VJAĠĠ APPOSTOLIKU FIL-KOREA, PAPUA NUOVA GUINEA,
ISOLE SALOMONE U T-THAILANDIA
QUDDIESA B’ORDINAZZJONI DJAKONALI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Misraħ is-Seminarju ta’ Sampran (Thajlandja)
Il-Ġimgħa, 11 ta’ Mejju 1984
Għeżież ħuti fi Kristu.
1. Ninsabu hawn, illum wara nofsinhar, biex niċċelebraw ġrajja meraviljuża. Tlieta u għoxrin żagħżugħ, imsejħa minn Alla fil-Magħmudija u magħżula b’mod speċjali biex iservu fil-Knisja tiegħu, se jkunu ordnati għas-saċerdozju ta’ Ġesù Kristu. Dan huwa waqt important għall-Knisja kattolika kollha, kemm ta’ din il-ġenerazzjoni kif ukoll taż-żminijiet kollha. Din hija prova oħra tal-imħabba ta’ Alla għall-poplu tiegħu; ir-Ragħaj it-Tajjeb ma jħalli qatt il-merħla tiegħu mhix mgħassa. Fl-istess ħin, din iċ-ċerimonja terġa tilbes sinifikat partikolari għall-Knisja fit-Tajlandja; dan huwa sinjal ta’ maturità spiritwali. Din l-ordinazzjoni tirrapreżenta żmien il-ħsad, il-waqt ferrieħ li fih iż-żrieragħ ta’ vokazzjoni divina, miżrugħa minn Alla u kkultivati mill-familji u mill-għalliema, jinbtu fil-ħajja taż-żgħażagħ individwi, li jinsabu quddiemna llum u li qegħdin jitolbuni, li nopra f’isem Kristu u l-Knisja tiegħu, biex nagħtikom il-grazzja sagramentali tas-saċerdozju.
Meta nħares madwari u nara dan is-seminarju minuri tal-arċidijiċesi, u ftit iktar ‘l hemm is-seminarju maġġuri li huwa kkonsagrat lil Kristu dawl tad-dinja; meta naħseb fis-seminarji minuri fi kważi d-dijoċesijiet kollha tat-Tajlandja, kif ukoll is-seminarju internazzjonali mwaqqaf mill-isqfijiet; meta naħseb dwar il-komunitajiet kollha reliġjużi li jafdaw lis-seminarju maġġuri għall-formazzjoni tal-kandidati propji tagħhom, meta nara dawn l-opri meraviljużi kollha, nistà biss nerġà naħseb dwar il-bidu umli tal-ewwel kulleġġ Ayudhaya fl-1666. Nitlob u niżżi ħajr lil Alla għal bosta doni li qassmilkom, speċjalment permezz tal-viżjoni fit-tul tal-isqfijiet tagħkom.
Hawn hi il-qab tal-Knisja tat-Tajlandja, mhux biss tal-arċdijoċesi ta’ Bangkok, imma ta’ kull Knisja lokali. Hawn intom tiffurmaw, permezz tat-talb u l-istudju, is-saċerdoti futuri ta’ Pajjiżkom u ddaħħlu fihom t-tradizzjonijiet solidi li jippermettulhom li jitkellmu mal-qlub tal-poplu Tajlandiż, hekk li huma min-naħa tagħhom jaslu li jagħrfu lil Sidna Ġesù Kristu “fil-qsim tal-ħobż” (Lq 24, 35).
2. Bħala kollaboraturi tal-Isqfijiet tagħhom u parteċipi tal-ministeru ta’ Kristu saċerdot u sultan, dawn it-tlieta u għoxrin żagħżugħ se jeżerċitaw l-uffiċċju saċerdotali fil-Knisja. Bl-ordinazzjoni tagħhom sagramentali se jkunu kkonsagrati fl-Ispirtu Santu, immarkati b’karattru speċjali, u se jkunu hekk imitaturi ta’ Kristu, b’mod li jkunu jistgħu joperaw f’ismu u fil-persuna tiegħu.
Fid-deskrizzjoni lilna tal-kaeatteristiċi tal-Messija, il-profeta Iżaija jippreżentalna fl-istess ħin xbiha tas-saċerdot imitatur ta’ Kristu: “Ara l-qaddej tiegħi li jiena nwieżen, il-maħtur tiegħi li fih qalbi strieħet! Qegħedt l-ispirtu tiegħi fuqu, biex iġib il-ġustizzja lill-ġnus” (Iż 42, 1). Sabiex il-ġustizzja titwettaq, Kristu assuma l-karatteristiċi tal-qaddej ta’ Iżrael, u kien imsejjaħ biex ibati u jissagrifika ruħu għall-fidwa tal-umanità.
L-ewwel ittra ta’ San Pietru hija wkoll iktar komprensiva fl-espressjoni tad-dimensjoni sagrifikali tal-opra tal-fidwa ta’ Kristu: huwa “tgħabba bi dnubietna sa fuq is-salib, biex aħna mmutu għad-dnubiet u ngħixu għall-ġustizzja. Bil-ġrieħi tiegħu intom fiqtu” (2 Pt 2, 24). Hemm hu l-kejl tas-sagrifiċċju tiegħu fi Kristu, huwa ġarrab il-mewt biex jeħlisna minn dnubietna sabiex inkunu nistgħu nagħrfu n-novità tal-ħajja f’Alla.
Is-saċerdot tat-Testment il-Ġdid isib l-identità tiegħu fil-persuna u fil-missjoni ta’ Kristu. Huwa jkompli jirrendi evidenti l-azzjoni feddejja ta’ Kristu. Il-konsagrazzjoni tiegħu tirrapreżenta t-tbattil totali tiegħu nnifsu imwettaq minn Kristu. Is-saċerdot huwa msejjaħ biex ixandar il-bxara t-tajba tas-salvazzjoni, biex ilaqqà u jiggwida l-komunità tal-kredenti, u biex iwettaq il-funzjonijiet ta’ ministru tal-misteri sagri. F’isem ir-Redentur is-saċerdot jirrikonċilja l-midimbin ma’ Alla u mal-Knisja fis-sagrament tal-Penitenza. Waqt li jiċċelebra l-Ewkaristija is-saċerdot ixandar il-mewt tal-Mulej u l-qawmien mill-imwiet tiegħu, li fihom Ġesù stess iwettaq l-allejanza tiegħu f’demmu.
F’dan kollu Kristu huma, kif jgħid San Pietru, “ragħaj u għassies” tal-erwieħ tagħna (cf. 1 Pt 2, 25). U huwa tassew ir-Ragħaj it-Tajjeb li jissagrifika ħajtu għall-merħla tiegħu, li jaf in-nagħaġ tiegħu u n-nagħaġ tiegħu jafu lilu (cf. Ġw 10, 11-14).
Permezz tal-ordinazzjoni sagramentali, is-saċerdot jipparteċipa b’mod partikolari fl-interess pastorali ta’ Kristu għall-Knisja tiegħu. Huwa jagħmel dan f’konformità mal-missjoni tal-qaddej sofferenti ta’ Iżaija: “Qasba nġelġla ma jiksirhiex, musbieħ inemnem ma jitfiehx… Ma jgħejjiex, ma jitfarrakx” (cf. Iż 42, 3-4). B’sabar u b’umiltà huwa jwettaq il-funzjoni ta’ Kristu bħala ragħaj u kap, billi jeżerċità poter spiritwali li jingħatalu bl-iskop li jibni il-ġisem ta’ Kristu. Waqt li umilment iqiegħed lilu nnifsu għas-servizz ta’ dawk fdati għall-kura tiegħu, is-saċerdot huwa mmexxi fl-affarijiet kollha mill-volontà ta’ dak li jrid li ħadd ma jintilef u li kulħadd ikun salvat (cf. Ġw , 10, 16).
4. Gżeżież djakni tiegħi, żagħżagħ li se tkunu ordnati għas-saċerdozju, din tagħkom hija tassew vokazzjoni sublimi, għanja b’dinjità li Kristu stess takom. Din hija don speċjali ta’ Alla, biex tintuża għall-ġid tal-Knisja u għas-salvazzjoni tad-dinja. Isimgħu l-kliem tal-profeta Iżaija, li jitkellem dwar tali vokazzjoni: “Jien, il-Mulej, sejjaħtlek fis-sewwa, qbadtek minn idek u ħaristek, u għamilt minnek patt tal-poplu, dawl għall-ġnus” (Iż 42, 6).
Il-Mulej qabadkom minn idkom. Huwa jsejħilkom b’isimkom. Huwa joffrikom bħala patt lill-pop;u u dawl lill-ġnus. Jagħżel lilkom biex joffrikom b’rigal, fil-persuna ta’ Kristu, il-patt il-ġdid tiegħu imsejjes f’demmu, u biex tiddu d-dawl tal-messaġġ feddej ta’ Kristu fid-dinja kollha. Kunu fidili għal din il-vokazzjoni.
Kunu nstankabbli fis-servizz tagħkom. Segwu l-eżempju ta’ Kristu li ġie biex jaqdi u mhux biex ikun moqdi. Aċċettaw bħala sfida speċjali l-istedina biex tippridkaw il-Vanġelu lin-nies ta’ art twelidkom. Inkuraġġixxu u saħħu lil dawk li diġa semgħu l-kelma ta’ Kristu, u għadduha, b’mod sod u b’regolarità lil dawk li għadhom ma jemmnux. Il-vokazzjoni tagħkom titlob minnkom spirtu missjunarju.
Bħala saċerdoti fil-Knisja, li hija s-sagrament universali tas-salvazzjoni, intom imsejħin biex tissagrifikaw lilkom infuskom għall-fidwa ta’ kulħadd, biex issegwu l-passi ta’ dak li minn jeddu offra lilu nnifsu sabiex kulħadd jista jkun liberu. Dan ifisser li għandkom tibqgħu f’għaqda perpetwa ma’ Kristu permezz tat-talb, tas-sagrifiċċju, tat-tbatija u tal-ubbidjenza mar-rieda tiegħu. Dan jitlob ġenerożità ta’ spirtu li twassalkom biex tiżżu ħajr lil Alla kuljum għad-don taċ-ċelibat, li huwa sinjal tal-imħabba pastorali u inċentiv għaliha.
Bħalma timmeditaw dwar il-bżonn li l-missjoni tas-salvazzjoni tal-Knisja għandha tkun imwassla “sa truf l-art” (At 1, 8), naf ukoll li se tagħmlu kull sforz biex twieġbu b’qabkom kollha għat-talba biex teżerċitaw il-ministeru tagħkom f’dawk id-dijoċesi li jinsabu f’diffikultà minħabba l-iskarsezza tal-vokazzjonijiet..
Għeżież ħuti u wliedi, kunu kostanti f’imħabbitkom għal Kristu u l-Knisja tiegħu. Bħala saċerdoti, intom se tikkollaboraw ma’ Kristu salvatur; intom il-bnedmin tal-maħfra u tal-ħniena ta’ Alla. La tonqsu qatt li xxandru dik il-ħniena lil dawk li l-iktar għandhom bżonn: il-fqar, il-morda, il-moribondi, l-imdejqin, u dawk li huma mdaħħla ġo nassa tad-dnub. U uru l-ħniena ta’ Alla lil ħutkom saċerdoti li, f’waqtiet ta’ dlam u ta’ diffikultà jduru lejkom għal inkuraġġiment u sosten fratern. F’kelma waħda, fi kwalunwè azzjoni tagħkom kunu Kristu ieħor għal dawk li tiltaqgħu magħhom.
5. Nies għeżież u maħbuba tat-Tajlandja, ħuti fi Kristu, dawn iħ-żgħażagħ se jkunu immarkati bis-sinjal tal-uffiċċju saċerdotali ta’ Kristu fis-sagrament tal-Ordni sagru. Itolbu għalihom, għaż-żelu tagħhom, għall-feliċità personali tagħhom u l-perseveranza tagħhom bħala saċerdoti ta’ Kristu. Itolbu wkoll għal dawk li jkomplu jagħmlu sagrifiċċji, sabiex żgħażagħ oħra jkunu jistgħu jisimgħu l-leħen tal-Mulej u jsegwu l-passi tiegħu. Itolbu sabiex ikun hawn vokazzjonijiet numerużi u tajbin, ta’ saċerdoti, ta’ sorijiet u ta’ patrijiet. Stiednu lil Ġesù biex jidħol fi djarkom, fl-iskejjel tagħkom, fil-movimenti żgħażagħ tagħkom, hekk bosta żgħażagħ ikunu jistgħu jilqgħu s-sejħa ta’ Kristu biex iħallu kollox u jsegwuh..
F’din is-siegħa ta’ ferħ u ta’ ringrazzjament, ngħollu qlubna lejn Ġesù Kristu, ir-Ragħaj it-Tajjeb, is-Saċerdot il-Kbir tas-salvazzjoni tagħna. Huwa hu li ta l-ministeru tas-saċerdozju lill-Knisja tiegħu. Huwa hu, Ġesù Kristu, li jwassal għand il-Missier, u li mal-Missier u l-Ispirtu Santu huwa Alla wieħed għal dejjem ta’ dejjem. Amen.
Att ta’ affidament lil Marija
Fi tmiem din il-liturġija sagra, f’dan il-waqt ta’ grazzja speċjali, qlubna jduru, bi gratitudni ħajja u ferħ, lejn il-qaddisa Omm Alla.
O Beata Verġni Marija, niżżik ħajr għall-imħabba materna tiegħek lejn uliedek maskili u femminili kollha tat-Tajlandja. Bħala Ragħaj tal-Knisja universali, jiena nafdahom kollha lil Qalbek Immakulata, waqt li nitolbok biex tgħasses dejjem fuqhom u biex tiggwidahom fit-toroq tal-qdusija u tal-paċi.
O Marija, omm is-saċerdoti, b’devozzjoni filjali nafdalek dawn is-saċerdoti ġodda, li Ibnek sejjaħ biex ikunu ħbiebu u li qed jibgħat biex ixandru l-bxara t-tajba tar-redenzjoni, Żommhom dejjem fidili fis-servizz ġeneruż lill-poplu ta’ Alla. Attirahom dejjem iktar qrib lejn Qalbek pura u lejn il-Qalb Qaddisa ta’ Ibnek.
O Verġni Marija, omm il-Knisja, f’kull waqt tal-istorja umana inti qrib il-poplu ta’ Alla, billi ssostnih b’talbek u ttih il-kuraġġ li jixhed il-verità tal-Vanġelu. Interċedi llum għall-kleru kollu, ir-reliġjużi u l-lajċi tat-Tajlandja, sabiex ikunu qawwija fil-fidi u fit-tama, u jkunu jistgħu jipperseveraw fl-imħabba lejn Ġesù Krist Ibnek, Sidna, li jgħix u jsaltan mal-Missier u l-Ispirtu Santu, Alla wieħed, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb