ĠESU’ GĦADDA MILL-MEWT GĦALL-ĦAJJA!
Miġbura minn Fr Michael A. Galea
Henri Matisse kien skultur u pittur Franċiż li miet fit-3 ta’ Novembru tal-1954. Kien skultur u pittur: ix-xogħlijiet tiegħu jinsabu f’diversi pajjiżi tad-dinja. Jgħidu li fl-aħħar snin ta’ ħajtu, dan Matisse kien ibati minn artrite qawwija, l-aktar fil-pali ta’ jdejh: kien ibati ħafna biex iħarrek u jagħlaq subgħajh. Pero’ minkejja din it-tbatija kollha f’idejh, Matisse xorta kien jipprova jpitter. Kien ipoġġi ċarruta ratba ħafna bejn subgħajh, jara kif iżomm il-pinzell u jpitter dettal wara l-ieħor bil-mod il-mod. Ħbiebu ġieli kienu jistaqsuh u jgħidulu: “Henri, dan għaliex qed taħqar daqshekk lilek innifsek, tbati din it-tbatija kollha?” Kien iweġibhom u jgħidilhom: “Għax it-tbatija, kbira kemm hi kbira tgħaddi, imma t-tajjeb u s-sabiħ li joħroġ mit-tbatija jibqa’ warajja!” U fil-fatt hekk ġara: Henri Matisse miet imma t-tajjeb u s-sabiħ li ħoloq, anki b’ħafna tbatija, għadu magħna. U dan huwa raġġ ta’ tama, aħbar ta’ ferħ: it-tbatija u l-mewt mhumiex l-aħħar kelma! Ħa nagħmel erba’ riflessjonijiet…
L-ewwel riflessjoni. Xtaqt inkompli din l-omelija billi nieqaf ftit fuq l-ewwel lezzjoni li qrajna fil-velja tal-Għid, meħuda mill-Ktieb tal-Ġenesi: Alla joħloq is-sema u l-art, il-baħar b’kull ma fihom u mbagħad fl-aħħarnett joħloq lill-bniedem xbieha tiegħu u kapulavur ta’ jdejh. L-Awtur Sagru jgħidilna li Alla kien sodisfatt b’dak kollu li kien għamel tant li jgħid: “U Alla ra li kollox kien sew.” Imma wara li ħalaq il-bniedem u temm kulma kellu jagħmel, l-Awtur Sagru jgħidilna: “Alla ħares lejn kulma għamel u ra li kollox kien tajjeb ħafna!” Imma l-bniedem, l-isbaħ fost dak li ħareġ minn idejn Alla, għamel id-dnub u fid-dinja daħal il-kaos, it-taħwid, it-tgerfix. Fid-dinja daħlu t-tbatija u l-mewt. Imma Ġesu ġie fid-dinja propriju biex jirbaħ il-mewt u jagħti sens lit-tbatija għax hu stess għadda minnhom.
It-tieni riflessjoni. Minħabba l-egoiżmu tiegħu, il-bniedem kontinwament jittenta jħassar it-tajjeb u s-sabiħ li għamel Alla. Biżżejjed tiftaħ it-television u dejjem trid tiġi wiċċ imb’ wiċċ ma’ inġustizzji, ma’ atti ta’ vjolenza, ma’ diskriminazzjoni, ma’ terroriżmu u ma’ gwerer bla sens u bla proporzjon. Dan kollu qed narawh iseħħ kuljum fil-ġlied bejn ir-Russja u l-Ukraina, bejn Iżrael u l-Palestina. Imsieken dawk l-eluf ta’ nies u tfal li qegħdin imutu innoċentement. Biex insemmi każ wieħed mill-ħafna li qegħdin jiġru fil-Palestina jew f’Gaża….Xi ħmistax ilu, kont qed nara l-aħbarijiet ta’ stazzjon Taljan jismu TV2000 u l-ġurnalista qal hekk: “222 tifel u tifla spiċċaw mirduma taħt il-concrete; il-fran mhumiex jaħmu ħobż għax dqiq ma baqgħalhomx u lanqas għandhom x’jixorbu għax l-ilma huwa kollu kontaminat.” Il-qaddis Papa Ġwanni Pawlu II kien jgħid: “Qegħdin ngħixu f’kultura tal-mewt; il-ħajja tal-bniedem roħsot ħafna, daqs tazza ilma ssib min jeqridha u jeħles minnha. Miljuni ta’ trabi ma jarawx wiċċ id-dinja għax jispiċċaw mejta f’ġuf ommhom. Ikrah ħafna d-dnub tal-abort għax il-fetu f’ġuf ommu huwa innoċenti u ma jistax jiddefendi ruħu” Għalhekk il-Konċilju Vatikan II jgħid li l-abort huwa delitt l-aktar gravi. Propriju llum qegħdin niċċelebraw lil Ġesu li qam mil-mewt u jagħti l-ħajja. Dawk kollha li jemmnu fih isiru messaġġiera tal-ħajja ġdida u mhux tal-mewt.
It-tielet riflessjoni. Nhar il-Ġimgħa fit-tlieta ta’ fil-għaxija adurajna lil Ġesu’ Msallab u bisna s-salib li lkoll kemm aħna qegħdin qegħdin inġorru. F’Ġesu’ Imsallab hemm miġbura t-tbatija kollha tagħna l-bnedmin, il-mard, il-frustrazzjonijiet, l-umiljazzjonijiet, l-inġustizzji, etc. Imma f’Ġesu imsallab naqraw ukoll l-imħabba ta’ Alla lejna, imħabba bla tarf, imħabba li fdiet id-dnub tagħna, imħabba li tat sens lit-tbatijiet tagħna, li tat tama lill-imwiet tagħna, imħabba li saret bidu ta’ ħajja ġdida.
Ir-raba riflessjoni. Illum qegħdin niċċelebraw l-ikbar sollennita’ tagħna l-insara: l-Għid Imqaddes. Wara tlitt ijiem mejjet u midfun fil-qabar, Ġesu’ qam rebbieħ fuq il-mewt. Issa, għax Kristu qam mill-mewt, ma nistgħux nieqfu fuq l-ikrah, fuq in-negattiv, fuq il-mewt. Ġesu’ wkoll daq il-qrusa tat-tbatija u l-kruha tal-mewt, imma llum qagħdin niċċelebrawh imqajjem mill-mewt, rebbieħ fuq id-dnub, ħaj biex ma jmut qatt. Kemm aħna xortina tajba aħna l-insara li aħna messaġġiera tal-qawmien, tal-ħajja, tal-ferħ u tal-pożittiv.
Sbiħ il-Ħadd, Marija ta’ Magdala marret ħdejn il-qabar biex tidlek bil-fwejjaħ lil Ġesu’ u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor il-maħbub ta’ Ġesu’ u qaltilhom: “Qalgħu lill-Mulej mill-qabar u ma nafux fejn qegħduh.” Huma wkoll ħarġu u marru ħdejn il-qabar, ittawlu u tassew raw il-qabar vojt. Fih kien hemm biss il-faxex tal-għażel mixħutin u l-maktur li kien madwar rasu, imgeżwer u mixħut għalih. X’raġġ ta’ tama! X’aħbar ta’ ferħ! Ma’ Ġesu’ li għadda mit-tbatija għall-glorja, mill-mewt għall-ħajja, it-tbatija u l-mewt tagħna m’għadhomx l-aħħar kelma.
Nispiċċa. Kif se ngħixu dan ir-raġġ ta’ tama u din l-aħbar ta’ ferħ? Ngħixuhom meta minkejja d-dlam li naraw madwarna, minkejja t-tbatija li forsi jkollna nġarrbu, nippruvaw xorta waħda nagħmlu xi ħaġa fid-direzzjoni t-tajba, xi ħaġa sabiħa għalina u għall-oħrajn…It-tbatija tgħaddi, imma t-tajjeb u s-sabiħ li nagħmlu jibqa’ warajna…Ġesu’ jkompli jirbaħ permezz tiegħi u permezz tiegħek! Din l-esperjenza tal-qawmien ma tiqafx hawn u illum. Kull nhar ta’ Ħadd nibqgħu niċċelebraw il-qawmien ta’ Ġesu u s-sejħa tagħna biex bħalu nkunu irxuxtati, distakkati mill-materjaliżmu u mid-dnub. Ulied il-qawmien ma humiex ilsira tal-passjonijiet, ta’ l-affarijiet, tal-ħażin. Ulied il-qawmien huma dawk li jfittxu dak li hu sewwa, dak li hu verita’, dak li hu sabiħ. Għalhekk jagħmel sens li f’dawn il-ġranet ngħidu lil xulxin: “l-Għid it-tajjeb!” Kristu qam tassew mill-imwiet!