Omelija tal-Papa Ljun XIV fil-bidu tal-Ministeru Petrin.

ĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA
GĦALL-BIDU TAL-MINISTERU PETRIN TAL-ISQOF TA’ RUMA LJUN XIV
KAPPELLA PAPALI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 18 ta’ Mejju 2025

Għeżież ħuti Kardinali,
ħuti fl-episkopat u fis-saċerdozju,
Awtoritajiet distinti u Membri tal-Korp Diplomatiku!

Tislima lill-pellegrini li ġew fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Fratellanzi!

Ħuti, insellem lilkom ilkoll b’qalbi mimlija gratitudni, fil-bidu tal-ministeru li ġie fdat lili. Kiteb Santu Wistin: “Int għamiltna għalik, [Mulej,] u qalbna ma ssibx mistrieħ jekk ma tistrieħx fik” (L-Istqarrijiet, 1, 1.1).

F’dawn l-aħħar jiem, għexna żmien partikularment intens. Il-mewt tal-Papa Franġisku mliet bin-niket il-qalb tagħna u, f’dawk is-sigħat ibsin, ħassejna li konna qisna dawk il-folol li dwarhom il-Vanġelu jgħid li kienu mitluqa “bħal nagħaġ bla ragħaj” (Mt 9:36). Imma proprju f’jum l-Għid irċivejna l-aħħar barka tiegħu u, fid-dawl tal-Qawmien, affrontajna dan il-mument fiċ-ċertezza li l-Mulej ma jitlaq qatt lill-poplu tiegħu, jiġbru meta jixtered u “jħarsu kif ragħaj iħares il-merħla tiegħu” (Ġer 31:10).

F’dan l-ispirtu ta’ fidi, il-Kulleġġ tal-Kardinali nġema’ għall-Konklavi; ġejjin minn stejjer u toroq differenti, qegħidna f’idejn Alla x-xewqa li neleġġu s-suċċessur ġdid ta’ Pietru, l-Isqof ta’ Ruma, ragħaj li jkollu l-ħila jħares il-wirt għani tal-fidi Nisranija u, fl-istess waqt, jixħet ħarstu ’l bogħod, biex tiltaqa’ mal-mistoqsijiet, mat-tħassib u mal-isfidi tal-lum. Imsieħba mit-talb tagħkom, ħassejna lill-Ispirtu s-Santu jaħdem, hu li għaraf jikkorda d-diversi strumenti mużikali, u hekk jivvibra l-kordi tal-qalb tagħna f’melodija waħda.

Ġejt magħżul mingħajr ebda mertu tiegħi u, bil-biża’ u t-tregħid, niġi għandkom bħala ħukom li jrid isir qaddej tal-fidi tagħkom u tal-ferħ tagħkom, jimxi magħkom fit-triq tal-imħabba ta’ Alla, li jridna lkoll magħqudin f’familja waħda.

Imħabba u għaqda: dawn huma ż-żewġ dimensjonijiet tal-missjoni fdata minn Ġesù lil Pietru.

Dan tirrakkontahulna s-silta tal-Vanġelu, li teħodna fuq l-għadira ta’ Tiberija, l-istess waħda fejn Ġesù beda l-missjoni li rċieva mill-Missier: li “jistad” l-umanità biex isalvaha mill-ilmijiet tal-ħażen u tal-mewt. Huwa u għaddej fuq ix-xatt ta’ dik l-għadira, kien sejjaħ lil Pietru u lid-dixxipli ewlenin l-oħra biex bħalu jkunu “sajjieda tal-bnedmin”; u issa, wara l-qawmien, imiss proprju lilhom li jkomplu jwettqu din il-missjoni, iwaddbu dejjem u mill-ġdid ix-xibka biex jixħtu fl-ilmijiet tad-dinja t-tama tal-Vanġelu, isalpaw fil-baħar tal-ħajja biex kulħadd jista’ jerġa’ jsib ruħu mħaddan minn Alla.

Kif jista’ Pietru jmexxi ’l quddiem din il-missjoni? Il-Vanġelu jgħidilna li hu possibbli biss għaliex hu daq fil-ħajja tiegħu stess l-imħabba bla tarf u inkundizzjonata ta’ Alla, imqar fis-siegħa tal-falliment u taċ-ċaħda. Għalhekk, meta huwa Ġesù li jdur fuq Pietru, il-Vanġelu juża l-verb Grieg agapao, li jirriferi għall-imħabba li Alla għandu għalina, il-mod kif hu jingħata bla riservi u bla kalkoli, differenti minn dak użat għat-tweġiba ta’ Pietru, li min-naħa tiegħu jiddeskrivi l-imħabba tal-ħbiberija, li naqsmu bejnietna aħna.

Għalhekk meta Ġesù jistaqsi lil Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?” (Ġw 21:16), hu qed jirreferi għall-imħabba tal-Missier. Bħallikieku Ġesù qed jgħidlu: huwa biss jekk int tkun doqt u ġarrabt din l-imħabba ta’ Alla, li qatt ma tonqos, li tista’ tirgħa n-nagħaġ tiegħi; huwa biss fl-imħabba ta’ Alla l-Missier li tista’ tħobb lil ħutek b’dak l-“aktar”, jiġifieri billi tagħti ħajtek għal ħutek.

