L-Isqof Anton Teuma f’Ħadd il-Palm

Omelija fit-Tifkira Solenni tad-Daħla ta’ Ġesù f’Ġerusalemm
Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej, 13 ta’ April 2025
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
L-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex

IL-ĦARSA TA’ MĦABBA TA’ ĠESÙ

Meta l-mamà jew il-papà jħarsu lejkom b’għajnejhom imberrqin, intom x’tindunaw? ‘Għamilna xi ħaġa ħażina!’. Imma meta jħarsu lejkom bil-ħlewwa, bi mħabba, bi ħniena, intom xi tħossu? Tħossu l-imħabba tagħhom.

Iċ-Ċelebrazzjoni kollha …

Fil-Vanġelu tal-lum (Lq 22:14–23:56) li għadna kif smajna, twil, hemm ħarsa li għandna bżonnha kollha kemm aħna: il-ħarsa ta’ ħniena li Ġesù jitfa’ fuq Pietru wara li dan lil dawk ta’ madwaru jgħidilhom: ‘Ma nafux, ma nafux!’. Saħansitra San Luqa jgħidilna li jibda jisħet u jidgħi li ma jafux. Għandna bżonn ta’ din il-ħarsa ta’ ħniena, ta’ mħabba, b’mod speċjali f’din id-dinja li qed ngħixu fiha fejn m’għandniex ċans inħarsu lejn xulxin. Għandna ħafna mezzi u modi kif nikkomunikaw, imma m’għandniex ftit ħin biex noqogħdu nħarsu lejn xulxin.

Omelija biss …

Din il-ġimgħa li qed nibdew hi l-Ġimgħa li fiha se ntawlu din il-ħarsa ta’ mħabba li Ġesù għandu għal kull wieħed u kull waħda minna. Mhix ħarsa ġenerali bħal tiegħi, imma ħarsa li tinfed l-għajnejn, il-qalb, l-istorja, il-familja ta’ kull wieħed u kull waħda minnkom.

Ħamis ix-Xirka, filgħaxija imma anki filgħodu; il-Ġimgħa l-Kbira, iċ-ċelebrazzjoni tal-Adorazzjoni tas-Salib; u l-Velja tal-Għid: dawn huma t-tliet mumenti li ser iġebbdu u jtawlu din il-ħarsa ta’ mħabba li aħna tant għandna bżonn. Il-Mulej Ġesù jagħtina llum li nitqanqlu u nitħeġġu biex inkunu hawn, biex nipparteċipaw, biex nieħdu sehem, ħalli ngawdu mill-imħabba li toħroġ minn dawn l-għajnejn mimlija ħniena għal kull wieħed u kull waħda minna.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading