Ġwanni Pawlu II waqt quddiesa għall-Vokazzjonijiet

VJAĠĠ APOSTOLIKU FIL- KOREA, PAPUA NUOVA GUINEA,
ISOLE SALOMONE U THAILANDIA
QUDDIESA GĦALL-VOKAZZJONIJIET
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Stadio di Port Moresby (Papua Nuova Guinea)
It-Tnejn, 7 ta’ Mejju 1984

GHħeżież ħuti fi Kristu.

1. “Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom . . . Sejjaħtilkom ħbieb għaliex kull ma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom” (Gv 15, 14-15).

Dan il-kliem Kristu qalu lill-Appostli fis-“sala tas-sular ta’ fuq”, bil-lejl qabel il-passjoni. Dan huwa kliem ta’ ħbiberija u mħabba għal dawk li huwa kien sejjaħ biex imorru warajh iktar mill-qrib, kliem ta’ sosten u ta’ nkuraġġiment għal dawk li kienu għażlu li jkomplu l-opra tiegħu ta’ salvazzjoni b’ubbidjenza lejn ir-rieda tal-Missier

Illum il-Knisja tiċċelebra u tgħix dan il-kliem ta’ Kristu fil-liturġija serali li jien kuntent li noffri magħkom f’dan l-istadju ta’ Port Moresby. Inxandar dan il-kliem lilkom li lilkom Kristu għarraf dak li huwa semà mingħand Missieru, lilkom li għamiltu dak li huwa kkmandakom. Illum jiena noffri dan il-kliem lil dawk kollha li jkomplu l-opra tal-Appostli f’Papua Nuova Guinea: qabelxejn lill-isqfijiet, flimkien mas-saċerdoti tagħhom, lir-reliġjużi u lill-appostli lajċi ta’ dan il-Pajjiż, b’mod speċ1jali lill-katekisti żelanti numerużi.

2. F’dan il-waqt ħsibijieti jmorru b’mod partikolari fil-missjunarji: f’dawk li wasslu l-ewwel il-messaġġ ta’ Kristu f’dawn il-gżejjer u f’dawk li għadhom ikomplu joffru s-servizz tagħhom hawn illum. Mhuwiex possibbli li nirrakkontaw l-istorja kollha tal-Vanġelu fil-Papwa Nuova Guinea; irrid iżda nirrendi ġieħ lill-istorja sagra tal-evanġelizzazzjoni u nfakkar lil uħud minn dawk l-appostli li għexu u mietu sabiex wlied din l-art setgħu jagħrfu u jħobbu lil Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla u salvatur tad-dinja..

L-ewwel tentattiv ta’ evanġelizzazzjoni sar mill-Maristi fil-gżejjer ta’ Woodlark u Rooke fl-1847. Imma dawn kellhom jitilqu. Ħames snin wara tentattiv ieħor sar mill-missjunarji tal-Pime. Imma wara tliet snin biss dawn ukoll kienu obligati li jabbandunaw xogħlhom missjunarju, mhux mingħajr li wieħed minnhom ta ħajtu għall-fidi bil-martirju: il-Beatu Giovanni Mazzucconi, miet f’Woodlark fl-1855 u riċentement kien ibbejatifikat f’Ruma.

Mal-wasla tal-missjunarji tal-Qalb Imqaddsa fil-festa ta San Mikiel Arkanġlu fl-1882, feġġ is-sebħ tal-era l-ġdida, fl-evanġelizzazzjoni kostanti ta’ dik li llum hija Papua Nuova Guinea. Tliet missjunarji, taħt it-tmexxija ta’ Patri André Navarre, sbarkaw fil-gżira ta’ Matupit fil-port ta’ Rabaul, fi New Britain. Bi gratitudni nfakkru lill-poplu ta’ Nodup u l-“kap il-kbir” tagħhom To Litur, li laqgħu fosthom lill-missjunarji u offrewlhom protezzjoni u art biex fiha jgħixu.

Minn dan il-bidu umli f’Nopud, żviluppat b’mod progressiv l-evanġelizzazzjoni kostanti permezz tal-impenn infatikabbli tal-missjunarji u taħt it-tmexxija mdawla ta’ katina ta’ isqfijiet qaddisin u żelanti. Fost dawn, rikonoxximent speċjali jimmeritah il-vigarju apostoliku ta New Britain, l-Isqof Louis Couppé.

Fl-1885 il-missjunarji tal-Qalb Imqaddsa assumew l-inkarigu  tal-attività missjunarja f’parti oħra, din id-darba tul iż-żoni tal-kosta ta’ Nuova Guinea, magħrufa bħala Papua, mhux bogħod minn fejn illum qegħdin niċċelebraw l-Ewkaristija. Hawn, fl-4 ta’ Lulju, għall-ewwel darba fuq art Papwana, ġie offrut lil Alla l-ewwel sagrifiċċju qaddis tal-quddiesa, anniversarju li għadu jiġi mfakkar b’devozzjoni popolari. Fost il-ħaddiema apostoliċi li b’mod providenzjali mexxew it-tkabbir tal-attività missjunarja tul il-kosta ta’ Papua u lejn il-qalba, żewġ Isqfijiet qaddisin jimmeritaw li jitfakkru  b’mod speċifiku: l-Isqof Henry Verjus, li miet ta’ età żgħira,  minħabba li saħħtu kienet ippreġudikata gravament b’mod serju mill-privazzjonijiet u mis-sagrifiċċji ta’ ħajja erojka; u l-Isqof Alain Guynot de Boismenu, li bħala t-tieni vigarju apostoliku ta Nuova Guinea, ippromwova għal bosta snin l-kawża tal-missjonijiet u ħalla warajh eżempju mdawwal ta’ qdusija ta’ ħajja. Ma nistax inħalli barra milli nfakka f’dan il-punt li sa minn l-ewwel bidu, ix-xogħol tal-missjunarji tal-Qalb Imqaddsa kien b’mod ġeneruż assistit minn ulied is-Sinjura tal-Qalb Imqaddsa. Iktar tard ingħaqdu magħhom  is-sorijiet missjunarji tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù li, ħames nisa minnhom qalbienas kienu wara fin-numru tal-“martri ta’ Baining”.

Fl-1896 is-Soċjetà tal-Verb Divin, taħt it-tmexxija ta’ Patri Eberhard Limbrock, inawgura it-tielet qasam ta’ attività missjunarja, tul il-kosta fil-lvant-nordiku ta’ Nuova Guinea. Waqt li ħuthom missjunarji kienu qegħdin jippridkaw il-Vanġelu fiż-żoni tal-kosta, il-patrijiet William Ross u Ivo Schaefer saru pijunieri tat-twassil tad-dawl ta’ Kristu lill-popolazzjonijiet tal-widien tal-muntanji. Hekk, dak li beda umilment fil-gżira Tumleo qrib Aitape issa ħaddan iż-żewġ arċidijoċesi ta’ Madang u ta’ Mount Hagen, flimkien ma’ tminn sedji  ta’ sapport (suffraganee).

Tliet snin wara, il-patrijiet Maristi assumew l-inkarigu tar-rabà qasam ta’ konkwista missjunarja fis-Salomone settentrijonali(tan-Nord). Stabbilew ruħhom l-ewwel fil-gżejjer Shortland fl-1899, imbagħad spostaw iċ-ċentru tal-attivià missjunarja tagħhom f’Kieta, fil-gżira Bouhainville. Illum id-dijoċesi ta’ Bougainville bl-isqof  indiġenu tagħha tagħti xhieda wiesgħa tax-xogħol imwettaq mill-missjunarji qalbiena.

Hekk naraw kif, minn dawn l-erbà oqsma differenti ta’ attività missjunarja, il-Papua Nuova Guinea għandha llum erbà sedji metropolitani b’erbatax-il-dijoċesi. Alla bierek fil-wisgħa dan il-Pajjiż u waqt li rrenda fertili l-isforzi kuraġġużi tal-missjunarji li ġew hawn bil-ordni ta’ Kristu bil-messaġġ tas-salvazzjoni u l-imħabba fraterna.

3. Waqt li għandi quddiem għajnejja l-isforzi meraviljużi u ta’ min ifaħħarhom ta’ dawn il-missjunarji kollha u ta’ bosta oħrajn, jiġi f’moħħi l-kliem tal-ewwel qari tal-liturġija rallum: “insa l-imgħoddi” (inklużi l-familji tagħhom, ħbiebhom u l-Pajjiż tal-oriġni_, huma kienu “qegħdin iħarsu lejn il-ġejjieni”, waqt li jiġru lejn it-tmiem (cf. Fil 3, 13-14): il-bini tas-saltna ta’ Alla l-ħaj, il-Knisja ta’ Ġesù Kristu, f’nofs ħuthom ta’ dawn il-gżejjer imbegħda, ta’ dik li llum hija Papua Nuova Guinea. Għall-imħabba tal-Vanġelu, huma “ġarrbu t-telfa ta kull ħaġa”, għall-iskop li “jiggwadanjaw lil Kristu” (Fil 3, 8) u għalih jiggwadanjaw membri ġodda tas-altna ta’ Alla, huma wkoll mifdija permezz ta’ salibu u tal-qawmien mill-imwiet tiegħu.

Hija llum xewqa sinċiera tiegħi li nirrendi tifħir u grazzi lil Alla l-ħaj, flimkien magħkom, maħbubin ħuti, għal din is-sejħa divina meraviljuża li biħa tat frott kotran f’din l-art. “Te Deum laudamus”!

Il-Knisja li tgħix f’nofs popli u nazzjonijiet ġodda, tikber gradatament lejn il-maturità  kif l-ulied subien u bniet indiġeni jilqgħu u jwieġbu għas-sejħa divina tal-Vanġelu, mhux biss billi jgħixu fedelment is-sagramenti tal-Magħmudija u tal-Griżma, imma wkoll billi jħaddnu l-vokazzjonijiet evanġeliċi għall-ministeru saċerdotali u għall-ħajja kkonsagrata.

4. Il-Knisja, bħala l-ġisem ta’ Kristu, tikber f’din l-art b’ħajja propja tagħha, bid-doni karatteristiċi ta’ natura u ta’ grazzja tagħha, minkejja li tieħu sehem fl-għaqda tal-Knisja universali. Hija talba mħeġġa tiegħi li l-Knisja f’Papua Nuova Guinea, kif tkompli tikber u timmatura, tkun tistà tgawdi minn  fjoritura kbira ta’ vokazzjonijiet għas-saċerdozju u għall-ħajja reliġjuża. Irrid li numru dejjem ikbar ta’ wliedkom subien u bniet ikunu jistgħu jisimgħu attentament u jilqgħu dan il-kliem ta’ Kristu li jitkellem dwar għażla personali speċjali min-naħa ta’ Alla, dwar fertilità apostolika: “Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom u ħtartkom biex intom tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqà” (Ġw 15, 16). Huwa fil-pjan ta’ Alla li s-saċerdoti u r-reliġjużi jinxteħtu għas-servizz tal-familji nsara u li l-familji nsara, min-naħa tagħhom, jikkontribwixxu biex joħolqu l-kondizzjonijiet ta’ fidi favorevoli li fihom iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jisimgħu s-sejħa ta’ Alla.

Il-Knisja missjunarja f’dan il-Pajjiż fehmet sewwa l-importanza li tiffavorixxi l-vokazzjonijiet. F’dan il-qasam, l-istituzzjoni tal-iskejjel ta’ formazzjoni għall-katekisti u għalliema wrew ruħhom providenzjali fir-reġjuni differenti. Ir-riżultat ta’ dawn l-isforzi wera ruħu meta Louis Vangeke, l-ewwel saċerdot  ta’ dan il-Pajjiż, ordnat fl-1937, kien ordnat Isqof mill-Papa Pawlu VI Sydney, l-Awstralja, fl-1970.

Sforzi kbar ħtieġet l-istituzzjoni tas-seminarji minuri. L-ewwel wieħed twaqqaf ġo Vunapope, fi New Britain, u t-tieni wieħed sena wara ġo Alexishafen qrib Madang. Segwew inizjattivi oħra, u wieħed irid isemmi b’mod partikolari ix-xogħol ta’ formazzjoni seminarista  kuraġġuża tul is-snin diffiċli tat-tieni gwerra dinjija.

Illum għandkom il-fortuna li tippossiedu s-seminarju maġġuri reġġjonali ta’ Bomana, li jħejji għas-saċerdozju żgħażagħ ġejjin mill-Knejjes kollha lokali. Dawn is-seminaristi jimlewna b’tama kbira għall-futur tal-Knisja fil- Papua Nuova Guinea. Kif kull ma jmur in-numru tagħhom jikber, il-Knisja ssir tassew hija nfisha. Illum erbà wlied ta’ dan il-Pajjiż jinsabu f’nofskom bħala isqfijiet.

Ħajr lil Alla ħafna nisa ta’ Papua Nuova Guinea laqgħu s-sejħa tiegħu għall-ħajja reliġjuża. Sa mill-1912 kienet imwaqqfa l-ewwel kongregazzjoni lokali ta’ sorijiet: Ulied Marija Immakulata. U sitt snin wara bdew hawn f’Papua l-Qaddejja tal-Mulej (Handmaids of the Lord). Barra minn dan, ħafna nisa żgħażagħ ingħaqdu mal-kongregazzjonijiet missjunarji billi rrendew s-servizz tagħhom kemm fil-Pajjiż, kif ukoll barra minnu.  Kien hemm ukoll vokazzjonijiet ta’ fratelli reliġjużi, li minkejja l-bosta diffikultajiet, huma ma jonqsux fil-Papua Nuobva Guinea. Nitlob li bil-grazzja ta’ Alla n-numru tagħhom ikompli jikber.

5. Illum qegħdin ninġabru biex nagħtu xhieda tal-fatt li l-Knisja ta’ Kristu hija tempju ħaj magħmul minn irġiel u nisa ta’ din l-art. F’din iċ-ċirkustanza storika, ejjew ngħollu qlubna f’talb imħeġġeġ għal njumru ikbar ta’ vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi li grazzi lilhom ix-xogħol tal-evanġelizzazzjoni jkun jista jipprogredixxi. Dawn huma hekk meħtieġa għall-ħajja u għat-tkabbir kontinwu tal-Knisja fil-Papua Nuova Guinea, hekk meħtieġa għall-ġid tal-poplu kollu ta’ Alla. Kif qal Ġesù: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema huma ftit! Itolbu mela lill-sid il-ħsad biex jibgħat iktar ħaddiema fil-ħsad tiegħu!” (Mt 9, 37-38).

Ejjew nagħmlu din it-talba, poplu maħbub tal-Papua Nuova Guinea, f’isem Kristu, billi nafu li dak kollu li nitolbu lill-Missier f’ismu, huwa jagħtihulna (cf. Ġw 15, 16). Ejjew nagħmlu din it-talba għall-glorja tat-Trinità Qaddisa: Missier, Iben u Spirtu Santu. Amen.

Miġgub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading