Tifel ta’ 12-il sena jagħmel kuruni tar-Rużarju minn żrieragħ tal-ġilji

Kitba ta’ Joe Galea

Tifel ta’ 12-il sena minn Santa Catarina, il-Brażil, qed jiġbed l-attenzjoni fuq il-midja soċjali għal missjoni mhux tas-soltu għal tifel ta’ età tiegħu: li jagħmel kuruni tar-Rużarji minn żrieragħ magħrufa bħala “Dmugħ tal-Madonna” u li jqassamhom lit-tfal fl-isptarijiet.

Kuruna magħmula minn żerriegħa tal-ġilju

Samuel Hoffmann, li jgħix fil-belt ta’ Brusque, hu sehem f’ħidma ta’ evanġelizzazzjoni fl-isptar u sab mod sempliċi biex iħalli rigal ta’ valur lit-tfal li jmur jżur. B’idejh stess jikkultiva x-xitla, jiġbor iż-żrieragħ minnha, u jużahom f’kuruni tar-Rużarju li jqassam waqt iż-żjarat tiegħu.

Samuel Hoffmann

L-istorja bdiet xi snin ilu, meta nibtet f’Samuel devozzjoni kbira lejn il-Madonna. Skont Samuel, kollox beda meta kellu seba’ snin, meta kien jara programmi Kattoliċi kuljum ma’ nannuh. Ftit wara, irċieva stedina li kienet se tbiddel ħajtu. “Meta kont ta’ tmien jew disa’ snin, Soru li jisimha Terezinha stednitni biex inżur l-isptar. Aħna konna ndoqqu mużika lit-tfal, imma jien ridt inħallilhom rigal li jfakkarhom biex jitolbu.”  Is-soluzzjoni ġiet minn x’imkien mhux mistenni.

Waħda miz-zijiet ta’ Samuel ġabet id-dar żerriegħa minn xitla li b’mod popolari tissejjaħ “Dmugħ tal-Madonna,” li hawn min isibha bħala l-“Ġilju tal-Wied”. Samuel iddeċieda li jħawwilhom fil-bitħa. Hekk kif ix-xitla kibret, ħareġ bl-idea li juża ż-żrieragħ biex jagħmel il-kuruni tar-Rużarju.

Samuel jgħid: “Meta żżur il-kamra ta’ tifel u tara li dak li ġibt bih għamilhom aktar ferħanin, dan jagħmlini tant ferħan.” Illum, il-kuruni ta’ Samuel saru parti mill-missjoni li titwettaq waqt iż-żjarat fl-isptar. Filwaqt li ħafna tfal tal-età tiegħu jqattgħu l-ħin tagħhom mehdijin b’logħob tal-kompjuter, imqabbdin mal-midja soċjali, jew jaraw it-televiżjoni għal ħinijiet twal, Samuel jiddedika parti mill-ġurnata għat-talb, għall-evanġelizzazzjoni, u x-xogħol ta’ kuruni li hu stess iqassam personalment lill-pazjenti żgħar.

Ommu, Maristela Hoffmann, temmen li l-vjaġġ ta’ fidi ta’ binha biddel lill-familja kollha tagħhom.

“Fil-fatt”, tgħid Maristela, “kien hu li fittex lilna u ġabna miegħu. Ġabna saħansitra eqreb lejn il-Knisja,”  Għamlet enfasi wkoll għall-importanza tax-xhieda nisranija. “Hu sabiħ li tara ħafna żgħażagħ jimxu fuq dan it-triq. In-nies jeħtieġ jagħtu xhieda biex jispiraw lil oħrajn biex jagħmlu xi ħaġa għall-proxxmu.” In-nanna ta’ Samuel segwiet mill-qrib il-vjaġġ tiegħu u ssir emozzjonata meta titkellem dwar neputiha.

“Illum, nara l-fidi tiegħu tikber daqshekk, u dan jagħmilni ferħana ħafna.”

Dak li beda bħala devozzjoni sempliċi lejn il-Madonna sar missjoni żgħira. Permezz taż-żrieragħ, tar-Rużarji u taż-żjarat fl-isptar, Samuel jagħti lit-tfal xi ħaġa li mhux dejjem tinstab fil-mediċina jew fit-trattamenti għalkemm dawn ukoll iġibu l-fejqan. Ta’ 12-il sena biss, huwa jkompli jagħmel dak li jemmen li Alla sejjaħlu biex jagħmel, li jġib it-tama lil tfal oħra.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading