Sa truf l-Imperu u fil-Kampanja. 2 parti (25)

Mill-istorja tal-Knisja Nisranija. Kitba ta’ Joe Galea

L-Etjopja, Kristjaneżmu fil-Qarn tal-Afrika

Ftit jafu li jeżistu partijiet mill-Afrika fejn il-Kristjaneżimu daħal qabel ma daħal f’xi partijiet mill-Ewropa. L-Etjopja hu każ importanti li juri li sa mill-bidu l-Kristjaneżimu ma kienx biss reliġjon tal-Ewropej. Dan il-pajjiż jinsab f’dik iż-żona tal-Grigal ta’ l-Afrika magħrufa bħala l-Qarn, minħabba l-forma ġeografika li tmiss mal-Baħar l-Aħmar u l-Oċean Indjan. F’dawn iż-żminijiet din iż-żona kienet iddominata mis-saltna ta’ Aksum fit-Tramuntana tal-għoljiet Etjopi. L-influwenza politika u kulturali tagħha kienet tinfirex min-Nubja (it-tramuntana tas-Sudan) san-nofsinhar ta’ l-Arabja (il-Jemen).

Ta’ min isemmi li f’dan il-pajjiż kien hemm minoranza qawwija ta’ Lhud imsejħa Falaxas u li x’aktarx kienu sabu ruħhom hemm numru ta’ snin qabel Kristu. Aktar tard forsi taħt l-influwenza sew Lhudija kif ukoll Nisranija, l-Imperaturi tal-Etjopja bdew isejħu lilhom infushom l-Iljun ta’ Ġuda u jqisu lilhom infushom dixxendenti tar-Re Salamun u r-Reġina ta’ Saba.

Iqisu ruħhom li huma mnisslin mir-re Salamun

F’dan iż-żmien kienu bosta n-negozjanti Sirjani li kienu jbaħħru lejn l-Indja fuq xogħol u kien aktarx wieħed minn dawn l-iġfna li għereq f’dan ir-reġjun. Fost dawk li ħelsuha mill-għarqa kien hemm iż-żagħżugħ Frumenzju djaknu tal-Knisja ta’ Lixandra li l-leġġendi jgħidu li nstab jaqra l-Iskrittura taħt siġra minn dawk li ġew biex jaraw min kien salva. Huma ħaduh fil-Palazz ta’ l-Imperatur f’Aksum u minn hemm beda jevanġelizza dan il-pajjiż Afrikan.

Il-Knisja Etjopjana intrabtet ma’ dik ta’ Lixandra (Eġittu) li dak iż-żmien kienet immexxija mill-kbir San Atanasju. Meta fil-Konċilju ta’ Kalċidonja din il-Knisja infirdet mill-kumplament tal-Knejjes l-oħra, l-Etjopja mxiet warajha. L-istess bħall-Armenja il-qawmien Islamiku wassal biex l-Etjopja tispiċċa iżolata u maqtugħa aktar mill-bqija tad-dinja Nisranija. Hekk kif il-Pellegrini u l-Kruċjati mill-punent bdew imorru fl-art Imqaddsa huma bdew jiltaqgħu ma’ pellegrini Etjopi li bdew jirrakkuntaw ġrajjiet dwar ir-Renju Maġiku ta’ Prete Giovanni li għad isalva l-Art Imqaddsa mill-“infidili”. Dan wassal għal vjaġġi twal minn esploraturi u missjunarji biex isibu din is-saltna mitika nisranija fil-qalba tal-Afrika.

Fis-sekli 16 u 17 kien hemm attentati min-naħa tal-Ġiżwiti sabiex il-Knisja Etjopjana tingħaqad ma’ dik Kattolika iżda wara xi suċċessi fil-bidu kollox beda jfalli. Fis-seklu 18 saħansitra tħejja pjan li kien jinvolvi mhux biss missjunarji Franġiskani iżda wkoll Kavallieri ta’ Malta biex jipproteġu l-missjunarji. Fis-seklu 19 l-attivitajiet ta’ Missjunarji Ewropej ġibdu l-attenzjoni ta’ xi Etjopjani. Iżda l-fatt li t-Taljani kienu qed jippruvaw jinvadu din l-art kif ukoll ir-rabta li l-poplu u l-mexxejja kellhom mal-knisja Ortodossa Etjopjana, ġabet kull attentat ta’ għaqda fix-xejn.

Fis-Seklu 20 l-Invażjoni vjolenti minn Mussolini u t-Tieni Gwerra Dinjija, flimkien maż-żmien terribli ta’ dittatura, ġuħ u gwerra tas-snin sebgħin u tmenin (fejn il-knisja Etjopjana ġiet ippersegwitata b’mod vjolenti) żiedu fil-ħsara. Iżda kollox juri li l-Kristjaneżmu għadu l-ankra li magħha torbot is-soċjetà Etjopika.

Fil-Kampanja

Il-kampanja kienet għadha pagana. L-Insara kienu ftit u l-bdiewa kienu jqimu spirti u allat li kienu jorbtu mar-ritmi tan-natura, l-istaġuni u ż-żmien. L-isem li kienu jissejħu bih il-bdiewa, Pagani, sar ifisser dawk li kienu jaduraw l-allat tal-qedem. Imma fl-aħħar tar-raba’ seklu beda bil-mod il-mod il-proċess ta’ Kristjanizzazzjoni tal-Kampanja. Forsi l-aktar missjunarju magħruf kien San Martin ta’ Tours. Il-ħeġġa tiegħu biex ixandar lil Kristu kif ukoll il-karità u l-imħabba tiegħu lejn il-proxxmu, xerrdu l-fama tiegħu f’ħajtu u wara mewtu.

Tajjeb li ngħidu li bosta drabi dawn l-Insara ġodda kienu faċilment jaddottaw sistemi ta’ twemmin ibbażati fuq riti popolari li x’aktarx ikunu aktar superstizzjonijiet milli devozzjonijiet ġenwini. Din ir-realtà għamlet l-evanġelizzazzjoni tal-kampanja aktar diffiċli. Wieħed ikollu jgħid li minkejja li l-Kristjaneżmu kien ilu kważi erba’ mitt sena, il-Knisja kienet għada ma qabditx l-għeruq f’kull rokna tal-Imperu.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading