VIŻTA PASTORALI FL-IŻVIZZERA
KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA FUQ IL-MEDDA
TAD-DAR TA’ SAN NICOLAO
OMELIJ TA’ ĠWANNI PAWLU II
Flüeli – Il-Ħamis, 14 ta’ Ġunju 1984
Għeżież ħuti!
“L-isem ta’ Ġesù ikun it-tislima tagħkom!”. B’dan il-kliem ta’ tislima tal-patrun tagħkom, nixtieq niġi fostkom hawn fi Flüeli. Hawn għex u ħadem il-qaddis patri Nikola. Hawn huwa għadda ħajja feliċi familjari għal 23 sena flimkien ma’ martu Dorotea u rabba l-għaxar uliedu. Hawn wara taqbida nterna diffiċli ħa d-deċiżjoni li jħalli lil ħutu maskili u femminili, lil martu u lil uliedu, r-rabà u l-daru għall-imħabba tal-isem ta’ Kristu (cf. Mt 19, 29), biex jaqdi biss lil Alla. Hawn fir-Ranft, f’artu, għal għoxrin sena għadda ħajja ta’ eremita, maqtugħ mid-dinja bdanakollu miftuħ għall-bżonnijiet tad-dinja u ta’ art twelidu.
Fl-isem ta’ Ġesù nsellem liċ-ċittadini Svizzeri li llum jgħixu f’dawn il-muniċipalitajiet u li jgħassu t-tifkira prezzjuża ta’ dan il-qaddis straordinarju; u magħhom lill-kredenti kollha li ngħaqdu magħna mill-qrib u mill-bogħod, mal-isqof u s-saċerdoti tagħhom għal din iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika. Nindirizza tislima rispettabbli wkoll lir-rappreżentanti hawn preżenti tal-Istat u tal-komunità li jieħdu ħsieb il-ġid taċ-ċittadini fil-Kantoni u li għalihom l-opra ta’ San Nikola illum tista tkun b’mod speċjali eżempju u mpenn għall-paċi u għall-ġustizzja.
1. “Is-saltna ta’ Alla mhix kustjoni ta’ ikel jew ta’ xorb imma hija ġustizzja, paċi u ferħ fl-Ispirtu Santu” (Rm 14, 17). Issa smajna dan il-kliem tal-ittra lir-Rumani. L-Appostlu Pawlu kiteb dan il-kliem lill-komunità ta’ Ruma f’kuntest konkret f’dawk iż-żminijiet. Illum rridu ninterpretawhom fid-dawl ta’ dan il-Pajjiż u ta’ dan il-qaddis, li huwa simbolu għall-Pajjiż u l-poplu” Nikola da Flue u l-Isvizzera.
Din il-verità tas-saltna ta’ Alla waslet fil-konsegwenza estrema tal-ħajja ta’ Nikola, “hemm sewwa mill-kejl uman ordinarju. Bniedem, dan, li għal bosta snin ta’ ħajtu ċċaħħad mill-ukel u x-xorb biex jixhed is-saltna ta’ Alla.
Fil-ħajja u fl-opri ta’ patri Nikola fl-Isvizzera, is-saltna ta’ Alla wriet ruħha bħala “ġustizzja, paċi u ferħ fl-Ispirtu Santu”. Iktar minn ħames sekli ilu kien telaq minn dan il-post, mis-silenzju tat-talb u tal-għaqda ma’ Alla fir-Ranft, il-messaġġ tiegħu ta’ paċi li ħa miegħu għall-għaqda fl-assemblea kantonali ta’ Stans liċ-ċittadini tal-Konfederazzjoni mifrudin u mfarrkin, beda kapitolu ġdid fl-istorja tagħhom. Hawn fi Flüeli, fejn il-figura ta’ Patri Nikola hija dejjem ħajja għal għajnejna, qisna għadna nisimgħu leħnu llum, li jħeġġeġ għall-paċi, għall-paċi fil-Pajjiż propju, għar-responsabiltà għall-paċi fid-dinja, għall-paċi fil-qalb propja.
2. Il-patrun tagħkom iħeġġeġ mill-ġdid illum għall-paċi fil-Pajjiż propju. “Il-parir tiegħi huwa wkoll li f’dawn il-ħwejjeġ tkunu amikevoli, għaliex ħaġa tajba ġġib oħrajn. Imma jekk il-ħaġa ma tistax tkun rikonċiljata fil-ħbiberija, ħallu li l-ġustizzja tkun il-ħaġa aħjar”; hekk jikteb Patri Nikola fl-1482 lis-sindku u lill-kunsill ta’ Kostanza.
Tjubija u rieda tajba huma l-kondizzjoni ewlenija u fundamentali għall paċi, fil-ħajja ta’ komunità bħal fil-ħajja tal-individwu.“Ilbsu mela b’sentimenti ta’ ħniena, tjubija, umiltà, manswetudni, sabar. Issaportu u aħfru lil xulxin, jekk xiħadd ikollu għalxiex igerger fir-rigward tal-oħrajn”, hekk San Pawl iħeġġeġ lill-imgħamdin (Kol 3, 12-14). Sabiex dawn l-eżortazzjonijiet ma jibqgħux biss ideal devot fir-realtà politika u soċjali iebsa ta’ Pajjiż, hemm bżonn naraw kif wieħed jistà jqiegħed lilu nnifsu fil-ħajja pubblika. Ir-rakkont tal-fatt ta’ Stans jistà jurina dan: huwa meħtieġ li naċċettaw lil xulxin bid-differenzi kollha, u hekk inkunu nistgħu nirrinunzjaw li nasserixxu ħafna drittijiet ukoll jekk ġustifikati.
3. Illum jiġu mqegħda dmirijiet ġodda dwar din l-aċċettazzjoni ta’ xulxin. Id-differenza bejn il-ġenerazzjonijiet saret ikbar. Iż-żgħażagħ għandhom jaċċettaw lill-adulti, l-adulti liż-żgħażagħ, u t-tnejn flimkien għandhom jaċċettaw lill-ġenerazzjoni iktar anzjana. Propju hawn illum hija meħtieġa ħafna “tjieba u rieda tajba”: nifhmu fi ħbiberija l-problemi tal-ġenerazzjoni l-oħra, nagħrfu l-esiġenzi ġustifikati tagħha, fi sforz komuni biex infittxu soluzzjonijiet ġodda. La taqtgħux qalbkom fl-isforz tagħkom għal fehim reċiproku.
Intom aċċettajtu lil xulxin s’issa f’Pajjiżkom bħala koċittadini ta’ lingwi differenti, ta’ kulturi differenti u ta konfessjonijiet reliġjużi differenti; illum dik l-aċċettazzjoni reċiproka għandha testendi ruħha għal bnedmin b’mentaltà u modi ta’ għixien kollu kemm hu differenti u jistà jkun ta’ reliġjon għal kollox differenti, li qegħdin ifittxu fostkom xogħol u protezzjoni, waqt li joffrulkom is-servizzi tagħhom u l-umanità tagħhom! Dmir bla dubju diffiċli, imma mhux iktar mit-tkabbir komuni s’issa mwettaq mill-Konfederazzjoni u mill gruppi multipli tagħkom. Tistgħu taraw fil-mistiedna tagħkom qabel kollox bnedmin li ngħaqdu magħkom fl-iktar profond tal-ferħ u tan-niket, fix-xewqat u fit-tamiet l-iktar bażiċi, u jieħdu sehem fid-destin propju ta’ bnedmin!
4. Imma l-aċċettazzjoni reċiproka ma tistax tkunilkom fi “tjieba u rieda tajba” sinċiera; spiss ikun jonqos il-fehim, spiss ikun jonqos il-kuntatt reċiproku. Hawn hu għaliex huwa validu l-parir l-ieħor ta’ Patri Nikola: “Imma jekk mhix possibbli r-rikonċiljazzjoni fl-imħabba, ħallu li l-ġustizzja tkun l-aħjar ħaġa” Il-paċi tissejjes fuq il-ħbiberija, imma ferm iktar fondamentalment fuq il-ġustizzja. Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-impenn għall-paċi huma meħtieġa flimkien. L-Istat tagħkom jiftaħar li huwa Stat tad-dritt, Stat tad-dritt ma jistax bdanakollu iktar iżomm illum waħdu fuq id-dritt dokumentat s’issa; biex iwieġeb għal kondizzjonijiet li jimbidlu rapidament irid ukoll ikun maħruġ dritt ġdid, dritt li jipproteġi qabelxejn lil dawk indifiżi u l-emarġinati; it-trabi, iż-żgħażagħ u l-anzjani, il-barranin, in-natura sfruttata. Ħudu f’idejkom b’mod qalbieni dawn il-problemi u fittxu li ssolvuhom b’dak l-għerf li dwaru Patri Nikola jgħid: “L-għerf huwa l-ħaġa l-iktar għażiża għaliex jibda l-ħwejjeġ kollha bl-aħjar mod”.
5. Ħuti. Nikola minn Flue jfakkarna wkoll ir-responsabiltà tagħna tal-paċi fid-dinja. Jappartieni propju lill-missjoni fundamentali tal-Knisja li tħabbar is-saltna ta’ Alla, li hija saltna ta’ “ġustizzja”, ta’ paċi u ta’ ferħ”. Dan il-Vanġelu ta’ paċi illum jiġi mħabbar mill-Knisja b’qawwa partikolari quddiem t-theddid internazzjonali ta’ żminijietna.
Tensjonijiet politiċi u idejoloġiċi, ġuħ u miżerja, djun eċċessivi ta’ bosta nazzjonijiet, vjolazzjonijiet multipli tad-drittijiet tal-bniedem: dawn il-mottivi ta’ biżà li jwasslu sad-disperazzjoni illum jaġixxu f’livell mondjali u ma jħallu ħielsa linqas lill-popli l-iktar għonja. Il-popli kollha għandhom illum jiġbru dawn l-isfidi flimkien u jfittxu toroq tal-ħruġ ġusti u xierqa tal-bniedem. Il-Knisja ta’ Kristu wkoll hija lesta biex tagħti l-kontribut tagħha. Fil-messaġġi fl-okkażjoni tal-jum annwali għall-paċi fid-dinja, f’inizjattivi multipli ta’ paċi u f’kuntatti ma’ bnedmin politiċi, diplomatiċi u xjenzjati hija tfittex b’mod instankabbli li tipproklama li fis-sitwazzjoni tallum ma teżisti ebda alternattiva għajr id-djalogu, għall-kompromess bejn l-interessi u għall-ftehim ġust.
6. F’dak li għandu x’jaqsam mal-Isvizzera u r-rapporti tagħkom ma’ nazzjonijiet oħra, Patri Nikola kien ta liċ-ċittasini tiegħu, skont it-tradizzjoni, dan il-parir: “La timbuttawx wisq fit-tul il-ħitan . . . La tindaħlux fi ħwejjeġ barranin”. Dan il-prinċipju wassal fl-aħħar minn l-aħħar għan-newtralità tagħkom magħrufa u bla dubju ta’ min ifaħħarha. Taħt il-protezzjoni tagħha ċ-ċkejkna Svizzera saret illum qawwa ekonomika u finanzjarja. Bħala komunità kostitwita demokratikament tgħassu b’mod attent fuq il-fenomeni kollha f’din id-dinja potenti tal-flus. Ukoll id-dinja tal-finanza hija dinja tal-bnedmin, id-dinja tagħna, suġġetta għall-għarfien tagħna lkoll; ukoll għaliha jappartienu prinċipji etiċi. Attenti fuq kollox sabiex bl-ekonomija tagħkom u bis-sistema bankarja tagħkom tagħtu servizzi ta’ paċi lid-dinja, u ma tikkontribwixxux – forsi b’mod indirett – għall-gwerra u għall-inġustizzja fid-dinja.
In-newtralità Svizzera hija ġid kbir; komplu għamlu użu sħiħ tal-possibiltajiet tagħkom li tipprovdu ażil lir-refuġjati u żvolġu opri ta’ assistenza li huma possibbli biss min-naħa ta’ Pajjiż newtrali. Mhumiex ftit il-konnazzjonali tiegħi li sabu rifuġju f’Pajjiżkom – per eżempju f’kamp hawn fi Flueli – u wieħed jismà kontinwament min jitkellem b’sens ta’ gratitudni dwar l-ajjut pront u ġeneruż tal-Isvizzeri f’okkażjoni ta’ katastrofi. Iva, “tinbuttawx il-ħitan ‘il bogħod wisq”, imma la tibżgħux tħarsu ‘il hemm mill-ħitan, agħmlu tagħkom l-ansjetajiet ta’ popli oħra u xabbtu ‘l hemm nill-fruntieri id waħda li tgħin, ukoll gfil-livell tal-organi tal-Istat tagħkom u tal-mezzi finanzjarji. L-organizzazzjonijiet internazzjonali li għandhom is-sedja tagħhom f’Ġinevra għandhom is-sinifikat ta’ impenn onorevoli għall-Isvizzera kollha u għal kull individwu Svizzeru.
7. Għeżież ħuti. Nikola da Flue jħeġġiġna għall-paċi f’Pajjiżu u għall-paċi fid-dinja, imma jħeġġiġna b’mod speċjali għall-paċi fi qlubna. Ġesù fid-diskors tal-muntanja jiddikjara mberkin mhux biss il-paċifiċi, imma l-operaturi tal-paċi, dawk li b’impenn tal-eżistenza kollha tagħhom “jaħdmu għall-paċi”. Il-paċi trid tkun akkwistata, diffiċli, mitluba.
Imma bniedem li jkun miġġieled miegħu nnifsu, li jgħix konflitt intern, ma jistax ikun operatur tal-paċi. Għal dan Patri Nikola jindikalna s-sors l-iktar profond ta’ kull paċi, meta jikteb lill-Kunsill ta’ Berna: “Il-paċi hija dejjem f’Alla, għaliex Alla huwa l-paċi”. Alla fl-għaqda tat-tliet persuni tiegħu huwa l-arċitip u s-sors ta’ kull paċi; jirregalalna din il-paċi bħala l-ewwel don tal-Ispirtu Santu: “Il-frott tal-Ispirtu imma huwa l-imħabba, il-ferħ, il-paċi . . . u l-fedeltà” (Gal 5, 22). “Is-saltna ta’ Alla . . . hija ġustizzja, paċi u ferħ fl-Ispirtu Santu” (Rm 14, 17). Imissna niżżu ħajr lill-Ispirtu għall-paċi tiegħu u nitolbuh li jerġa japprofindixxi iktar l-opri tiegħu fina. Allura l-paċi; li Alla jopra fina tkun tistà tinfirex mill-iktar intimu tal-persuna tagħna u tipperswadi lill-oħrajn. Fil-paċi ta’ Ġesù Kristu, li d-dinja ma tafx tagħti (cf. Ġw 14, 27), nistgħu nsiru aħna stess operaturi awtentiċi tal-paċi.
B’dawn is-sentimenti ġejna llum f’pellegrinaġġ għand San Nikola da Flue. Din il-paċi “fl-Ispirtu Santu” rridu nitolbuha bl-interċessjoni tiegħu. Fil-Patri Nikola twettqu b’mod meraviljuż il-kliem tal-liturġija tallum: “Ħalli xortik f’idejn il-Mulej, u hu jgħinek u jwieżnek. Hu qatt ma jħalli l-ġust jitfixkel” (Sal 55, 23). U fis-salm tar-risposta nisimgħu jitlob b’mod miftuħ il-qaddis tagħna: “Għalhekk għallimna ngħoddu (o Alla) jiem ħajjitna, sabiex aħna nimxu bil-għaqal . . . Ħa jidher għemilek quddiem il-qaddejja tiegħek, u l-kobor tiegħek quddiem uliedhom” (Sal 90, 12.16). Iva, il-bniedem qaddis jara l-“opra” ta’ Alla kull fejn tiġi mwettqa paċi vera. Dan huwa l-messaġġ li l-Anġli wasslu fil-lejl ta’ twelid il-Mulej. Fl-art tal-Isvizzera kienet milqugħa minn Patri Nikola. L-opra ta’ paċi tiegħu għaqqadha ma’ xhieda impressjonanti għall-glorja ta’ Alla, li jqiegħed quddiem l-għajnejn tal-konnazzjonali tiegħu permezz tal-ġenerazzjonijiet sallum.
8. Fil-Vanġelu tallum Kristu jkellem hekk lil Pietru u lill-appostli l-oħra: fid-dinja l-ġdida, meta Bin il-Bniedem joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu, intom ukoll toqogħdu fuq tnax-il tron u tagħmlu ħaqq mit-tnax-il tribù ta’ Iżrael. U kull min iħalli ‘l daru jew ‘il ħutu jew ‘il missieru jew ‘l ommu jew ‘l uliedu jew ir-rabà tiegħu minħabba f’ismi, jerġa jirċievi kollox għal mitt darba iktar u jieħu b’sehmu l-ħajja ta’ dejjem” (Mt 19, 28-29).
Araw, dan huwa Nikola da Flue, il-koċittadin tagħkom. Biex isegwi l-vokazzjoni tiegħu, 517-il sena ilu abbanduna lil martu, lil uliedu, lil daru, lir-rabà tiegħu: ħa l-kliem tal-Vanġelu litteralment. Ismu baqà stampat fil-kantoni Svizzeri: huwa xhud awtentiku ta’ Kristu. Bniedem li attwa l-Vanġelu sal-aħħar kelma. Ejjew nagħtu ġieħ ukoll lil mara Dorotea: f’deċisjoni sofferta hija ħalliet liberu lil żewġha. Bi dritt tajjeb hija twassal, f’għajnejn bosta, x-xhieda erojka tal-ħajja ta’ Patri Nikola.
Hekk il-bnedmin qaddisin jibqgħu fil-poplu ta’ Alla bħala eżempju ħaj tat-triq, tal-verità u tal-ħajja, li huwa Kristu stess.
Imma l-qaddisin huma wkoll imħallfin: “Se tiġġudikaw lit-tnax-il tribù ta’ Iżrael”, igħid il-Vanġelu. Iva, huma jiġġudikaw il-qlub, il-kuxjenzi, l-opri tagħna. Jiġġudikaw il-forom ta’ ħajja u d-drawwiet. Jiġġudikaw il-ġenerazzjonijiet speċjalment il-ġenerazzjonijiet ta’ dak il-Pajjiż li minnu Kristu sejħilhom.
Ulied maskili u femminili tal-Isvizzera. Ilqgħu l-eżempju ta’ Patri Nikola, qegħdu lilkom infuskom taħt il-ħaqq tiegħu. Fl-eżempju tiegħu u taħt il-ħaqq tiegħu tridu tmexxu ‘l quddiem l-istorja ta’ Pajjiżkom. Wara tant ġenerazzjonijiet huwa preżenti fostkom fi spirtu bniedem li b’ħajtu kollha terrena saħħaħ ir-realtà tal-ħajja eterna f’Alla. Ħarsu lejh, u ħarsu wkoll lejn din ir-realtà ta’ Alla. Agħtu lilha mill-ġdid spazju fl-għarfien tagħkom, fl-imġieba tagħkom, fil-kuxjenza tagħkom, f’qalbkom.
“Għallimna (o Alla) ngħoddu jiem ħajjitna, sabiex aħna nimxu bil-għaqal . . . Ħa jidher għemilek quddiem il-qaddejja tiegħek, u l-kobor tiegħek quddiem uliedhom”. Jagħtina dan il-Missier ċelesti bħala wirt partikolari tal-qaddis Patri Nikola, il-patrun ta’ Art Twelidkom. Amen.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb