Il-Mistiċi Rġiel Insara trattati fl-aħħar ħarġa ta’ ‘Knisja 2000’

L-editorjal isosnti l-bżonn ta’ purifikazzjoni fil-Knisja

Kitba ta’ Michael Caruana

Fl-aħħar ħarġa ta’ Knisja 2000 insibu tagħrif fuq ħdax-il mistiku Nisrani li għexu f’diversi żminijiet matul l-istorja twila tal-Knisja Kattolika.  Dawn il-mistiċi rġiel għandhom jgħinuna biex nersqu iktar lejn il-Ħallieq tagħna.

L-editorjal għalhekk hu dwar dan is-suġġett li dwaru kitbu 11-il studjuż minn oqsma differenti tal-ħajja.

Jibda l-editorjal li l-kultura sekulari tal-lum tippreżentalna sfidi kbar li faċli jfixklu l-ispirtu Nisrani. Wara  li jelenka dawn l-isfidi, l-editorjali  jżid l-eżodu mid-diversi knejjes Kristjani u l-iskandli tal-abbużi tal-kleru li juru l-bżonn ta’ purifikazzjoni fil-Knisja.

“Quddiem dawn l-isfidi kollha l-bniedem hu mxennaq għal direzzjoni ġewwinija lejn it-tifsira spiritwali tal-ħajja umana. Għalhekk hu meħtieġ li jkollna l-esperjenza u t-tagħlim ta’ dawk li għexu qabilna. It-tradizzjoni spiritwali tal-Knisja tinsab fit-testi klassiċi tal-kittieba mistiċi. Dawn ikopru u jindirizzaw il-ħajja tal-bniedem, jittrattawha fuq livell universali u joffru xhieda veritiera li hi rikonoxuta mill-Knisja. Dan iħeġġiġna”, isostni l-editorjali ta’ Knisja 2000, “biex inħarsu ’l quddiem b’fiduċja li ġejja mill-għajxien tal-Evanġelju għax il-Mulej qajjem u għadu jqajjem irġiel u nisa mudell għalina.”

Fit-Tradizzjoni Kristjana Alla joffri lilu nnifsu lilna lkoll. Alla beda kollox fina u Hu se jilqagħna għandu fi tmiem il-vjaġġ fuq l-art. Imma f’dan il-perjodu terrestri, aħna mhux se nsibu kwiet qabel ma nistrieħu fih. Din hi l-qagħda reali tal-qalb ta’ kull bniedem.

Ix-xhieda tal-kittieba mistiċi tagħmel tajjeb biex turi fejn hemm in-nuqqas tal-esperjenza interjuri. Dak li hu esterjuri jrid jaqbel ma’ dak li hu interjuri. Il-kittieba mistiċi jgħallmuna għalhekk li l-ġewwieni tagħna jrid ikollu x-xenqa għall-verità. Dawn il-mistiċi jispirawna u jgħinuna quddiem l-isfidi kontinwi li għandna quddiemna fi żminijietna.

Meta nsiru nafu diversi mistiċi rġiel Insara ma nistgħux ma napprezzawx l-għana tat-tradizzjoni mistika u l-profondità tat-tifsira tal-ħajja spiritwali li għaliha l-Mulej qiegħed isejħilna, isemmi l-editorjal ta’ Knisja 2000. L-għarfien profond ta’ Alla, l-identità u l-għan tagħna u l-ħidma tagħna fid-dinja għandhom iwasluna biex niżviluppaw mod ta’ ħajja li jsostni d-dixxipulat Kristjan.

Alla jrid jikkomunika lill-ħlejjaq tiegħu r-realtà tal-kuntentizza li tfisser li huma jaqsmu mill-ħajja divina tiegħu. Dan Alla jagħmlu billi jmexxihom u jsostnihom tul it-triq tal-ħajja terrestri. Din l-esperjenza l-bniedem jista’ jagħmilha permezz tal-fidi tiegħu f’Alla. Alla jikkomunika mal-umanità billi juża lingwaġġ li bih iressaq lill-bniedem lejh.

“Fil-mistiċiżmu u fl-istorja tal-ispiritwalità Kristjana nsibu testi sbieħ u eċċezzjonali fuq il-misteru ta’ Alla miktubin minn persuni li għamlu din l-esperjenza. Dawn l-awturi wrew li l-bniedem qatt ma jista’ jasal biex jagħraf il-kobor ta’ Alla fil-perfezzjoni u l-profondità kollha tiegħu. L-istorja tal-Ispiritwalità Kristjana tgħallimna li meta ssir il-laqgħa bejn Alla u l-bniedem din turi l-qawwa u l-ħajja li din tħalli fuq il-persuna. B’hekk ma jkunx hemm distanza mingħajr qies bejn Alla u l-bniedem u lanqas il-persuna ma tiġi assorbita minn Alla, imma jkun hemm laqgħa intensa u intima li tirrispetta d-differenza taż-żewġ naħat”, itemm l-editorjal. Dan jimplika ftuħ fundamentali u reali bejn Alla u l-persuna umana.

Ir-rivista Knisja 2000 tinħareġ mill-patrijiet Dumnikani kull tliet xhur.

Niżżel kopja ta’ din il-pubblikazzjoni f’format pdf …

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading