ĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA U INSEDJAMENT FUQ IL-CATHEDRA ROMANA
TAL-ISQOF TA’ RUMA LJUN XIV
KAPPELLA PAPALI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Ġwann Lateran
Is-VI Ħadd tal-Għid, 25 ta’ Mejju 2025
Insellem minn qalbi lis-Sinjuri Kardinali preżenti, b’mod patikulari l-Kardinal Vigarju, lill-Isqfijiet Awżiljarji u lill-Isqfijiet kollha, lill-għeżież Saċerdoti – Kappillani, Viċi-Parroċi u dawk kollha li f’diversi ħidmiet jikkoperaw fil-kura pastorali fil-komunitajiet tagħna –; kif ukoll lid-Djakni, lir-Reliġjużi rġiel u nisa, lill-Awtoritajiet u lilkom ilkoll, għeżież fidili.
Il-Knisja ta’ Ruma hija werrieta ta’ storja kbira, b’għeruqha fix-xhieda ta’ Pietru, ta’ Pawlu u ta’ għadd bla qies ta’ martri, u għandha missjoni unika, indikata tajjeb minn dak li hemm miktub fil-faċċata ta’ dan il-Katidral: li tkun Mater omnium Ecclesiarum, Omm tal-Knejjes kollha.
Spiss il-Papa Franġisku stedinna nirriflettu fuq id-dimensjoni materna tal-Knisja (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 46-49, 139-141; Katekeżi, 13 ta’ Jannar 2016) u fuq il-karatteristiċi li huma tagħha: il-ħlewwa, id-disponibbiltà għas-sagrifiċċju u dik il-ħila ta’ smigħ li biha nistgħu mhux biss ngħinu, imma spiss nagħrfu minn qabel il-bżonnijiet u x-xewqat, qabel biss jiġu espressi. Huma karatteristiċi li nawguraw li jikbru kullimkien fil-poplu ta’ Alla, anki hawn, fil-familja kbira djoċesana tagħna: fil-fidili, fir-ragħajja, fija l-ewwel wieħed. Fuq dawn jista’ jgħinna nirriflettu l-Qari li għadna kemm smajna.
Fl-Atti tal-Appostli (ara 15:1-2,22-29), b’mod partikulari, insibu r-rakkont ta’ kif il-komunità tal-oriġni affrontat l-isfida tal-ftuħ għad-dinja pagana fit-tħabbira tal-Vanġelu. Ma kienx proċess faċli: kien jitlob sabar u smigħ reċiproku; dan seħħ qabelxejn fi ħdan il-komunità ta’ Antjokja, fejn l-aħwa, fid-djalogu – anki bid-diskussjoni – waslu biex jiddefinixxu l-kwistjoni flimkien. Imma mbagħad, Pawlu u Barnaba telgħu Ġerusalemm. Ma ddeċidewx waħidhom: fittxew il-komunjoni mal-Knisja omm u marru għandha b’umiltà.
Hemm sabu, biex jisimgħuhom, lil Pietru u l-Appostli. Hekk tfassal id-djalogu li fl-aħħar wassal għad-deċiżjoni t-tajba: wara li għarfu u qiesu t-taħbit tal-imgħammdin ġodda, qatgħuha li ma għandhomx jimponu fuqhom piżijiet żejda, imma jillimitaw ruħhom għal li jitolbu l-essenzjal (ara Atti 15:28-29). Hekk, dak li seta’ jidher problema sar għal kulħadd okkażjoni biex jirriflettu u biex jikbru.
Imma t-test bibliku jgħidilna iżjed minn hekk, u jmur iktar lil hemm mid-dinamika umana għanja u interessanti tal-ġrajja.
Dan juruhulna l-kelmiet tal-aħwa ta’ Ġerusalemm meta, b’ittra, iduru fuq dawk ta’ Antjokja, u jwasslulhom id-deċiżjonijiet li ħadu. Huma jiktbu: “Għax lill-Ispirtu s-Santu u lilna dehrilna” (ara Atti 15:28). Jiġifieri jisħqu li fil-biċċa kollha s-smigħ l-aktar importanti, li għamel possibbli l-bqija kollu, kien dak tal-leħen ta’ Alla. U hekk ifakkruna li l-komunjoni tinbena qabelxejn “għarkupptejna”, fit-talb u f’impenn kontinwu ta’ konverżjoni. Fil-fatt, f’din it-tensjoni biss kull persuna tista’ tisma’ fiha l-leħen tal-Ispirtu li jgħajjat: “Abbà! Missier” (Gal 4:6) u b’konsegwenza ta’ dan tisma’ u tifhem lill-oħrajn bħala aħwa.
Il-Vanġelu wkoll itennilna dan il-messaġġ (ara Ġw 14:23-29), meta jgħidilna li fl-għażliet tal-ħajja m’aħniex waħidna. L-Ispirtu jweżinna u jurina t-triq li għandna nimxu, “jgħallimna” u “jfakkarna” dak kollu li qalilna Ġesù (ara Ġw 14:26).
Qabelxejn l-Ispirtu jgħallimna l-kelmiet tal-Mulej billi jissiġillahom bil-qawwa fina, skont ix-xbieha biblika tal-liġi mnaqqxa mhux iżjed fuq twavel tal-ġebel, imma fil-qlub tagħna (ara Ġer 31:33); don li jgħinna nikbru sa ma jagħmel minna “ittra ta’ Kristu” (ara 2 Kor 3:3) għal xulxin. U huwa proprju hekk: aħna jkollna l-ħila nxandru l-Vanġelu daqskemm inħalluh jirbaħna għalih u jibdilna, billi nħallu l-qawwa tal-Ispirtu ssaffina fil-ġewwieni tagħna, tagħmel sempliċi l-kliem tagħna, onesti u ċari x-xewqat tagħna, ġenerużi l-għemejjel tagħna.
U hawn jidħol verb ieħor: “niftakru”, jiġifieri nerġgħu lura biex nagħtu l-attenzjoni tal-qalb lil dak li għexna u fhimna, biex nidħlu iżjed fil-fond tat-tifsira tiegħu u niggustaw il-ġmiel tiegħu.
Hawn tiġini f’moħħi l-mixja impenjattiva li d-Djoċesi ta’ Ruma qed tagħmel f’dawn is-snin, artikulata fuq diversi livelli ta’ smigħ: lejn id-dinja ta’ madwarha, biex nilqgħu iktar l-isfidi tagħha, u fi ħdan il-komunitajiet, biex nifhmu l-ħtiġijiet u nippromovu inizjattivi għarfa u profetiċi ta’ evanġelizzazzjoni u ta’ karità. Hija mixja diffiċli, li għadha għaddejja, li tfittex kif tħaddan realtà għanja ħafna, imma anki kumplessa ħafna. Imma hi denja tal-istorja ta’ din il-Knisja, li tant drabi wriet li taf taħseb “kbir” u tiddedika ruħha bla riservi għal proġetti kuraġġjużi, u tirriskja anki quddiem xenarji ġodda u impenjattivi.
Sinjal ta’ dan hi l-ħidma kbira li biha d-djoċesi kollha, proprju f’dawn il-jiem, qed titħabat għall-Ġublew, biex tilqa’ u tieħu ħsieb il-pellegrini, u f’għadd bla qies ta’ inizjattivi oħra. Grazzi għal tant sforzi, il-belt tidher għal kull min jasal fiha, xi drabi minn ħafna bogħod, bħala dar kbira miftuħa u akkoljenti, u fuq kollox bħala musbieħ tal-fidi.
Min-naħa tiegħi, nesprimi x-xewqa u l-impenn li nidħol f’dan il-post tax-xogħol hekk vast billi, daqskemm ikun possibbli għalija, nagħti widen lil kulħadd, biex nilqgħu, nifhmu u niddeċiedu flimkien: “magħkom Nisrani u għalikom Isqof”, kif qal Santu Wistin (ara Diskors 340, 1). Nitlobkom tgħinuni nagħmel dan fi sforz komuni ta’ talb u ta’ karità, waqt li niftakru fi kliem San Ljun il-Kbir: “Il-ġid kollu li nagħmlu fit-twettiq tal-ministeru tagħna hu opra ta’ Kristu; u mhux tagħna, li ma nistgħu nagħmlu xejn mingħajru, imma bih niftaħru, li minnu ġej il-frott kollu tal-ħidma tagħna” (Serm. 5, de natali ipsius, 4).
Jiena u nagħlaq, ma’ dawn il-kelmiet nixtieq ngħaqqad dawk tal-Beatu Ġwanni Pawlu I, li fit-23 ta’ Settembru 1978, b’wiċċu jixgħel u seren hekk li diġà kien tlaqqam il-“Papa tat-tbissima”, hekk sellem lill-familja ġdida djoċesana tiegħu: “San Piju X”, qal, “meta sar Patrijarka ta’ Venezja, kien esklama f’San Mark: ‘X’jiġri minni, Venenzjani, kieku ma nħobbkomx?’. Jiena lir-Rumani se ngħidilhom xi ħaġa simili: ibqgħu ċerti li jiena nħobbkom, li nixtieq biss nidħol għall-qadi tagħkom u nqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd il-forzi fqajra tiegħi, dak il-ftit li għandi u li jien” (Omelija fl-okkażjoni tal-Pussess tal-Katedra Rumana, 23 ta’ Settembru 1978).
Jiena wkoll nesprimilkom l-imħabba tiegħi, bix-xewqa li naqsam magħkom, fil-mixja komuni tagħna, ferħ u niket, taħbit u tamiet. Jiena wkoll noffrilkom “dak il-ftit li għandi u li jien”, u nafdah lill-interċessjoni ta’ San Pietru u San Pawl u ta’ tant aħwa oħra li l-qdusija tagħhom dawlet l-istorja ta’ din il-Knisja u t-toroq ta’ din il-belt. Il-Verġni Marija sseħibna u tidħol għalina.
________________________________
Kelmtejn tal-Papa Ljun XIV imlissna mil-Loġġa ċentrali tal-Bażilika tal-Lateran għall-Barka lill-belt ta’ Ruma fi tmiem iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika
Il-paċi magħkom!
Għeżież ħuti, komunità ta’ Ruma, hu pjaċir kbir tiegħi li ninsab magħkom hawn illejla, f’dan l-att liturġiku, li fih iċċelebrajna l-insedjament tiegħi bħala l-Isqof il-ġdid tagħkom ta’ Ruma. Grazzi lilkom ilkoll!
Ejjew ngħixu l-fidi tagħna, speċjalment f’din is-Sena tal-Ġublew, billi nfittxu t-tama; imma nfittxu li nkunu aħna stess xhieda li noffru t-tama lid-dinja. Dinja li qed tbati tant, tant tbatija, minħabba l-gwerer, il-vjolenza, il-faqar! Imma lilna l-Insara l-Mulej jitlobna li nkunu dejjem din ix-xhieda ħajja. Ngħixu l-fidi tagħna, inħossu fil-qalb tagħna li Ġesù Kristu hu preżenti u nagħrfu li hu jimxi magħna dejjem fit-triq tagħna.
Grazzi lilkom li qed nimxu flimkien! Nimxu lkoll flimkien! Tistgħu sserrħu dejjem raskom bija, li magħkom jiena Nisrani u għalikom Isqof. Grazzi lil kulħadd!
[Barka]
Il-lejla t-tajba lil kulħadd! Ejjew ngħixu b’dan il-ferħ, dejjem. Grazzi.
Miġjub gżall-Malti minn Francesco Pio Attard