VIŻTA LILL-KULLEĠĠ PONTIFIĊJU SKOĊĊIŻ
OMELIJ TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 3 ta’ Ġunju 1984
Għeżież ħuti fi Kristu
1. Sentejn ilu f’dan il-perjodu kelli l-pjaċir li nkun fl-Iskozja. U jidhirli li l-kliem li ppronunzjajt ġo Bellahouston Park, nistà nirrepetih lilkom, studenti u staff tal-kulleġġ Pontifiċju Skoċċiż: “Il-ġurnata tallum hija stadju ieħor sinifikattiv fl-istorja tas-salvazzoni tagħna: is-suċċessur ta’ Pietru jiġi jżur lill-ulied spiritwali ta’ Indri! Aħna magħqudin flimkien minn fratellanza spiritwali iktar qawwija mir-rabta tad-demm, ejjew nixhdu hawn u issa li nipprofessaw dik l-istess fidi identika f’Ġesù (il-fidi ta’ Indri) fit-tama soda li nistgħu aħna wkoll iwasslu lill-oħrajn għal għandu. Din il-professjoni komuni ta’ fidi hija l-mottiv li jimbuttani biex inwettaq il-vista pastorali tiegħi f’art twelidkom” (Ioannis Pauli PP. II, Homilia in«Bellahouston Park» occasione celebrationis liturgicae habita , 1, die 1 iun. 1982: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, V/2 [1982] 2064).
Inwasslu lill-oħrajn għand Ġesù tispjega għaliex il-predeċessur tiegħi Klement VIII waqqaf dan il-kulleġġ fl-1600, u tispjega wkoll għaliex kull wieħed minnkom ġie hawn. U llum jiena ġejt biex inkun magħkom u biex nipprssa flimkien magħkom il-fidi tagħna f’Ġesù u fil-misteru tat-Tlugħ tiegħu fis-sema.
2. Illum il-Knisja tiċċelebra l-ħajja li Ġesù jgħix fis-sema ma’ Missieru fl-għaqda mal-Ispirtu Santu. Illum il-Knisja tipproklama l-glorja ta’ Kristu, kap tagħha, u t-tama li timla l-ġisem mistiku kollu. Fil-misteru tal-Axxensjoni l-Knisja timmedita l-imħabba mmensa li l-Missier għandu għall-Iben: “Qiegħed kollox taħt riġlejh, u għamlu Ras fuq il-Knisja kollha, li hi ġismu, il-milja ta’ dak li jimla kollox f’kollox” (Ef 1, 22-23).
Propju għaliex aħna l-ġisem ta’ Kristu, aħna nieħdu sehem fil-ħajja ċelesti tal-mexxej tagħna. L-Axxensjoni ta’ Ġesù hija t-trijonf tal-umanità, għaliex l-umanità hija magħquda ma’ Alla għal dejjem, hija gglorifikata għal dejjem fil-persuna tal-Iben ta’ Alla. Kristu fil-glorja ma jippermetti qatt li jkun mifrud minn ġismu. Ninsabu diġa magħqudin fil-ħajja ċelesti tiegħu għaliex mar qabilna, bħala l-mexxej tagħna. Barra minn dan, Kristu jikkonferma d-dritt tagħna biex inkunu miegu u mit-tron tiegħu ta’ grazzja jagħti kontinwament il-ħajja – fl-erwieħ tagħna. U l-istrument li huwa juża biex jagħmel dan huwa l-istess umanità tiegħu gglorifikata, li biha aħna magħqudin permezz tal-fidi u s-sagramenti.
Mhux aħna biss – il-Knisja – nieħdu sehem fil-ħajja tal-mexxej igglorifikat, imma kif il-mexxej, jieħu sehem b’nod sħiħ fil-pellegrinaġġ ta’ ġismu, jiggwidah u jindirizzah lejn id-destin tiegħu fil-glorja ċelesti. Imbagħad intom, ħuti, intom magħqudin ma’ Kristu fil-misteru tal-Axxensjoni – “quae sursum sunt quaerite!” – tkunu iktar sensibbli għall-bżonnijiet tal-membri ta’ Kristu li jissieltu fil-fidi biex jilħqu l-viżjoni tal-wiċċ ta’ Alla fil-glorja.
3. Minn dan il-post ta’ glorja Ġesù huwa għal dejjem il-medjatur tagħna mal-Missier u jikkomunika lil ġismu il-qawwa li tgħajjex, kif huwa jagħmel, totalment għall-Missier. Mgħolli għal-leminija tal-Missier bħala mexxej u salvatur, Ġesù jxerred fuq l-umanità l-maħfra tiegħu (cf. At 5, 31). Fil-misteru tal-Axxensjoni tiegħu Ġesù jwettaq l-irwol saċerdotali mogħti lilu mill-Missier: Jinterċedi għall-membri tiegħu “billi huwa dejjem ħaj biex jinterċedi favurhom” (Lh 7, 25). Waqt li tirriflettu dwar l-Axxensjoni tal-Mulej, se ssibu lilkom stess ikkonfermati fil-vokazzjoni tagħkom ta’ interċessuri għall-poplu ta’ Alla, b’mod partikolari f’art twelidkom l-Iskozja. Grazzi għal qawwa preżenti iċ-ċelebrazzjoni liturġika ta’ Kristu gglorofikat intom tkunu tistgħu twettqu denjament l-aħħar ordni tiegħu ta’ evanġelizzazzjoni, mogħtija qabel l-Axxensjoni: “Morru mela u għallmu lill-ġnus kollha, waqt li tgħammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu, waqt li tgħallmuhom josservaw dak kollu li jiena ordnajtilkom (Mt 28, 19-20). Hemm rabta reali bejn il-grazzja li Ġesù jsawwab fi qlubkom illum u l-missjoni futura tagħkom ta’ xandara tal-Vanġelu tiegħu. Ebda Appostlu ma jistà jinsa li l-Axxensjoni hija marbuta mal-fatt li l-Ispirtu Santu se jiġi u li Kristu se jkompli jkun preżenti fil-kelma u fis-sagrament. Il-missjoni tagħkom hija li tirrendu lil Kristu preżenti.
Ir-responsabiltà għall-futur tal-Knisja fl-Iskozja jaqà fuq spallejkom u fuq dawk tal-kontemporanji tagħkom. Imma tistgħu tibqgħu ċerti li Kristu gglorifikat se jgħinkom fil-missjoni tagħkom. Ir-rebħa u t-trijonf tal-Axxensjoni tiegħu u l-eżaltazzjoni fuq il-lemin tal-Missier se jkunu kkomunikati lil-ġenerazzjonijiet futuri fil-Knisja permezz tagħkom u grazzi għax-xandir tagħkom tal-misteru tiegħu. X’sejħa meraviljuża rċivejtu! X’mod eżaltanti kif tgħaddi l-unika ħajja li għandkom!
4. Taħt ħafna aspetti s-sollennità tal-Axxensjoni hija xi ħaġa personali ħafna għalikom. Fir-rivelazzjoni tiegħu nnifsu fil-glorja, Ġesù jqawwi il-fidi tagħkom fid-divinità tiegħu. Isejħilkom biex temmnu fih li ttieħed mid-dehra tagħkom. Fl-istess ħin din is-sollennità ssir għalikom ċelebrazzjoni ta’ tama u ta’ fiduċja ladarba aċċettajtu il-proklamazzjoni tal-anġli u intom assolutament konvinti li “dan Ġesù li kien meħud minn fostkom lejn is-sema, għad jerġa jiġi kif rajtuh sejjer fis-sema” (At 1, 11). Sadattant intom tafu li huwa jibqà magħkom, li huwa jibgħat l-Ispirtu Santu tiegħu biex jgħammar fil-Knisja u li permezz tal-Knisja huwa jkellem u jiggwida lil qlubkom. Intom fiduċjużi għax tafu li “ se jidher għat-tieni darba, mingħajr ebda relazzjoni mad-dnub, lil dawk li jistennewh għas-salvazzjoni tagħhom” (Lh 9, 28).
Iktar ma ħsibijietkom iduru lejn Kristu gglorifikat fis-sema, iktar intom tindunaw kif l-għerf, il-qdusija u l-ġustizzja jappartienu lilu u jinsabu fih. U allura din is-sollennità ssir okkażjoni ta’ umiltà kbira. Redenzjoni u santifikazzjoni huma dovuti lill-azzjoni tiegħu u lil kelmtu. Il-pjan tas-salvazzjoni li rrivelalna jmur ‘il hemm minn kull għerf uman u jqanqal rispett profond. Quddiem il-misteru tar-rivelazzjoni divina l-insuffiċjenza umana ssir evidenti sewwa. Il-moħħ uman bil-proċess nobbli tiegħu tar-raġġjunament jidher fil-limitazzjonijiet kollha tiegħu, bil-bżonn li jkun assistit mill-misteru tal-maġisteru tal-Knisja, li permezz tiegħu l-Ispirtu ta’ Kristu ħaj iforni ċ-ċertezza li l-moħħ uman ma jistà qatt jiggarantixxi. U wkoll dan il-Knisja titlob ma’ San Pawl f’din il-liturġija tal-Axxensjoni, sabiex intom tkunu tistgħu tirċievu mingħand Alla spirtu ta’ għerf u l-perċezzjoni ta’ dak li hu stess jirrivela fil-Knisja (cf. Ef 1,17). Iva, mit-tron tiegħu ta’glorja il-Verb inkarnat jiggwidakom u jiffurmakom waqt li tħejju ruħkom għas-saċerdozju tiegħu.
5. Dan tagħkom huwa privileġġ kbir: tkunu Ruma biex tkunu edukati hawn fil-fidi apostolika, sabiex intom tkunu tistgħu terġgħu lura u xxandru l-misteru ta’ Kristu, fil-purezza u l-qawwa kollha tiegħu, lill-koċittadini skoċċiżi. Dan huwa l-privileġġ u t-tradizzjoni li intom taqsmu ma San Ninian, il-protoisqof tal-Iskozja. Sekli qabilkom, huwa wettaq il-mixja li intom imsejħa biex issegwu, u l-Iskozja kollha kienet imbierka mill fedeltà tiegħu, kif se tkun imbierka minn tagħkom. Il-kontribut dejjiemi ta’ San Ninian kien hekk espress tajjeb: “Imwieled minn razzitna Skoċċiża / Alla mexxiek bil-grazzja tiegħu / biex issib f’Ruma / dik il-perla tant prezzjuża / li hija l-fidi perfetta ta’ Kristu / u ġġibha f’art twelidna”.
Fil-qawwa tal-Axxensjoni tal-Mulej, li hija llum il-qawwa tagħkom, iddedikaw mill-ġdid lilkom infuskom, għeżież ħuti, għax-xogħol tagħkom saċerdotali, għas-sejħa speċjali tagħkom: ikkonsagraw żgħożitkom u ħajjitkom kollha għax-xandir u l-kostruzjoni tas-saltna tas-smewwiet, billi tirrendu hekk glorja lil dak li jsaltan għal dejjem fil-lemin tal-Missier, fl-għaqda tal-Ispirtu Santu. U ftakru: “biex issibu Ruma… il-fidi perfetta ta’ Kristu u teħduha f’art twelidkom”.
U l-Beata Ommna Marija, assoċjata fl-Assunzjoni glorjuża tagħha fit-trijonf tal-Iben, issostnikom fl-istennija tagħkom ferrieħa bil-miġja tas-salvatur tagħna Ġesù Kristu.
Amen.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb