It-Tempju ta’ Alla (3) … u L-Ewwel Miraklu Ewkaristiku Divin

Il-Mirakli Ewkaristiċi (75)
minn Manwel Cutajar

(Nota: F’dan l-artiklu u f’dak ta’ wara se nikteb biss dwar l-Ewwel Miraklu Ewkaristiku, li seħħ propju fil-Preżenza ta’ Kristu nnifsu fl-Aħħar Ċena Tiegħu mal-Appostli, u dan l-Ewwel Miraklu Ewkaristiku kien jikkonsisti  propju fit-Twaqqif tal-Ewkaristija Qaddisa li matulha il-Ħobz u l-Inbid li Ġesù ta lill-Appostli fl-Aħħar Ċena tbiddlu realment u sostanzjalment fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. Hekk twettqet l-Ewwel Transustanzjazzjoni tal-Ewkaristija:“Imbagħad qabad ħobża,radd il-ħajr , kisirha,  tahom u qal: Dan hu Ġismi għalikom agħmlu dan b’tifkira tiegħi.Hekk ukoll għamel bil-kalċi wara l-ikla u qal “Dan il-kalċi  hu l-għaqda l-ġdida b’Demmi imxerred għalikom” ( Luqa 22, 19-20; Mattew 26, 26-28; Mark14, 18-21)” )

l-Artal u T-Tabernaklu

It-Tempju ta’ Alla jilqa’ fih u jqim b’akbar Għozza,Qima  u Venerazzjoni l-aktar żewġ oġġetti importanti u qaddisa li għandhom x’jaqsmu mal-Ewkaristija l-aktar Qaddisa u Divina: L-Artal Imqaddes li fuqu kuljum iseħħ l-Aqwa u l-Akbar Miraklu Ewkaristiku, u t-Tabernaklu Mqaddes li ġewwa fih tinżamm l-Ewkaristija Qaddisa: Ġesù Kristu nnifsu.

Fl-artikli li jmiss se nagħti fil-qosor xi tagħrif Bibliku u Teoloġiku dwar  dawn iż-żewġ binjiet Imqaddsa li jinsabu fil-knejjes tagħna.

L-Artal fl-Antik Testment

Artali ( bil-Lhud : מִזְבֵּחַ mīzbēaḥ ,“post ta’ qatla jew sagrifiċċju”) fil-Bibbja Ebrajka kienu tipikament magħmula mill-art( Eżodu 20:24 ) jew ġebel mhux maħdum ( 20:25 ).L-artali kienu ġeneralment imwaqqfa f’postijiet li jidhru ( Ġenesi 22:9 ; Eżekjel 6:3 ; 2 Slaten 23:12 ; 16:4 ; 23:8 ).

L-ewwel darba li l-kelma artal tissemma’   fil-Bibbja Ebrajka kienet meta artal kien ġie mibni minn Noè,  kif hemm miktub fil-Ġenesi  8,20-21. Filfatt,l-ewwel ħaġa li għamel Noè meta ħareġ mill-arka wara d-Dilluvju kienet li ”bena artal lill-Mulej,u ħa minn kull annimal safi u mit-tajr safi,u offra sagrifiċċju tal-ħruq fuq l-artal.U l-Mulej xamm ir-riħa ħelwa u għoġbitu…” Noè bena dal-artal bħala att ta’ Fidi għax kien konvint li l-Mulej biss hu Alla,u għax  kien iħobb lil Alla u xtaq iqimu u jroddu ħajr. Artali oħra inbnew minn  Abraham (Ġenesi12:7 ;13:4 ;13:18 ; 22:9 ),minn Iżakk ( Ġenesi 26:25 ),minn Ġakobb ( 33:20 ; 35:1–3 ), minn Mosè ( Eżodu 17:15 : 15:15), u  minn Samwel (1 Samwel 14,35 ).

L-Artal fit-Testment il-Ġdid

B’kuntrast,fit-Testment il-Ġdid,insibu tifsir  kruċjali tat-terminu artal. 

Fit-Testment il-Qadim, l-altari kienu strutturi fiżiċi għas-sagrifiċċji,filwaqt li fit-Testment il-Ġdid, l-altari jissimbolizzaw devozzjoni spiritwali, qima, u konnessjoni ma’ Alla permezz ta’ Ġesù Kristu. 
L-artali fiżiċi tat-Testment il-Qadim evolvew f’espressjonijiet spiritwali fit-Testment il-Ġdid (Ġwanni 4:23-24);
L-attenzjoni nbidlet minn sagrifiċċji ritwali għal relazzjonijiet personali ma’ Alla permezz ta’ Ġesù Kristu (Mattew 27:51).

Hekk,l-attenzjoni inbidlet mill-altari fiżiċi għall-‘artal’ li  jirrappreżenta tal-Ġisem ta’ Kristu fuq is-Salib, u  l-Offerta Aħħarija għall-Fidwa tal-umanità.

Madankollu,filwaqt li ż-żewġ Testmenti jużaw it-terminu ‘artal’ b’mod differenti, it-tnejn li huma jżommuh bħala simbolu   qawwi u li jolqot profondament is-sentimenti ta’ Imħabba  fir-relazzjoni bejn Alla u l-poplu Tiegħu. 

It-Tagħlim tal-Knisja fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika (KKK) dwar is-sens Teoloġiku tal-Artal

“Id-dar ta’ talb fejn l-Ewkaristija tiġi ċċelebrata u fejn tinżamm l-Ewkaristija, fejn jinġabru l-insara, fejn hu preżenti l-Iben ta’ Alla, is-Salvatur tagħna, li  ġie offrut għalina fuq l-artal tas-Sagrifiċċju u jiġi meqjum bħala għajnuna u faraġ, għandha tkun sabiħa,u adattata għt-talb u għaċ-Ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi.” ( KKK 1181)

L-artal tal-Patt il-Ġdid huwa s-Salib tal-Mulej,li minn fuqu ħarġu  s-Sagramenti tal-Misteru tal-Għid.Fuq l-artal,li hu ċ-Ċentru tal-Knisja, iseħħ is-Sagrifiċċju tas-Salib taħt ix-xbihat  Sagramentali. L-artal huwa wkoll il-Mejda tal-Mulej,li għaliha huwa mistieden il-Poplu ta’ Alla.F’xi Liturġiji tal-Lvant,l-artal huwa wkoll is-simbolu tal-Qabar (Kristu tassew miet u tassew qam) (KKK 1182).

L-artal,li madwaru tinġabar il-Knisja fiċ-Ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija,juri żewġ aspetti tal-istess Misteru:l-artal tas-Sagrifiċċju u l-Mejda tal-Mulej u dan aktar u aktar għaliex l-artal Nisrani huwa s-simbolu ta’ Kristu stess, preżenti f’nofs il-ġemgħa tal-insara,fl-istess waqt vittma offruta għar-rikonċiljazzjoni tagħna ma’ Alla u ikel tas-sema li jingħata għalina kif ukoll bħala ikel mis-sema li qed jagħti Lilu Nnifsu lilna. ” X’inhu  mela  l-artal ta’ Kristu jekk mhux ix-xbieha tal-Ġisem ta’ Kristu?”  jgħid San Ambroġ u band’oħra “L-artal jirrappreżenta l-Ġisem [ta’ Kristu] u l-Ġisem ta’ Kristu jinsab fuq l-artal” (KKK 1383)

 Nota Interessanti Tabilħaqq:

Il-Mejda tal-Aħħar Ċena

Fil-Bażilika San Ġwann Lateran, ġewwa Ruma, hemm parti  mill-Mejda tal-Aħħar Ċena, miġjuba Ruma minn Sant’ Elena fis-sena 328 AD.  Din tinsab fuq ix-xellug tal-Artal Papali. Dil-mejda sinifikanti ferm użata fl-Aħħar Ċena tidher fl-għoli fuq it-tabernaklu u wara riliev tad-deheb tal-Aħħar Ċena, propju wara ras Kristu u l-Appostli.

It-tradizzjoni tgħid li kien fuq din il-Mejda li Ġesù u l-Appostli ċċelebraw l-Aħħar Ċena.

Fl-arkeoloġija

Żmien ilu ġew skoperti il-fdalijiet ta’ tliet altari f’Iżrael, maħdumin fil-blat: wieħed qrib Tel Zorah magħruf bħala “l-Artal ta’ Manoah” ;  ieħor f’Sebastia (Is-Samarija tal-qedem), u ieħor qrib Shiloh

 ———-

Ara l-lista kollha ta’ kitbiet preċedenti f’din is-sensiela … https://www.laikos.org/mewk.htm

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading