VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA LJUN XIV
FI SPANJA
(6-12 TA’ ĠUNJU 2026)
TALB TA’ NOFS IL-JUM
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
Katidral tas-Salib Imqaddes u Sant’Ewlalja (Barċellona)
It-Tlieta 9 ta’ Ġunju 2026
Għeżież ħuti,
B’ferħ kbir qed nibda ż-żjara tiegħi billi nitlob is-Sesta flimkien magħkom, f’dan il-Katidral.
Il-Konċilju Vatikan II lill-Uffiċċju divin isejjaħlu “leħen l-għarusa nnifisha li tkun qed titħaddet mal-għarus” (Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium, 84) u “t-talba li Kristu, f’għaqda mal-Ġisem tiegħu, iressaq quddiem il-Missier” (ibid.). Anki l-Qari li smajna jisħaq li “lkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed” (1 Kor 12:13). Għaldaqstant, nistgħu fir-riflessjoni tagħna nħallu jgħinuna dawn iż-żewġ xbihat: l-Għarusa u l-Ġisem.
L-ewwel waħda tfakkarna li l-Knisja, u b’mod partikulari din il-ġemgħa, għanja fid-doni u l-kariżmi tagħha u fil-firxa kbira tal-istejjer ta’ kull persuna, hi qabelxejn Għarusa maħbuba. Alla riedkom hawn, għax fikom u fil-ġemgħa tagħkom flimkien huwa jħobb ġmiel u tjieba uniċi u sagri. Hu għażel lilkom, u mhux oħrajn, biex tirrappreżentaw, illum, il-“Ġemgħa tal-qaddisin” (ara 1 Kor 1:2) li tinsab f’Barċellona. U huwa b’dan l-għarfien li jien nistedinkom iġġeddu, fehma waħda, ix-xewqa li timxu flimkien, ilkoll, fidili u Ragħajja, fuq il-passi ta’ Kristu, lejn il-milja tal-ħajja. Il-Knisja hija frott ta’ att ta’ mħabba li jiġi qabilha u ġej minn Alla, u tikber qabelxejn billi tħallih iħobbha, magħquda, b’qalb umli u grata, għax huwa biss min iħalli lil Alla jħobbu li jista’ jibni, flimkien ma’ oħrajn, l-opri tal-imħabba.
Dwar dan, il-Papa Franġisku, mhux tant snin ilu, irrakkomanda lil din il-Komunità djoċesana li “tibda mil-laqgħa ma’ Kristu” biex tikber “fil-fraternità, fit-tħabbira tal-Aħbar it-Tajba tal-Vanġelu” (Vidjomessaġġ fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni tat-Torri tal-Verġni fis-Sagrada Familía ta’ Barċellona, 8 ta’ Diċembru 2021), u, sena wara, tenna lis-seminaristi ta’ din l-istess Djoċesi, pellegrini f’Ruma: “Tieqfu qatt idduqu u tfakkru f’din l-imħabba preferenzjali li tissawwab u terġa’ tissawwab bil-kotra fuq il-qalb tagħkom […]. Qatt la titfu dak id-dawl li jagħmilkom predikaturi qalbiena tal-Vanġelu” (Diskors lill-Komunità tas-Seminarju ta’ Barċellona, 10 ta’ Diċembru 2022).
Kliemu jindika l-klima li aħna msejħin inxerrdu fl-ambjenti tagħna, fil-familji, fil-parroċċi, fil-postijiet tax-xogħol u tal-formazzjoni, fl-ambjenti tal-Kurja u f’kull qasam ieħor tal-ħajja: klima ta’ familja, fejn ngħixu flimkien, waqt li nżommu f’moħħna l-filjolanza komuni u s-sejħa komuni, solidali, miftuħa, kapaċi nħennu, nagħmlu sagrifiċċju, attenti għal xulxin, naħfru.
Għeżież, Barċellona, f’dan, għandha tradizzjoni kbira ta’ Knisja. Dan fakkru San Ġwanni Pawlu II, meta, fi żjara tiegħu hawn, faħħar ir-“ruħ akkoljenti li matul l-istorja wasslet lilkom Barċelloniżi u Katalani biex taqsmu ċ-ċittadinana umana u Nisranija ma’ għadd bla qies ta’ ġnus” (Angelus, Barċellona, 7 ta’ Novembru 1982), u inkuraġġiekom “ixxandru quddiem il-Knisja li din il-belt u dan ir-reġjun huma fuklar kbir u miftuħ għall-fraternità Nisranija” (ibid.).
Fi kliemu jsibu posthom l-uċuħ ta’ tant aħwa li fostkom ħadmu u jistinkaw biex jibnu armonija u komunjoni, bogħod minn kull polarizzazzjoni. U sal-lum għandhom konferma fil-vitalità tal-għadd kbir ta’ opri ta’ xandir, ta’ formazzjoni u ta’ karità li tagħhom ilkoll intom animaturi u protagonisti.
Dan iwassalna għat-tieni xbieha li fuqha nixtiequ nieqfu: dik tal-ġisem, tema prinċipali tal-Qari li smajna (ara 1 Kor 12:12-13). Fil-fatt, jekk Kristu huwa l-Għarus li ħabbna hu l-ewwel, huwa wkoll ir-Ras li magħha aħna magħquda bħala membri ta’ organiżmu wieħed, wieħed għas-servizz tal-ieħor, “bnedmin minn kull tribù u lsien, minn kull poplu u ġens” (Apok 5:9), ilkoll animati mill-azzjoni tal-istess Spirtu, ilkoll imsejħa għall-istess qdusija. Anki dan hu importanti, għax ifakkarna li għalina, li naħdmu flimkien mhijiex għażla ta’ “stil”, imma ħtieġa fiżjoloġika, mibnija fuq il-grazzja mogħtija lil kull wieħed u waħda “skont il-qies tad-don ta’ Kristu” (Efes 4:7), u li għaliha nikkorrispondu billi nħaddmu l-kariżmi li rċivejna skont il-ministeri fdati lilna. Huwa l-Ispirtu li, bħala parti minn ġemgħa waħda ħajja, imexxina mhux biss biex ningħataw lil xulxin bla riservi, hemm fejn il-Providenza ssejħilna, imma biex nagħmlu dan skont il-pjanijiet ta’ Alla, fl-ubbidjenza u fil-fiduċja.
Bħal f’ġisem, anki bejnietna hemm membri iżjed b’saħħithom u oħrajn iżjed dgħajfa, xi wħud viżibbli li jiżvolġu funzjonijiet li jidhru minn barra, oħrajn moħbija, li jaġixxu minn ġewwa, f’xi każi bla ma jieqfu qatt u billi jwettqu funzjonijiet vitali, mingħajr ħadd biss jintebaħ.
Huma ħafna x-xbihat li bihom nistgħu nuru l-varjetà u l-importanza tar-rwoli u tal-missjonijiet li niltaqgħu magħhom bejnietna, imma l-messaġġ hu dejjem l-istess wieħed: fl-għana tad-doni li rċivejna, aħna qawwija għax magħquda, u aħna magħquda għax animati mill-istess Spirtu, l-Ispirtu ta’ Kristu, li hu Spirtu ta’ komunjoni għas-salvazzjoni ta’ kulħadd (ara Efes 4:4). Għalhekk, huwa importanti għal kull wieħed u waħda minna li ma nħallu xejn jeqred l-għaqda li fiha Alla waqqafna u li lejn il-milja tagħha jmexxina ta’ kuljum.
Barċellona tissejjaħ “Cap i Casal de Catalunya”. Dan jagħti lil din il-komunità, u lilkom kollha, Barċelloniżi u Katalani, vokazzjoni u responsabbiltà speċjali li ssiru, bl-għajnuna ta’ Alla, bennejja ta’ għaqda.
Minn hawn u ftit ieħor se nqimu l-fdalijiet ta’ Santa Ewlalja, Kompatruna ta’ dan il-Katidral, ta’ din id-Djoċesi u ta’ din il-Belt.
Santu Wistin, meta jitkellem dwar il-martri, jgħid: “Ma jidhrilniex li hi xi ħaġa żgħira li aħna membri ta’ dan il-ġisem li tiegħu huma membri wkoll dawk li magħhom ma nistgħux inqabblu ruħna […]. Aħna ubbidjenti lejn l-istess Mulej […], imqanqla mill-istess imħabba u […] miġbuda lejn dik l-istess għaqda” (Sermo 280, 6).
Għeżież ħuti, hu b’dan l-ispirtu li aħna wkoll, f’dinja mifnija mill-gwerer u l-firdiet, f’soċjetà dejjem iżjed maqsuma u individwalistika, nixtiequ nkunu “martri”, jiġifieri xhieda u profeti, ta’ għaqda, ta’ akkoljenza, ta’ ftehim u ta’ paċi, anki jekk dan jiswielna sagrifiċċju u ċaħdiet. Bħall-Verġni Ewlalja u tant martri oħra, irridu nwieġbu bl-“iva” tagħna, pronti, fejn meħtieġ, li mmutu għalina nfusna, li nitilfu ħajjitna biex nirbħuha, li niċċaħħdu minn dak li hu biss qoxra biex nibnu fuq dak li hu essenzjali u jibqa’ għal dejjem (ara Mt 16:24-26).
Dan jgħallimna l-Imsallab, għal dan jistednuna l-Appostlu Pawlu u l-eżempji tal-qaddisin, dan irridu nagħmlu flimkien, skont it-talba ta’ Ġesù lill-Missier, matul l-Aħħar Ċena: “Jiena fihom u inti fija, biex isiru ħaġa waħda għalkollox, ħalli d-dinja tagħraf li inti bgħattni u li ħabbejt lilhom kif ħabbejt lili” (Ġw 17:23).
Ħa tgħinna Marija, Omm il-Knisja u Omm l-għaqda, biex inkunu fidili għal dan l-impenn u għal din il-missjoni: Santa Maria de la Mercè, pregueu per nosaltres.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard