Assistejna mill-viċin l-elezzjoni tal-Papa Ljun XIV

Maltin fost elf persuna minn diversi pajjiżi li ħadu sehem fil-pellegrinaġġ tal-Ġublew tat-Tama organizzat mill-ACN International. Kien mument li ntlaqa’ b’eċċitament kbir minn kulħadd.

Kitba ta’ Michael Caruana

Aktar minn elf benefattur tal-Fondazzjoni Pontifiċja Aid to the Church in Need (ACN) minn għadd ta’ pajjiż minn madwar id-dinja, fosthom minn Malta, ipparteċipaw fil-Pellegrinaġġ tat-Tama f’Ruma dan l-aħħar. It-tema tal-pellegrinaġġ kienet wieħed mill-iskopijiet tal-ACN għax il-proġetti li twettaq fil-pajjiżi fejn il-Knisja hi ppersegwitata huma ta’ tama għaliha u aktar għan-nies fil-bżonn.

Maltin fost elf persuna minn diversi pajjiżi li ħadu sehem fil-pellegrinaġġ tal-Ġublew tat-Tama organizzat mill-ACN International

Minbarra benefatturi attendew rappreżentanti mill-24 uffiċċju nazzjonali tal-Fondazzjoni minn madwar id-dinja u voluntiera. Matul it-tlett ijiem tal-pellegrinaġġ il-benefatturi, il-voluntiera u l-membri tal-ACN setgħu jsaħħu l-fidi u l-impenn tagħhom lejn il-Knisja li qed tbati.

Il-Kardinal Mauro Piacenza, il-President tal-ACN International, fid-diskors tal-ftuħ tal-pellegrinaġġ f’Casa Generalizia dei Passionisti l-Ħamis, 8 ta’ Mejju filgħodu, enfasizza li dan hu mod konkret ta’ kif nesperjenzaw il-Ġublew tat-Tama f’għaqda sħiħa mal-Knisja li tbati u fejn Insara qed jagħtu ħajjithom għall-imħabba tagħhom lejn Kristu. L-aktar xhieda konvinċenti tat-tama jagħtuha l-martri li jagħżlu li jirrinunzjaw ħajjithom milli jittradixxu lill-Mulej.

Il-Kardinal Mauro Piacenza u Regina Lynch, il-President u l-Presdient Eżekuttiv, rispettivament, tal-ACN International waqt id-diskorsi tal-ftuħ tal-pellegrinaġġ

Regina Lynch, il-President Eżekuttiv tal-ACN International, qalet li l-Ġublew tal-2025 għandu bħala tema t-tama li kienet xi ħaġa kruċjali għall-Papa Franġisku u għall-ACN li qed twettaq mas-6,000 proġett kull sena f’150 pajjiż bl-iskop li tfarraġ u tgħin materjalment lin-nies f’dawn il-pajjiżi kollha. B’mod partikolari l-ACN qed tagħti tama lill-Insara ppersegwitati u diskriminati u għajnuna lill-komunitajiet Insara l-aktar fil-bżonn.

Oriġinarjament, l-għada tal-ftuħ uffiċjali tal-pellegrinaġġ kienet skedata udjenza privata mal-Papa Franġisku fil-bitħa tal-Palazz Appostoliku, iżda minħabba l-mewt tiegħu u wara wkoll minħabba l-konklavi, dan u attivitajiet oħra tħassru jew tbiddel il-post tal-attività.

L-ACN hi grata għall-appoġġ u l-apprezzament kostanti tal-Papa Franġisku għall-missjoni tagħha. “Nafu kemm il-Papa Franġisku apprezza l-isforzi li jagħmlu l-benefatturi tagħna biex l-ACN tkun tista’ tgħin il-Knisja fil-bżonn,” qalet Lynch.

“It-talb fuq il-qabar tiegħu aħna hu deħlin fil-bażilka Santa Maria Maggiore għall-quddiesa tal-għeluq tal-pellegrinaġġ is-Sibt, 10 ta’ Mejju waranofsinhar, saħħaħna biex inġeddu l-missjoni tagħna u se nitolbu wkoll li nkunu għad-dispożizzjoni tal-Papa l-ġdid, Ljun XIV, kif filfatt ilna mal-Papiet kollha sa mill-ewwel jiem tal-ħidma tagħna”, temmet il-President Eżekuttiv tal-ACN.

Il-benefatturi tal-ACN International waqt il-quddiesa tal-ftuħ fil-bażilka San Giovanni in Laterano meta tħabbir li ġie elett il-Papa l-ġdid

Il-pellegrinaġġ tal-ACN f’Ruma ħabat mal-elezzjoni tal-Papa l-ġdid, mument li ntlaqa’ b’eċċitament kbir minn kulħadd. Kien wara l-quddiesa tal-ftuħ fil-Bażilka San Giovanni in Laterano, il-Ħamis 8 ta’ Mejju filgħaxija, meta kienu mistiedna diversi persuni biex jirrakkuntaw huma wkoll il-vjolenza u l-persekuzzjoni li esperjenzaw f’pajjiżhom, li tħabbar li ġie elett Papa. Kienu diġà taw l-esperjenzi tagħhom rappreżentanti mis-Sirja u l-Libanu li tkellmu dwar dak li għaddew minnu f’pajjiżhom u r-reżiljenza spiritwali tal-Insara fil-Lvant Nofsani u saċerdot Ukren, li kien priġunier matul il-gwerra li għadha għaddejja. Kien waqt li kien qed jaqsam magħna l-esperjenzi tiegħu l-Patrijarka Olivier Niampa, mid-Djoċesi ta’ Dori fil-Burkina Faso, li tkellem dwar kif l-Insara qed iżommu l-fidi tagħhom ħajja minkejja theddid kostanti ta’ terroriżmu, li tħabbar li kienet telgħet miċ-ċumnija tal-Kappella Sistina daħna bajda. L-attività hawnhekk kellha tintemm ħesrem u imbagħad kulħadd f’ġirja waħda għal Pjazza San Pietru fil-Vatikan.

Il-quddiesa tal-ftuħ tal-pellegrinaġġ tmexxiet mill-Arċisqof Kanadiż John Joseph Kennedy, membru tad-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi, ħabib tal-Arċisqof tagħna Charles Scicluna li malli l-mara u jien ippreżentajnielu pittura tan-Nawfragu ta’ San Pawl staqsiena kif inhu u talabna nwasslulu t-tislijiet tiegħu.

It-tieni ġurnata tal-pellegrinaġġ, il-Ġimgħa 9 ta’ Mejju, iffokat fuq il-martri b’attività fil-bażilka Sant Andrea della Valle. Tul din l-attività l-benefatturi tal-ACN semgħu b’ħafna Nsara li għadhom isofru l-persekuzzjoni u b’oħrajn li saħansitra taw ħajjithom għall-fidi. “Il-martri huma l-aktar xhieda konvinċenti tat-tama Nisranija,” qal il-Kardinal Piacenza li kompla li “l-proġetti tal-ACN huma ta’ faraġ kbir għal dawk li f’pajjiżhom il-Knisja hi l-aktar fil-bżonn.”

L-iskop tal-pellegrinaġġ organizzat mill-ACN International ma kienx biss li jfakkar u jakkumpanja, iżda wkoll li jgħin lill-benefatturi, il-voluntiera u lill-membri jgħaddu minn tiġdid spiritwali f’ħajjithom stess. “Li tgħaddi mill-Bieb Imqaddes mhuwiex att ta’ maġija, iżda ġest li jitlob meditazzjoni, talb u konverżjoni,” irrimarka l-Kardinal Piacenza b’riferenza għas-simboliżmu ta’ dan l-att li hu marbut ħafna mal-ġublew. “Il-pellegrin veru qed jirrikonoxxi li spiċċa maħkum hu wkoll minn idoli foloz, mill-egoiżmu u mill-karba għall-flus u jixtieq li jitfejjaq mill-ħniena ta’ Alla. Għalhekk, li wieħed jirfes l-għatba tal-Bieb Imqaddes isir att ta’ mħabba u umiltà,” żied il-President tal-ACN.

Dan seta’ jseħħ fil-bidu tal-pellegrinaġġ meta dħalna fil-Bażilika San Giovanni in Laterano u wkoll fit-tmiem meta attendejna għall-quddiesa tal-għeluq fil-Bażilika Santa Marija Maggiore. Fiż-żewġ okkażjonijiet ridna nidħlu mill-Bieb Imqaddes. Dak il-ħin jien dort fuq il-Maltin li kienu miegħi u tlabthom biex waqt li jmissu l-bieb, jagħmlu ħsieb u jgħidu talba speċjali. “Li tmiss il-bieb b’idejk jikkostitwixxi att ta’ mħabba li permezz tiegħu nistgħu naqsmu l-għatba ta’ ħajjitna mġedda permezz tal-grazzja b’aktar fiduċja u tama,” qal il-Kardinal Piacenza.

Il-grupp Malti f’dan il-pellegrinaġġ kien magħmul minn 28 persuna u tmexxa mid-Direttur Nazzjonai tal-ACN Malta Stephen Axisa.

L-ACN International tista’ tappoġġja kull sena eluf ta’ proġetti grazzi għal kważi 400,000 benefattur li għandha minn madwar id-dinja, fosthom Maltin u Għawdxin.

L-ACN International illum għandha uffiċċji nazzjonali fl-Awstrija, il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussumburgu, Malta, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja, Spanja, l-Isvizzera, l-Olanda, ir-Renju Unit, il-Brażil, il-Kanada. iċ-Ċile, il-Kolombja, il-Messiku, l-Istati Uniti, l-Awstralja, il-Korea u l-Filippini.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading