minn Manwel Cutajar
It-Tempju ta’ Alla (5) … It-Tabernaklu Mqaddes (2)
Kif ktibt fl-artiklu preċedenti, It-Tabernaklu, spiss imsejjaħ it-“Tinda tal-Laqgħat,” kellu rwol Ċentrali fil-qima Iżraelita matul il-vjaġġ tagħhom fid-deżert u l-ewwel snin tagħhom fl-Art Imwiegħda. Kien aktar minn sempliċi struttura fiżika; kien Simbolu tal-Preżenza t’Alla fost il-Poplu Tiegħu u punt Ċentrali għall-ħajja Biblika, reliġjuża u kulturali tagħhom.
Id-disinn, il-funzjoni u s-sinifikat tat-Tabernaklu huma dettaljati b’reqqa kbira fil-kotba Bibliċi tal-Eżodu, il-Levitiku, in-Numri u d–Dewteronomju, u jipprovdu fehim u tagħrif komprensiv tal-lrwol u l-istruttura tiegħu.
Tagħrif aktar dettaljat
Tagħrif aktar dettaljat dwar it-Tabernaklu: “It-Tinda tal-Laqgħat” tal-Iżraeliti jinsabu fil-Kotba Bibliċi msemmija hawn fuq.
Fl-Eżodu Kap 27, 9-19 naqraw li Alla fuq il-muntanja Sinaj ta lil Mosè istruzzjonijiet speċifiċi għall-bini tat-Tabernaklu.
It-Tabernaklu u l-Perimetri tiegħu:
Il-Bitħa ta’ Barra
L-istruzzjonijiet f’Eżodu 27:9–13 għat-taqsima tal-Bitħa ta’ barra tat-Tabernaklu jispeċifikaw struttura wiesgħa 50 kubitu u twila100 kubitu (madwar 75 b’150 pied). It-taqsima ta’ ġewwa hija madwar 10 kubiti b’30 kubitu (15 b’45 pied; Eżodu 26:15–23).
Il-Bitħa ta’ Barra kienet l-Ewwel żona li wieħed kien jidħol fiha meta jirfes mill-bieb ‘il ġewwa tat-Tabernaklu. Kienet magħluqa b’ċint rettangolari tul it-Tabernaklu kollu magħmul minn purtieri tal-għażel fin, sostnuti minn pilastri tal-bronż.
Fil-Bitħa ta’ Barra bejn l-ilqugħ u t-Tinda (Tabernaklu), li fiha kien ikun hemm l-Artal tal-Bronż (fejn l-Iżraelin kienu jagħmlu s-Sagrifiċċji) u l-Lava tal-Bronż (fejn is-saċerdoti kienu jaħslu idejhom).
• L-Artal tal-Bronż, magħruf ukoll bħala l-Artal tal-Offerta Maħruqa, kien fejn l-Iżraelin kienu joffru s-sagrifiċċji tagħhom, inklużi offerti ta’ bhejjem maħruqa, u offerti tal-aqwa frott, ħxejjex u qmuħ lil Alla. (Levitiku 1-3). Dawn is-sagrifiċċji kienu aspett kruċjali fil-qima Iżraelita lejn Alla, li kienu jservu bħala mezz ta’ tpattija għad-dnubiet u n-nuqqasijiet, u l-mod kif il-Lhud kienu jesprimu l-Gratitudni u d-Devozzjoni tagħhom lejn Alla.
• Il-Lava tal-Bronż, baċir kbir mimli bl-ilma, kien jintuża mis-saċerdoti għall-ħasil ritwali tagħhom qabel ma jidħlu fil-Post Qaddis (Locum Sanctum), li jissimbolizza l-Purifikazzjoni u l-Ħtieġa għall-Qdusija tagħhom. (Eżodu 30: 17-21).
Il-Post Qaddis, u l-Post l-Aktar Qaddis (jew il-Qaddis tal-Qaddisin).
Il–Post Qaddis kien it-Tieni sezzjoni tat-Tabernaklu, aċċessibbli biss għas-saċerdoti. Fih kien ikun hemm tliet biċċiet għamara sinifikanti: il-Mejda tal-Ħobż tal-Proposta; il-Lampadarju tad-Deheb; u l-Artal tal-Inċens. Kull wieħed minnhom kellu l- għanijiet simboliċi tiegħu:
• Il-Mejda tal-Ħobż tal-Proposta kien ikun hemm fuqha tnax-il ħobża, li jirrappreżentaw it-tnax-il Tribù ta’ Iżrael. Dawn il-ħobżiet, li kienu jiġu mibdula kull ġimgħa, kienu jissimbolizzaw il-Providenza abbundanti ta’ Alla u r-Relazzjoni tal-Patt bejn Alla u l-Poplu Tiegħu (Levitiku 24:5-9).
• Il-Lampadarju tad-Deheb, jew Menorah, kien jipprovdi dawl fil-Post Qaddis u kien Simbolu tal-Preżenza u l-Gwida Eterna t’Alla (Eżodu 25:31-40).
• L-Artal tal-Inċens, li kien jinsab eżatt qabel il-velu oħxon u tqil li kien jissepara l-Post Qaddis (Locum Sanctum) mill-Il-Post il-Qaddis jew Il-Post l-Aktar Qaddis (Locum Sanctum Sanctorum), kien jintuża għall-ħruq tal-inċens li jitla’ u jirrappreżenta t-talb u qima tal-Iżraelin lejn Alla. (Eżodu 30:1-10).
Is-sengħa u l-ħadma tant irrafinata u dettaljata tal-purtiera tenfasizza aktar l-aspett Sagru u qaddis tat-Tabernaklu u l-importanza tal-mod ta’ kif wieħed għandu jidħol fil-Preżenza ta’ Alla bl-akbar rispett u qima mqaddsa dovuti. (Eżodu 38:18).
Il-Post l-Aktar Qaddis, kien l-aktar żona ta’ ġewwa u Sagra Tat-Tabernaklu. Kien separat mill-Post Qaddis b’velu oħxon u tqil, li jissimbolizza s-separazzjoni bejn Alla Qaddis u l-umanità midinba.
Il-Qassis il-Kbir biss seta’ jidħol fil-Post Qaddis, u darba fis-sena biss f’Jum l-Espjazzjoni (Yom Kippur) (Levitiku 16).
Ġewwa l- Post l-Aktar Qaddis kien hemm l-Arka tal-Patt li kienet tikkonsisti f”kaxxa tal-injam miksija bid-deheb. L-Arka kien fiha t-Żewġ Twavel tal-ġebel tal-Għaxar Kmandamenti; il-Virga ta’ Aron li ffjorixxiet; u Vażett Manna (Lhud 9:4).
L-Għatu tal-Arka,magħruf bħala s-Sit tal-Ħniena,kien imdawwar b’żewġ Kerubini u kien iservi bħala t-Tron t’Alla fuq l-art. Kien hawnhekk li l-Qassis il-Kbir biss kien ixerred id-demm tal-annimal tas-sagrifiċċju fuq is-Sit tal-Ħniena, u jagħmel Espjazzjoni għad-dnubiet tal-Poplu (Levitiku16:14-15).
Kif konna għidna, fl-artiklu preċedenti, ħadd ma seta’ jmiss l-Arka tal-Patt. Kull min kien imissha kien imut minn idejn Alla. Fil-fatt il-Levita Uzzah mess l-Arka b’idu sabiex iżommha milli taqa’, bi ksur dirett tal-Liġi Divina, u għalhekk “Il-Mulej għadab għal Uzzah, u Alla laqtu hemm u baqa’ mejjet tal-post ħdejn l-Arka. David għela għax laqat il-Mulej lil Uzzah, u sejjaħ il-post Peres-Uzzah sal-lum.” (2 Samwel 6,6-8).
Il-Kuluri li Jirrappreżentaw it-Tabernaklu
Filwaqt li kien hemm velu bejn il-Post Qaddis u l-Post l-Aktar Qaddis fit-Tabernaklu, kien hemm ukoll purtiera fid-daħla tal-Post Qaddis. Dan huwa deskritt f’Eżodu 26: 36-37 “Fid-dħul tat-Tabernaklu tagħmel purtiera tal-għażel minsuġ fin, vjola, porpra u skarlatt, xogħol in-nissieġ. Tagħmel ħames kolonni tal-gażżi miksija bid-deheb għall-velu, agħmlilhom ganċijiet tad-deheb, u ħames imqagħad tal-bronż”
Filwaqt li d-dħul għall-Post l-Aktar Qaddis kien ristretta għad-dħul tal-Qassis il-Kbir biss, madankollu l-bieb tal-Post Qaddis ippermetta kemm lill-Qassis il-Kbir kif ukoll lill-qassisin jidħlu u jqimu u jaqdu d-dmirijiet presbiterali tagħhom fil-Post Qaddis.
Id-drappijiet u l-għata tat-Tabernaklu kienu miksija bid-deheb, bil-Blu, bil-Vjola, bl-Iskarlat, u l-Abjad.
Dawn il-kuluri ewlenin kienu jirrappreżentaw Temi l-aktar Spiritwali u Qaddisa.
L-Ilqugħ tal-għażel Abjad li jdawwar iż-żona Sagra jindika l-Ġustizzja, il-Qdusija, it-Tjieba u l-Eternità t’Alla.
Fit-tarf tal-Lvant kien hemm il-bieb ta’ 30 pied irrakkmat bil-Blu, Vjola, u Iskarlat.
Dawn il-kuluri brillanti kienu jisspikkaw kontra l-ilqugħ tal-għażel Abjad.
L-Ikħal,il-kulur tas-Sema, kien jissimbolizza u jfakkar lill-Iżraeliti fis-Sema u f’Alla tas-Smewwiet fejn jgħammar bejn il-Kerubini.
Il-Vjola jirrappreżenta r-Regalità, li tissimbolizza u tipponta lejn is-Sultan u s-Saltna ta’ Alla.
L-Iskarlat kien jissinjifika s-Sagrifiċċju tad-Demm tas-Salvatur.
Fl-aħħarnett, dawn Il-Kuluri kienu jirrappreżentaw l-ispazji fit-Tabernaklu.
Il-Blu jirrappreżenta l-Post l-Aktar Qaddis fejn jgħammar Alla fis-Smewwiet.
Il-Vjola jirrappreżenta l-Post Qaddis fejn iseħħ il-Missjoni ta’ medjazzjoni tas-Saċerdozju.
L-Iskarlat jirrappreżenta l-Bitħa ta’ Barra, fejn isiru s-Sagrifiċċji tal-Ħruq u tad-Demm.