Għalhekk, Pietru hu fdat bil-missjoni li “jħobb aktar” u jagħti ħajtu għall-merħla tiegħu. Il-ministeru ta’ Pietru hu mmarkat proprju minn din l-imħabba sagrifikali, għax il-Knisja ta’ Ruma tippresiedi fl-imħabba, u l-vera awtorità tagħha hija l-imħabba ta’ Kristu. Dan mhux billi naqbdu lill-oħrajn billi ngħaffġuhom, bil-propaganda reliġjuża jew bil-mezzi tal-poter, imma dejjem u biss billi nħobbu kif għamel Ġesù.

Hu – jistqarr l-istess Appostlu Pietru – “il-ġebla li intom, il-bennejja, warrabtu u li saret il-ġebla tax-xewka” (Atti 4:11). U jekk il-ġebla hija Kristu, Pietru għandu jirgħa l-merħla bla ma jċedi qatt għat-tentazzjoni li jkun kaptan solitarju jew kap imqiegħed fuq l-oħrajn, billi jsir ħakkiem tal-persuni fdati f’idejh (ara 1 Piet 5:3); bil-maqlub, minnu hu mitlub li jkun qaddej tal-fidi ta’ ħutu, billi jimxi flimkien magħhom: fil-fatt, ilkoll aħna “ġebel ħaj” (1 Piet 2:5), imsejħin bil-Magħmudija tagħna biex nibnu l-binja ta’ Alla fil-komunjoni fraterna, fl-armonija tal-Ispirtu, fil-konvivenza tad-diversitajiet. Kif jafferma Santu Wistin: “Il-Knisja hi magħmula minn dawk kollha li huma f’għaqda mal-aħwa u li jħobbu lill-proxxmu” (Diskors 359, 9).

Din, ħuti, irrid li tkun l-ewwel xewqa kbira tagħna: Knisja magħquda, sinjal ta’ għaqda u ta’ komunjoni, li ssir ferment għal dinja rikonċiljata.

F’dan iż-żmien tagħna, għadna naraw wisq nuqqas ta’ ftehim, wisq ġrieħi kkawżati mill-mibegħda, mill-vjolenza, mill-preġudizzji, mill-biża’ ta’ dak li hu differenti, minn mudell ekonomiku li jisfrutta r-riżorsi tal-Art u jwarrab lill-aktar foqra. U aħna, f’din l-għaġna, irridu nkunu ħmira ċkejkna ta’ għaqda, ta’ komiunjoni, ta’ fraternità. Aħna rridu ngħidu lid-dinja, bl-umiltà u bil-ferħ: ħarsu lejn Kristu! Ersqu lejh! Ilqgħu l-Kelma tiegħu li ddawwal u tfarraġ! Isimgħu l-proposta tiegħu ta’ mħabba biex issiru l-familja waħda tiegħu: “In Illo uno unum”Fi Kristu wieħed aħna ħaġa waħda. U din hija t-triq li rridu nagħmlu flimkien, bejnietna imma anki mal-Knejjes ħutna, ma’ dawk li mexjin toroq reliġjużi oħra, ma’ min għandu fih ċertu tħassib biex ifittex lil Alla, man-nisa u l-irġiel ta’ rieda tajba, biex nibnu dinja ġdida fejn issaltan il-paċi.

Dan hu l-ispirtu missjunarju li għandu jmexxina, bla ma ningħalqu fil-grupp ċkejken tagħna u lanqas inħossuna superjuri għad-dinja; aħna msejħin noffru lil kulħadd l-imħabba ta’ Alla, biex isseħħ dik l-għaqda li ma teqridx id-differenzi, imma tivvalorizza l-istorja personali ta’ kull persuna u l-kultura soċjali u reliġjuża ta’ kull poplu.

Ħuti, din hija s-siegħa tal-imħabba! L-imħabba ta’ Alla li tagħmilna aħwa bejnietna hija l-qalba tal-Vanġelu u, flimkien mal-predeċessur tiegħi Ljun XIII, illum nistgħu nistaqsu lilna nfusna: li kellu dan il-kriterju “jipprevali fid-dinja, forsi ma jiqafx minnufih kull kunflitt u forsi ma terġax lura l-paċi?” (Ittra enċiklika Rerum novarum, 21).

Bid-dawl u l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, nibnu Knisja mwaqqfa fuq l-imħabba ta’ Alla u sinjal ta’ għaqda, Knisja missjunarja, li tiftaħ dirgħajha beraħ għad-dinja, li xxandar il-Kelma, li tħalli l-istorja tinkwetaha, u li ssir ħmira ta’ għaqda għall-umanità.

Flimkien, bħala poplu wieħed, ilkoll aħwa, ejjew nimxu biex niltaqgħu ma’ Alla u nħobbu lil xulxin.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading