Dawl li jirbaħ id-dlam. Niċċelebraw l-Evanġelju tal-ħames Ħadd tal-Għid.

Minn Dun Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Imbierek ismek għal dejjem, Mulej.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Kif ħareġ Ġuda miċ-ċenaklu, Ġesù qal: “Bin il-bniedem huwa gglorifikat issa, u permezz tiegħu huwa gglorifikat Alla. Jekk Alla huwa gglorifikat permezz ta’ Bin il-bniedem, Alla wkoll permezz tiegħu nnifsu għad jigglorifika lilu, u dalwaqt jigglorifikah. Uliedi, ftit ieħor se ndum magħkom. Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin. Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom”. (Ġw 13:31-33a,34-35)

  1. Riflessjoni/talba:

i. Kif ħareġ Ġuda miċ-ċenaklu, Ġesù qal: “Bin il-bniedem huwa gglorifikat issa, u permezz tiegħu huwa gglorifikat Alla.

Fil-mument li jidher li d-dlam
ser jippenetra u jaħkem kollox –
mill-awtoritajiet fuq barra sa wieħed minn ta’ ġewwa –
Ġesù jikxef il-qawwa u s-sbuħija ta’ Alla,
Dawl minn Dawl,
il-glorja tal-imħabba mogħtija fl-eqqel ċirkustanzi.

Irrifletti:
• Ieqaf ftit fuq is-sbuħija ta’ ġest ta’ mħabba f’ċirkustanzi fejn ma tistennihiex.

ii. Uliedi, ftit ieħor se ndum magħkom. Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.

Fl-intimità tal-kamra ta’ fuq
fl-intimità tal-aħħar mumenti
fl-intimità tal-ħbiberija

Il-Mulej, li jaf il-limiti tal-fedeltà tiegħi,
jagħtini sehem minn ħajtu.

Il-Mulej, li jissupera d-dlam ta’ barra
bid-dawl ġewwieni etern
jgħidli biex inħobb kif iħobb Hu.
.
Irrifletti
• Fejn sibt il-kuraġġ li tħobb minkejja ċ-ċirkustanzi kuntrarji?

iii. Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom”.

Il-fiduċja ta’ Alla fil-bniedem hija bla limitu!

Waqt li jidher l-ħażen qed jinfirex
bnedmin qed jikkonfoffaw biex jeqirdu
u oħrajn jaħarbu bla saħħa

Ġesù iwassal konvinzjoni:
fi grupp ta’ nies li jadottaw stil ta’ mħabba bejniethom
hemm Alla jaħdem
u d-dlam ikompli jintrebaħ –
mhux bil-vjolenza iżda bil-qawwa tal-ġentilezza divina.

Irrifletti

• Fejn tilmaħ eżempji sbieħ ta’ imħabba ġenwina f’komunità?

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading