Il-Ġimgħa, 23 ta’ Mejju: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fl-Ordinazzjoni Presbiterali tad-Djaknu Matthew Borg. Katidral tal-Assunta, Victoria.
Quddiesa sħiħa:
L-omelija biss:
Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Ejjew verament inroddu ħajr lil Alla llejla għad-don tal-Ordinazzjoni Saċerdotali. L-Evanġelju li għadna kif smajna (Lq 5:1-11) spiċċa b’ton pożittiv u sabiħ ħafna. Lil Pietru, Ġesù jgħidlu: “Minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies” (v. 10); fi kliem ieħor, tkun qed ittella’ nies mill-baħar, tkun tgħin lin-nies jgħixu, in-nies jilħqu l-milja tal-ħajja tagħhom, jgħixu ħajja kuntenta. Dan li jixtieq Ġesù. U lil Pietru għalhekk sejjaħlu. U wara Pietru, sejjaħ ħafna nies oħra: lilna s-saċerdoti, u lilna lkoll l-Insara, ilkoll kemm aħna. Imma b’mod speċjali aħna s-saċerdoti msejħin biex ngħinu lill-bnedmin joħorġu mill-baħar.
Il-baħar huwa sinjal tal-mewt. Fl-Iskrittura, il-baħar huwa dejjem sinjal tal-qerda, tal-waħx, tal-baħħ. Ġesù jixtieq nies li joħorġu n-nies mill-baħar. U aħna nafu li forsi l-Knisja weħidha llum għadha tgħajjat, għadha tisħaq, għadha tokrob favur il-bniedem mill-bidu nett sal-aħħar nett tal-ħajja. U għalkemm il-Knisja weħidha, għalkemm weħidna, ma jfissirx li ma għandniex raġun. Mhux dejjem il-maġġoranza għandha raġun, mhux dejjem min jgħajjat l-iktar għandu raġun. Ġesù jixtieq li aħna s-saċerdoti ngħinu n-nies joħorġu mill-baħar tal-mewt, tal-qerda, tad-dwejjaq, tad-dipressjoni, tan-negattività.
Għażiż Matthew, l-Evanġelju li inti għażilt, bil-Qari kollu ta’ din iċ-ċelebrazzjoni, jitkellem dwar id-dinamika tas-sejħa ta’ Alla; fi kliem ieħor, dwar xi jfisser li Alla jsejjaħ lill-bniedem, lilna s-saċerdoti, lilna l-lajċi. Xi jfisser meta ngħidu Alla sejjaħlek għall-ħajja miżżewġa, għall-ħajja saċerdotali, għall-ħajja kkonsagrata, għal istitut sekulari, għall-ħajja reliġjuża? X’jiġifieri Alla jsejħilna?
Alla lilna jsejħilna għall-ħajja, għal dak li hu sabiħ, għal dak li hu veru, għal dak li jibqa’ għall-etern. Imma kif inkun naf? Kif Alla jsejħilna? U int għażilt din il-ġrajja sabiħa mit-Testment il-Ġdid, li hija marbuta ħafna wkoll mal-episodju tas-sejħa ta’ Samwel fit-Testment il-Qadim (1 Sam 3:3b-10,19); u marbuta wkoll flimkien għat-tisħiħ tal-personalità tal-fidi tagħna, tal-persuna spiritwali tagħna, is-silta li għażilt mill-Ittra lill-Efesin (6:11-20).
L-Evanġelju li għadna kif smajna beda: “F’dak iż-żmien, il-kotra bdiet tross fuqu biex tisma’ l-Kelma ta’ Alla” (v. 1). Il-bniedem għandu bżonn jisma’ l-Kelma ta’ Alla. Anki min ma jafx li għandu bżonn, xorta waħda jħoss vojt, iħoss mistoqsijiet ġewwa qalbu li ma jafx kif iweġibhom. Aħna għandna l-grazzja u d-don li ltqajna mal-Kelma ta’ Alla, għax din il-Kelma tirrispondi għal ħafna xewqat u bżonnijiet li hemm f’qalbna. Allura kien hemm din il-kotra kbira li tixtieq tisma’ l-Kelma, u min-naħa l-oħra kien hemm grupp ta’ ħaddiema, sajjieda, fosthom Pietru. Kienu qegħdin fuq xogħolhom; ma kinux qegħdin fit-Tempju, fil-knisja, f’kantuniera jitolbu, miġburin fit-talb – le! – imma fuq il-ġurnata tax-xogħol tagħhom, il-ġurnata tas-sajd tagħhom.
L-Evanġelju jaqbeż mill-ewwel għal djalogu bejn Ġesù u Pietru. Filli l-Kelma qed tkellem lil kulħadd, il-kotra kollha miexja wara Ġesù biex tisma’ l-Kelma; u filli l-Evanġelju jiffoka fuq djalogu personali u intimu bejn Ġesù u persuna partikolari, Pietru. Il-Kelma ta’ Alla tkellem lil kulħadd, imma tkellem lil kull wieħed u lil kull waħda minna singularment, personalment. Il-Kelma ta’ Alla tkellem lili, lilek, lilna, lil kull wieħed u lil kull waħda minna.
L-Evanġelju jgħidilna li wara li Ġesù tela’ fuq id-dgħajsa ta’ Pietru, u għamel il-prietka tiegħu lil kulħadd, jibda jitkellem ma’ Pietru u jgħidlu: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek” (v. 4). Ġesù jibda bis-singular u jkompli bil-plural. “Aqdef ’il barra fil-fond”, għax Pietru huwa l-kap tas-sajda, dak li jmexxi d-dgħajsa, dak li jmexxi l-Knisja; imbagħad: “Kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd”.
Pietru jkun għamel lejl sħiħ jistad flimkien ma’ sħabu fuq l-għadira tal-Galilija. Bħal f’ħafna ibħra, is-sajd isir mal-lejl u mhux binhar. Wara li kien għamel lejl sħiħ jistad flimkien ma’ sħabu u ma qabad xejn, idur fuq Ġesù u jgħidlu: “Mgħallem” – interessanti l-kelma ‘Mgħallem’ – “għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn” (v. 5). Fi kliem ieħor, Pietru lil Ġesù jrid jgħidlu: ‘Aħna għadna ġejjin wara falliment, wara esperjenza negattiva, minn ħafna ħidma, impenn, xogħol, imma dan ma sewa għal xejn’. Ħafna drabi din hija s-sensazzjoni ta’ ħafna minna. Kemm nimpenjaw ruħna fix-xogħol u niddedikaw lilna nfusna għall-bżonnijiet tal-familja! Aħna s-saċerdoti, kemm nimpenjaw ruħna għall-bżonnijiet tan-nies, tal-parroċċa, għal dak li jitolbu minna! Kemm iljieli ta’ xogħol ma swew għal xejn!
Kellu jkun dan il-falliment, kellha tkun din il-frustrazzjoni ta’ Pietru, kellhom ikunu forsi dan id-dwejjaq u din ir-rabja ta’ Pietru li ma qabad xejn, illi jġagħluh jagħmel il-pass u jisma’ minn Ġesù, u jagħmel dik il-ġennata. Għax kienet ġennata li toħroġ tistad fid-dawl tax-xemx; kienet ġennata għas-sajjieda tal-Għadira tal-Galilija li inti tisma’ minn Rabbi, minn Mgħallem, u mhux mill-esperjenza ta’ ħafna snin ta’ xogħol, ta’ professjoni, ta’ sajd. Alla kultant jinqeda bid-dwejjaq tagħna, bil-fallimenti tagħna, fejn ma naslux aħna, biex imbagħad ikollna l-kuraġġ li niddubitaw minn dak li dejjem għamilna, minn dak li s-soltu nagħmlu, minn dak li dejjem wettaqna bil-modi tagħna, kif jidhrilna aħna; u nippruvaw modi ġodda, imdawlin u stimulati minn din il-Kelma li nisimgħu.
U Pietru, min-naħa l-waħda ffrustrat għax ma qabad xejn lejl sħiħ, min-naħa l-oħra mħawwad u mgerfex mill-kelma ta’ Ġesù li tisfidah biex jagħmel xi ħaġa differenti minn tas-soltu, jgħid dik il-kelma hekk sabiħa: “Agħmilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek” (v. 5); fuq il-Kelma tiegħek, jiena nitfa’ x-xbiek.
Għalfejn bdejt din ir-riflessjoni proprju billi għedna li dan l-Evanġelju jidħol fid-dinamika tal-vokazzjoni, fil-fond tad-djalogu ta’ bejnna u bejn Alla? Jurina x’jiġifieri Alla li jsejħilna. Alla jista’ jsejħilna fuq il-fallimenti tagħna, fuq il-frustrazzjonijiet tagħna, fuq fejn aħna ma wasalniex. Proprju hemm fil-post fejn aħna nħossuna l-iktar falluti, l-iktar li ma rnexxejniex, li Alla jidħol fl-istorja tagħna. U forsi aħna hemmhekk inkunu l-iktar flessibbli, l-iktar vulnerabbli, l-aktar dgħajfa, l-iktar bla tama. U forsi hemmhekk aħna nazzardaw nagħmlu att ta’ fiduċja, qabża fid-dlam, kif jagħmel Pietru. U nobduha l-kelma tal-Mulej Ġesù, u ngħidulu: ‘Dak li qed tgħidilna int ma għandu x’jaqsam xejn mad-drawwiet tagħna; dak li qed tgħidilna int ma għandu x’jaqsam xejn mal-loġika tagħna, mar-raġunament tagħna; dak li qed tgħidilna int huwa ġennata. Imma għax qed tgħid int, aħna ħa nitfgħu x-xbiek’.
U jiġri dak li Pietru ma stenniex li se jiġri: qabda kbira ta’ ħut, tant li mlew mhux dgħajsa waħda, imma tnejn. “Fuq il-Kelma tiegħek nitfa’ x-xbiek”. Il-frott tal-Kelma. Meta l-kotra li kienet tross fuq Ġesù tisma’ l-Kelma, u tħalli lill-Kelma tinfluwenza l-ħajja tagħha, din il-kotra, kull wieħed u kull waħda minna, inkunu nistgħu bħal Pietru nistagħġbu. Meta aħna wkoll noħorġu mid-drawwiet tagħna, huma liema huma – jistgħu jkunu drawwiet ta’ għemil fil-familja, drawwiet ta’ relazzjonijiet bejnietna, imma jistgħu jkunu wkoll drawwiet konsolidati tagħna, tal-pastorali tagħna, tal-ħidma tagħna: nagħmlu dejjem kif għamilna, skont il-loġika u l-kalkoli tagħna – li kultant jagħlquna, jaqfluna, u jiffossilizzawna, u fuq il-kelma ta’ Ġesù nagħmlu att ta’ fiduċja, qabża fid-dlam… dawn ikunu r-riżultati, dan ikun il-frott: żewġ dgħajjes mimlija bil-ħut.
Ir-reazzjoni ta’ Pietru. L-ewwel jgħidlu ‘Mgħallem’ – “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn” (v. 5); issa jgħidlu ‘Mulej’. Ġesù ma għadux biss Mgħallem, issa ma għadux biss Rabbi, imma jsir il-Mulej, is-Sinjur, il-Kyrios; dak li huwa s-Sid ta’ kollox. Pietru jagħrfu bħala s-Sid ta’ kollox. Pietru jinżel għarkupptejh quddiemu u jgħidlu: “Tbiegħed minni, Mulej għaliex jiena raġel midneb!” (v. 8). Interessanti l-mod ta’ kif Ġesù jgħarraf lil Pietru u lilna l-verità tagħna: mhux billi jippunta subgħajh, mhux billi jakkużana, imma billi jimliena bid-doni tiegħu. Huma d-doni tiegħu li jridu jgħinuna nagħrfu x-xejn tagħna.
Quddiem Alla, għażiż Matthew, mhux importanti li tkun perfett, mhux importanti li nkunu perfetti. Quddiem Alla l-importanti li nkunu aħna, li nkunu veri, li nkunu sinċieri. Pietru lil Ġesù jgħidlu l-verità tiegħu: “lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn” (v. 5); “tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!” (v. 8). ‘Ma nistax inkun parti minnek, għax inħossni ’l bogħod wisq minnek’. U Ġesù jwieġbu b’dik il-kelma qawwija li nsibuha diversi drabi fl-Evanġelju: “Tibżax” (v. 10). La tibżax, mhux għax għandek kapaċitajiet straordinarji, mhux għax għandek fidi kbir fija, imma għax jiena għandi fiduċja kbira fik. La tibżax, għax jien se nkun miegħek, għax jien ħtartek, jien għażiltek, inti tiegħi. Aħna ma nibżgħux, mhux għax għandna poteri jew kapaċitajiet aħjar minn ta’ ħaddieħor. Aħna ma nibżgħux, għax Ġesù għandu fiduċja fina, f’kull wieħed u f’kull waħda minna, b’mod partikolari f’dawk li għażel għalih, biex ikomplu miegħu u bħalu jxandru l-Aħbar tal-ħajja, mhux biss li ġejja – dik ukoll – imma ta’ din il-ħajja u dik li ġejja, għax huma kontinwazzjoni tad-don, tal-imħabba, tar-rigal li Alla għamel meta għamilna, meta ħalaqna.
Ejjew nitolbu lill-Mulej illejla, hu u jagħtina dan id-don hekk kbir ta’ dan il-ministeru ta’ ħuna li dalwaqt ikun midluk u ordnat saċerdot, biex jagħtina li qatt ma noħorġu minn dan il-kuntest ta’ djalogu miegħu, biex inħalluh ikellimna permezz tal-Kelma tiegħu. Qed ngħixu f’dinja aljenata, fejn dak li jgħodd mhux dak li hu, imma dak li jidher. Imma fl-istess waqt il-bniedem mhux kuntent, iġorr fih kontinwament piż, qisu kollna kemm aħna niġru wara xi ħaġa li ma nafux x’inhi, infittxu l-hena, imma ma nistgħux insibuh.
Ejjew nitolbu lill-Mulej biex nibqgħu f’dan id-djalogu li jippreżentawlna l-Evanġelju u l-Ewwel Qari tal-lum, biex aħna wkoll bħal Samwel nagħrfu meta jkunu hu li qed isejħilna, nagħrfu b’sinċerità, b’awtentiċità, b’verità d-dgħufija tagħna. U fl-istess waqt, nagħrfu l-kobor tal-imħabba u tal-gratuwità tiegħu magħna, meta jdur fuqna u, minkejja l-limiti tagħna, ikellimna, jinqeda bina, jgħin persuni joħorġu minn baħar ta’ dwejjaq u tal-mewt.
Ippermettuli ngħid kelma żgħira waħda biex insellem lill-grupp ta’ Taljani li hawn hawnhekk u li ġew mill-parroċċa fejn kien hemm Matthew din l-aħħar sena, u fejn ser imur issa, jekk Alla jrid, wara l-Ordinazzjoni.
Accogliamo con gioia il parroco Don Alessandro, con il gruppo che è venuto con lui, della Parrocchia Protomartiri Romani di Roma, dove Matthew ha svolto il ministero diaconale durante quest’anno, e continuerà a svolgere il ministero presbiterale nel futuro, Dio volendo. Grazie della vostra presenza qui con noi, grazie per il sostengo e dell’aiuto che avete dato, e che continuerete a dare a Matthew nel futuro. Vi accogliamo nella nostra assemblea, anche se purtroppo non si capisce tanto della nostra lingua, però, una parola qua e un altra parola la, uno almeno puo mettere come un puzzle alcuni pensieri o riflessioni che ho condiviso con questa assemblea questa sera. Grazie per la vostra permanenza, del vostro accompagniamento, e grazie della vostra preghiera.