbarra li hu talba Marjana,bażikament huwa    talba ċċentrata fuq il-Misteri Qaddisa tal-Inkarnazzjoni,il-Ħajja,il-Passjoni u l-Mewt,il-Qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-Imwiet u l-Missjoni tal-Fidwa Tiegħu għall-umanità kollha.

Għalhekk, ċertament ir-Rużarju jista’ u għandu jgħin fit-talb u l-meditazzjoni tagħna waqt l-Adorazzjoni  Ewkaristika. .

Madankollu,xi mindaqqiet issib nies li b’rieda tajba u qaddisa jistaqsu jekk waqt l-Adorazzjoni Ewkaristika jistax jingħad r-Rużarju.

Is-Santa Sede f’Ruma tat linji gwida f’dan ir-rigward. Skont il-Kongregazzjoni Sagra għall-Qima Divina u d-Dixxiplina tas-Sagramenti,ir-Rużarju jista’ jingħad waqt l-Adorazzjoni Ewkaristika b’Espożizzjoni,sakemm din ma tkunx l-unika raġuni għalxiex issir l-Espożizzjoni tas-Sagrament Imqaddes. Madankollu,fost it-talb li jingħad waqt l-Adorazzjoni, ċertament tista’ tiġi inkluża r-reċita tar-Rużarju, li tenfasizza l-aspetti Kristoloġiċi b’qari bibliċi rrelatati mal-Misteri Qaddisa u tipprovdi ħin għall-Adorazzjoni siekta u l-meditazzjoni dwarhom (“Noti dwar ir-Reċita tar-Rużarju Waqt l-Espożizzjoni tas-Sagrament Qaddis,”Notitiae” (Edizzjoni 1995, XXX,1998,XXX).

It-Tempju ta’ Alla (1)

Nitkellmu issa dwar diversi temi li b’xi mod jew ieħor huma rrelatati mal-Ewkaristija Qaddisa.

Naħseb hu xieraq li l-ewwel tema għandha tkun dwar il-lok jew post fejn ġeneralment tiġi ċċelebrata l-Ewkaristija u tinżamm l-Ewkaristija Qaddisa, jiġifieri l-knisja jew kif xi mindaqqiet insejħulha t-Tempju ta’ Alla, jew id-Dar ta’ Alla.

Madankollu,hawnhekk irridu nispeċifikaw eżattament id-differenza ta’ meta nitkellmu dwar it-“tempju ta’ Alla” jiġifieri: il-binja tal-ġebel li fiha mmorru biex nitolbu u naduraw lil Alla, jiġifieri l-knisja tar-raħal jew belt tagħna;  u meta nitkellmu  dwar it-Tempju ta’ Alla li huwa AĦNA – ĠISIMNA mibni din id-darba minn Alla nnifsu fina u fil-persuna u l-ġisem  tagħna, “U ma tafux li ġisimkom hu Tempju tal-Ispirtu s-Santu,li qiegħed fikom,li għandkom mingħand Alla, u li intom m’intomx tagħkom infuskom ” (1 Korintin 6,19)

Dan ifisser li jekk aħna nsara, dixxipli ta’ Ġesù Kristu ġisimna huwa t-Tempju ta’ Alla, aħna t-Tempju ħaj ta’ Alla.

Nikkwota hawn silta mid-diskors tal-Papa Franġisku

“It-tempju tal-Qedem inbena b’idejn il-bniedem. Kien hemm ix-xewqa ” li jagħtu lil Alla dar”, li jkun hemm sinjal viżibbli tal-Preżenza Tiegħu fost in-nies.Bl-Inkarnazzjoni tal-Iben t’Alla  twettqet il-profezija ta’ Natan lis-Sultan David ( 2 Sam  7, 1-29) mhux is-Sultan, mhux aħna li “nagħtu dar lil Alla”  anzi Hu nnifsu li “jibni Daru” biex jiġi jgħammar fostna,kif kiteb San  Ġwann fil-Vanġelju tiegħu (ara 1,14). Kristu huwa t-Tempju ħaj tal-Missier, u Kristu nnifsu jibni d-“dar spiritwali” tiegħu:il-Knisja mhux magħmula minn ġebel materjali imma pjuttost minn “ġebel ħaj” li hu aħna. L-Appostlu Pawlu qal lill-Insara ta’ Efesu ‘intom mibnija fuq il-sisien tal-Appostli u l-Profeti, Kristu Ġesù hu l-ġebla tax-xewka,li fih l-istruttura kollha tingħaqad flimkien u tikber f’Tempju qaddis fil-Mulej li fih intom ukoll mibnija,biex jgħammar Alla fl-Ispirtu” (Efesu 2:20-22). Din hija sabiħa! Aħna l-ġebel ħaj tal-bini ta’ Alla,magħqudin profondament ma’ Kristu li hu ċ-ċavetta u Hu wkoll dak li jsostnina. Xi jfisser dan? Ifisser li la aħna t-Tempju, aħna l-Knisja ħajja, it-Tempju ħaj, u magħna meta nkunu flimkien hemm ukoll l-Ispirtu s-Santu.M’aħniex waħedna għax aħna l-Poplu ta’ Alla:din hija l-Knisja” (Udjenza Ġenerali, Pjazza San Pietru,26 ta’ Ġunju 2013).

Il-Mirakli Ewkaristiċi fil-ħajja ta’ San Paschal Baylon

Paschal Baylon twieled fl-1540 f’Torre-Hermosa, belt żgħira f’pajjiż fir-renju ta’ Aragona, Spanja. Imwieled minn ġenituri Spanjoli foqra, Paschal qatta’ l-ewwel terz ta’ ħajtu jirgħa in-nagħaġ ta’ missieru, xogħol li tah biżżejjed ħin biex jiddedika ruħu  għat-talb u l-meditazzjoni.

Fl-1564,ingħaqad mal-Patrijiet Franġiskani Minuri u, għalkemm kien  imħeġġeġ biex jistudja għas-saċerdozju, ipprefera minflok jgħix bħala fratell koperatur  jaqdi x-xogħol ta’  kok, ġardinar u kulma kien ikun hemm bżonn fil-komunità. Huwa kien attiv matul dak li hu magħruf bħala l-Età tad-Deheb tal-Knisja fi Spanja: is-seklu Sittax. Waħda mill-kwalitajiet l-aktar notevoli tiegħu kienet l-umiltà, li għex b’mod li kien eżemplari, anke fil-komunità Franġiskana li tagħha kien membru profess bħala fratell koperatur għax bħal San Franġisk ta’ Assisi ma ħassux denn li jsir saċerdot.

Huwa dejjem kien  ġeneruż ħafna mal-foqra li kellhom bżonn l-għajnuna tiegħu..

Paschal kellu devozzjoni speċjali lejn is-Santissimu Sagrament tal-Ewkaristija. Kien iqatta’ ħafna ħin fl-Adorazzjoni Ewkaristika. L-għerf tiegħu sar magħruf u ħafna fittxew il-pariri tiegħu. Darba, meta kien qed jivvjaġġa fi Franza, iddefenda b’suċċess id-duttrina tal-Preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija li kienet qed tiġi miċħuda u sfidata  minn predikatur Kalvinista lokali.

B’konsegwenza ta’ dan Paschal kien ġie msawwat u ttorturat,kważi maqtul,mill-folla kbira magħrufa bħala Huguenot.

Beda jissejjaħ’ “teologu tal-Ewkaristija” mhux biss talli solva il-dibattiti  kollha tal-Huguenot f’Orleans, iżda wkoll tal-ġabra ta’ kitbiet li kiteb  dwar il-Ewkaristija li kienet dejjem fiċ-ċentru tal-ħajja spiritwali intensa tiegħu.

Il-Miraklu Ewkaristiku f’ħajtu


Il-kronista Patri Piju Parsch OFM jikteb dwar viżjoni mirakoluża Ewkaristika li darba kellu Paschal: “Ġurnata waħda Paschal sema’ l-qniepen tal-kunvent iħabbru l-Konsagrazzjoni fil-quddiesa. Dak il-ħin xenqa u imħabba  tant kbar għal Alla għelbuh li  involontarjament għajjat: “O Alla l-aktar denn ta’ kull Adorazzjoni, nitolbok ħallini narak”. Bilkemm laħaq temm dit-talba tiegħu  li kewkba dehret fis-sema. Waqt li Paschal ħares lejha s-smewwiet infetħu,il-kewkba għebet, u ħa postha Ostensorju bl-Ewkaristija fiha, akkumpanjat minn żewġ anġli f ‘Adorazzjoni Ewkaristika” .  

Paschal Baylon miet fis-17 ta’ Mejju,1592. Ġismu kien espost għal tlett ijiem, li matulhom folol kbar ta’ nies raw ħafna mirakli li jaffermaw il-qdusija tiegħu. Paschal ġie bbeatifikat mill-Papa Pawlu V fis-sena 1618, u kkanonizzat mill-Papa Alessandru VIII fis-sena1690. 

Huwa ġie pproklamat ukoll Serafin tal-Ewkaristija mill-Papa Ljun XIII (1810-1903).

San Paschal Baylon OFM hu l-Patrun tal-Kungressi Ewkaristiċi u tal-għaqdiet Ewkaristiċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading