Bejn il-mewt ta’ Papa u l-ħatra ta’ ieħor

Il-Konklavi li jwasslu lill-Knisja għall-ħatra ta’ Papa ġdid ser jibdew fis-7 ta’ Mejju 2025.

Tagħrif miġbur minn Joe Farrugia

Is-Sibt 26 ta’ April, id-dinja sellmet għall-aħħar darba lill-Papa Franġisku. Dakinhar segwejna l-quddiesa tal-funeral fi Pjazza San Pietru. Minn hemm rajna l-korteo fit-tebut lejn il-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore u d-difna tiegħu fl-istess bażilika. 

Għaliex dan il-papa ma indifinx fil-Bażilika ta San Pietru, fejn hemm tant u tant mill-predeċessuri tiegħu?  Dan sar fuq xewqa tiegħu stess li jkun midfun fl-istess post fejn kien imur jitlob b’mod regolari qabel u wara kull vjaġġ appostoliku li kien ikollu.

Fuq xewqa tiegħu ukoll, is-sempliċità tal-kitba fuq qabru, “FRANĠISKU”.

 X’jiġri minn issa sal-Konklavi

Il-funeral tal-Papa Franġisku mmarka l-bidu ta’ disat jiem ta’ luttu. L-ewwel appuntament kien l-għada stess tal-funera għall-quddiesa f’San Pietru li saret il-Ħadd filgħodu. Hija drawwa li, għal disat ijiem konsekuttivi wara l-funeral tal-Papa, isir quddies b’suffraġju għall-Papa. Dawn jibdew bil-quddiesa tal-funeral.

Fit-tieni jum …
Il-Ħadd 27 ta’ April, 10.30 am, fuq it-taraġ tal-Bażilika tal-Vatikan: ħadu sehem l-impjegati u l-insara resident fil-Belt tal-Vatikan. Il-konċelebrazzjoni kienet ippreseduta mill-Kardinal Pietro Parolin, eks Segretarju tal-Istat.

Fit-tielet jum ..
It-Tnejn 28 ta’ April, 5.00 pm, fil-Bażilika tal-Vatikan issir quddiesa mill-Knisja ta’ Ruma li tagħha l-papa kien l-Isqof. Il-konċelebrazzjoni li tkun ippreseduta mill-Kardinal Baldassare Reina, il-vigarju ġenerali tal-Papa għad-djoċesi ta’ Ruma.

Fir-raba’ jum ...
It-Tlieta 29 ta’ April, 5.00 pm, fil-Bażilika tal-Vatikan jieġdu sehem il-Kapitoli tal-Bażilċi Papali. Il-konċelebrazzjoni se tkun ippreseduta mill-Kardinal Mauro Gambetti, arċipriet tal-Bażilika Papali ta’ San Pietru fil-Vatikan.

Fil-ħames jum …
L-Erbgħa 30 ta’ April, 5.00 pm, fil-Bażilika tal-Vatikan: il-Kappella Papali, tkun riservata għall-kardinali biss. Il-konċelebrazzjoni tiġi ppreseduta mill-Kardinal Leonardo Sandri, viċi dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali.

Fis-sitt jum …
Il-Ħamis 1 ta’ Mejju, 5.00 pm, fil-Bażilika tal-Vatikan tkun għall-Kurja Rumana. Il-konċelebrazzjoni tkun ippreseduta mill-Kardinal Kevin Joseph Farrell, Kamerlengo tal-Knisja Mqaddsa Rumana.

Fis-seba’ jum …
Il-Ġimgħa 2 ta’ Mejju, 5.00 pm, fil-Bażilika tal-Vatikan jieħdu sehem il-Knejjes Orjentali. Il-konċelebrazzjoni tkun ippreseduta mill-Kardinal Claudio Gugerotti, eks prefett tad-Dikasteru għall-Knejjes Orjentali.

Fit-tmien jum …
Is-Sibt 3 ta’ Mejju, 5.00 pm, fil-Bażilika tal-Vatikan jkun hemm il-membri tal-Istituti tal-Ħajja Konsagrata u s-Soċjetajiet tal-Ħajja Appostolika. Il-konċelebrazzjoni tkun ippreseduta mill-Kardinal Ángel Fernández Artime, eks pro-prefett tad-Dikasteru għall-Istituti ta’ Ħajja Konsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika.

Fid-disa’ jum …
Fl-aħħar jum, il-Ħadd 4 ta’ Mejju, 5.00 pm, il-Kappella Papali tal-Bażilika tal-Vatikan tkun riservata għall-kardinali biss. Il-konċelebrazzjoni titmexxa mill-Kardinal Dominique Mamberti, protodjaknu tal-Kulleġġ tal-Kardinali.

L-insara kollha jistgħu jieħdu sehem f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.

Il-Kongregazzjonijiet

Bejn il-mewt tal-papa u l-Konklavi, isiru l-kongregazzjonijiet ġenerali. Dawn diġà bdew fis-Sala l-ġdida tas-Sinodu. Jipparteċipaw il-kardinali kollha, inklużi dawk li għandhom aktar minn tmenin sena u li mhumiex votanti. Qed imexxi l-kongregazzjonijiet id-dekan tal-kulleġġ tal-kardinali, Giovanni Battista Re, ta’ 91 sena, li ċċelebra wkoll il-funeral tal-Papa.

Fl-ewwel laqgħat, ġew stabbiliti l-ħinijiet u l-metodi taċ-ċelebrazzjonijiet għal Papa Franġisku. Il-Kongregazzjoni Ġenerali li jmiss tal-Kardinali hija skedata għat-Tnejn filgħodu, 28 ta’ April, u tibda fid-9:00. F’din il-laqgħa, għandha tiġi deċiża wkoll id-data tal-bidu tal-Konklavi, li trid tkun mhux qabel ħmistax-il jum u mhux aktar tard minn għoxrin mill-mewt tal-Papa.

Il-Konklavi

Fis-7 ta’ Mejju 2025, meta jibdew il-konklavi, fil-Bażilika ta’ San Pietru tiġi ċċelebrata l-Quddiesa pro eligendo Romano Pontifice – għall-ħatra ta’ Papa ġdid. Il-kardinali eletturi kollha jipparteċipaw u r-riti tal-konklavi jibdew formalment.

Il-kardinali mbagħad jimxu f’purċissjoni mill-Kappella Pawlina għall-Kappella Sistina.

Fil-Kappella Sistina, li ġiet iċċekkjata u mnaddfa fil-jiem ta’ qabel, isiru l- -votazzjoni relatati mal-Konklavi. Ġewwa, hemm bankijiet imwaqqfa biex ipoġġu l-kardinali eletturi u fuklar biex jinħarqu l-karti wara kull votazzjoni.

Il-kardinal dekan jippronunzja l-ġurament bil-Latin u mbagħad il-kardinali jaħilfu fuq l-Evanġelji li jwettqu dmirhom b’fedeltà fl-interessi tal-Knisja u jżommu s-segretezza dwar dak li jiġri fil-Kappella Sistina.

Iċ-ċeremonier li kien imexxi ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi tal-Papa, wara l-ġurament, jippronunzja l-frażi bil-Latin, extra omnes, biex kull min mhux cardinal elettur joħroġ mill-Kappella Sistina. Anke kardinali li għalqu t-tmemmin sena, ma jistgħux jivvutaw, għalhekk ikun jridu joħorġu wkoll.

Il-Papa l-ġdid irid jikseb żewġ terzi tal-voti ta’ dawk preżenti. Isiru erba’ votazzjonijet kuljum. Minn fost il-kardinali nfushom, jintgħażlu tlieta biex jiċċekjaw il-voti, tliet reviżuri u tliet persuni responsabbli mill-ġbir tal-voti tal-kardinali morda.

Fuq kull karta tal-vot ikun hemm stampat il-kliem Eligo in Summum Ponteficem – Naħtar bħala Papa. Maġenbha kull kardinal jikteb l-isem tal-kandidat tiegħu. Meta kulħadd ikun xeħet il-karta tal-vot tiegħu, l-iskrutinisti jgħoddu l-voti u, jekk in-numru jkun korrett, jaqraw l-ismijiet. Jekk ma jkunx hemm xi ħadd elett, jibqgħu jsir votazzjoni oħra, waqt li d-dokumenti kollha tal-votazzjoni jinħarqu fil-fuklar bi ftit kimika magħhom, biex id-daħna li toħroġ miċ-ċumnija tal-Kappella Sistina tkun sewda, sinjal lill-folla barra u lid-dinja li l-Papa jkun għadu mhux elett.

Ir-Regoli tal-Konklavi

Il-kelma Konklavi, mil-Latin cum clave – biċ-ċavetta, jirreferi għall-iżolament totali tal-kardinali fil-Kappella Sistina, fejn huma jkunu msejħa biex jeleġġu l-Papa l-ġdid. Il-liġi attwali li tirregola dan il-mument fundamentali fil-ħajja tal-Knisja Kattolika għandha l-għeruq tagħha fl-1904, bil-kostituzzjoni Vacante Sede Apostolica ta’ Piju X. Din ġiet segwita minn reviżjonijiet u aġġornamenti sinifikanti, fosthom minn Piju XII, Ġwanni XXIII u Pawlu VI, li introduċa l-esklużjoni mill-vot għall-kardinali li għandhom aktar minn tmenin sena.

Imbagħad sar tibdil fir-regoli fl-1996 bil-Kostituzzjoni Appostolika Universi Dominici Gregis ta’ Ġwanni Pawlu II, li stabbilixxiet id-dixxiplina tal-Konklavi b’mod preċiż, billi ppreskriviet li l-elezzjoni tal-Papa setgħet isseħħ biss per scrutinium, jew b’vot sigriet.

Reviżjoni oħra saret minn Benedittu XVI fl-2007, fejn żammet intatt il-prinċipju tal-maġġoranza kwalifikata ta’ żewġ terzi biex jiġi elett b’mod validu papa ġdid.

Min jista’ jeleġġi u min jista’ jiġi elett

Skont il-leġi attwali tal-Knisja, l-irġiel kollha mgħammdin u mhux miżżewġin huma eliġibbli, iżda fil-prattika moderna l-elezzjoni dejjem taqa’ fuq kardinal. Kardinali biss li jkollhom inqas minn 80 sena fil-ħin tal-mewt tal-Papa jistgħu jipparteċipaw fil-Konklavi. Bħalissa, mill-253 kardinal, 135 huma taħt din l-età, u għalhekk għandhom id-dritt sħiħ li jeleġġu. Minn dawn, 110 ġew maħtura mill-Papa Franġisku, u dan jassigura kontinwità possibbli mal-linja riformista tiegħu.

Il-kardinali li għandhom aktar minn 80 sena m’għandhomx id-dritt tal-vot, iżda jistgħu jipparteċipaw, fuq bażi fakultattiva, fil-kongregazzjonijiet ġenerali ta’ qabel il-Konklavi, fejn tiġi diskussa s-sitwazzjoni tal-Knisja u l-isfidi li jistennew lill-Papa l-ġdid.

Sadanittant, it-tmexxija tal-Knisja hija fdata lill-Kulleġġ tal-Kardinali, li madankollu għandu setgħat limitati: ma jistax jimmodifika l-liġijiet, lanqas jaħtar isqfijiet jew iwettaq atti li huma prerogattiva esklussiva tal-Papa.

Jekk id-duħħan li joħroġ miċ-ċumnija jkun abjad ifisser li ġie elett pontifiċju ġdid. Fid-disa’ jum, wara mill-inqas 33 vot mingħajr riżultat pożittiv, il-konklavi jorganizza votazzjoni bejn iż-żewġ kardinali li jkunu rċevew l-aktar voti.

Il-konklavi tal-2013 li fihom kien ġie elett il-Papa Franġisku wara r-riżenja ta’ Benedittu XVI, kien damu jumejn biss.

Meta jkun elett il-papa l-ġdid

Il-Papa elett ikun mistoqsi jekk jaċċettax l-ħatra bħala mexxej suprem tal-Knisja Kattolika. Wara t-tweġiba pożittiva tiegħu, huwa jintalab jagħżel isem. Imbagħad jidħol abjad fis-sagristija tal-Kappella Sistina fejn jilbes l-ilbies papali u joħroġ mill-ġdid fil-kappella fejn jitkanta t-Te Deum.

Hawn miċ-ċumnija tal-Kappella Sistina, jingħata s-sinjal tad-duħħan abjad li jindika lill-folla miġbura fil-pjaza u lill dawk li jkunu qed isegwu fuq it-televiżżjoni u midja oħra, li papa l-ġdid ikun ġie elett.

Wara dan mil-loggia tal-Bażilika ta’ San Pietru, il-kardinal protodjaknu jagħmel it-tħabbira, Habemus Papam – Għandna Papa. Huwa jagħti l-istem tal-Kardinal li jkun inħatar bħala suċċesur tal-Appostlu Pietru u jagħti wkoll l-isem li l-papa l-ġdid ikun għażel għalih innifsu.

Ftit tal-ħin wara, jitfaċċa l-Papa nnifsu li jagħti l-ewwel barka tiegħu bħala Isqof ta’ Ruma.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading