OMELIJA GĦAR-RABA’ ĦADD TAL-GĦID. SENA Ċ

LEĦEN ĠESU’ IR-RAGĦAJ IT-TAJJEB!

Minn Fr Michael A. Galea

Kien nhar il-ħmistax t’Awissu 1975. Il-komunisti tal-Vjetnam arrestaw lill-Isqof Francois Van Thuan u mingħajr ebda proċess formali qafluh il-ħabs għal tlettax-il sena sħaħ. Fil-ħabs, l-Isqof Van Thuan kellu bżonn il-Kelma t’Alla għax kif jgħid Ġesu’ stess: “il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla”. Bibbja ma kellux u kieku talabhom waħda ma kinux se jagħtuh….Allura x’għamel? Beda jiġbor biċċiet tal-karti żgħar u b’daqsxejn ta’ lapes kien jikteb fuqhom sentenzi mill-Vanġelu li kien jiftakar bl-amment. Ġabar madwar tliet mitt sentenza u dawn it-tliet mitt sentenza saru l-Bibbja tiegħu, saru l-Vanġelu tiegħu. Kien iqalleb fihom, jaqrahom bil-qima, u b’attenzjoni kbira kien joqgħod jimmeditahom.

Nistgħu ngħidu li kemm dam maqful fil-ħabs, l-Isqof Van Thuan kien jisma’ ħafna diskors: kien jisma’ diskors ateju li jiċħad lil Alla, kien jisma’ diskors kontra l-Knisja u kontra r-reliġjon Kattolika, kien jisma’ diskors maħmuġ u oxen…pero’ ma’ dan id-diskors kollu, kien jisma’ wkoll  il-leħen ta’ Ġesu’, ir-ragħaj it-tajjeb li kien ikellmu minn dan il-mazz karti li kien kiteb: issa jgħidlu ħaġa, issa jgħidlu ħaġa oħra.

Illum il-ġurnata, aħna wkoll ninsabu bumbardjati minn ħafna diskors: diskors ġej mill-internet, diskors ġej minn stazzjonijiet tat-television, diskors ġej minn fuq ir-radjijiet, diskors ġej mir-reklami, diskors ġej minn sħabna fuq il-post tax-xogħol u l-lista ma jieqaf qatt…Kulħadd irid jgħidilna tiegħu għax tiegħu t-tajjeb! Dan li se ngħidilkom jista’ jinħass daqsxejn diffiċli pero’ importanti li nisimgħuh.  Ma’ dir-ruxxmata ta’ diskors li nisimgħu, għandna bżonn niftħu widnejna u nisimgħu wkoll il-leħen ta’ Ġesu’, ir-Ragħaj it-Tajjeb. Leħen Ġesu’ ma jqarraqx bina, leħen Ġesu’ huwa leħen mimli verita’, leħen Ġesu’ huwa leħen ta’ min jafdah. Dan li qed ngħid idaħħalni għal sentenza sabiħa li jgħidilna Ġesu’ fil-vanġelu tal-lum. Ġesu’, li jsejjaħ lilu nnifsu r-Ragħaj it-tajjeb, jgħidilna: “In-ngħaġ tiegħi jisimgħu leħni…jien nagħrafhom u huma jimxu warajja.” Ħa nippruvaw nifhmu dis-sentenza qasira imma sabiħa ta’ Ġesu’.

Biex nifhmuha rridu nagħmlu qabża ta’ elfejn sena fiż-żmien u naslu fl-Art  Imqaddsa ta’ meta Ġesu’ kien fostna. Mela jkun qed jidlam. Ir-rgħajja tal-Palestina jiġbru l-merħliet tagħhom u jeħduhom f’maqjel wieħed biex matul il-lejl ikollhom min jieħu ħsiebhom. Xi ħadd joqgħod għassa mal-bieb tal-maqjel u hekk in-ngħaġ ikunu fiż-żgur: il-lupu ma jkunx jista’ jħarbathom u l-ħalliel ma jkunx jista’ jisraqhom. Ma sbieħ il-jum, imbagħad, wieħed wieħed, ir-rgħajja jerġgħu jiġu għan-ngħaġ tagħhom biex jeħduhom jirgħu fl-għelieqi. Ir-ragħaj ma kienx ikollu problema biex jagħżel in-ngħaġ tiegħu għax ir-ragħaj jaf in-ngħaġ tiegħu waħda waħda, isejħilhom b’isimhom…Min-naħa l-oħra, in-ngħaġ jagħrfu l-leħen ta’ sidhom u jmorru warajh, wara sidien oħra ma jmorrux.

Mistoqsija importanti: min huma dawk li jisimgħu leħen Ġesu’, ir-Ragħaj it-Tajjeb u jaslu biex jagħrfuh? Jisimgħu leħen Ġesu’ ir-Ragħaj it-tajjeb u jaslu biex jagħrfuh huma dawk biss li għandhom f’qalbhom l-atteġġjamenti u l-gosti ta’ Ġesu’. Ħa nfisser ruħi. Ġesu’ huwa r-Ragħaj it-tajjeb għax lest jagħti ħajtu għan-ngħaġ tiegħu, ma jżomm xejn għalih innifsu. Ġesu’ huwa għotja kontinwa ta’ mħabba. Ikun kapaċi jisma’ u jagħraf il-leħen ta’ Ġesu’ min bħal Ġesu’ jkollu qalbu kbira u jkun ġeneruż mal-oħrajn. Awtur Taljan jgħid: “Min jaħseb biss fih innifsu ma jista’ qatt jisma’ leħen il-Mulej; min ħsiebu biss biex iġemma u jaħżen għall-għada ma jista’ qatt jagħraf leħen il-Mulej.”

Illum, ir-raba’ Ħadd wara l-Għid huwa wkoll Jum ta’ talb mondjali għall-vokazzjonijiet. Il-Knisja tistedinna u tħeġġiġna biex nitolbu lil Alla, Sid il-ħsad, biex ikun hemm iktar żgħażagħ li jagħżlu għalihom it-triq tas-saċerdożju u tal-ħajja kkonsagrata, kemm f’kunvent kif ukoll fid-dinja. Nitolbu għall-vokazzjonijiet ifisser nitolbu biex iktar żgħażagħ ikollhom qalb kbira (jiġifieri ma jingħalqux fihom infushom, fil-ġiri wara l-karriera u wara l-flus) imma jkunu lesti biex bħal Ġesu’, ir-Ragħaj it-tajjeb, jagħtu ħajjithom għall-oħrajn. Id-dinja għandha bżonn l-imħabba tagħhom.

Nispiċċa b’eżempju ta’ waħda tfajla li f’isem Ġesu’, ir-Ragħaj it-Tajjeb, marret Kalkutta taqdi lil dawk fil-bżonn. Din it-tfajla kitbet lil ommha u qaltilha: “Għażiża mamma, ġejt mibgħuta biex immur f’dar mibnija apposta għal dawk morda bil-lebbra. Talbuni nnaddfilhom ftit u npoġġilhom ħwejjiġhom f’posthom. Kemm hi differenti d-dar ta’ dawn il-lebbrużi mid-dar tagħna…Kemm hi differenti l-ħajja ta’ dawn il-fqar mal-ħajja li kont ngħix fid-dar tagħna! Tkompli tikteb din is-soru: “Mamma, nirringrazzjak talli tajtni l-ħajja u l-imħabba: hekk issa jien nista’ nagħtihom u ngħaddihom lill-oħrajn, b’mod partikulari lil dawk fil-bżonn!”    

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading