VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA LJUN XIV
FI SPANJA
(6-12 TA’ ĠUNJU 2026)
QUDDIESA
FIS-SOLENNITÀ TAL-QALB IMQADDSA TA’ ĠESÙ
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
Stadju tal-Gran Kanarja (Las Palmas de Gran Canaria)
Il-Ħamis 11 ta’ Ġunju 2026
Għeżież ħuti, wara ġurnata mimlija laqgħat u qsim flimkien, issa li qed niċċelebra magħkom din il-quddiesa, nixtieq qabelxejn irrodd ħajr lill-Mulej ta’ tant ġid li jsir hawn ta’ kuljum, u nafdalu l-impenn ta’ kulħadd u fl-istess waqt it-tbatijiet li tagħhom din l-art hi xhud. Nistedinkom ukoll biex nitolbu flimkien, f’din il-quddiesa, għall-erwieħ ta’ ħutna li tilfu ħajjithom fil-baħar.
Dan kollu nqegħduh fuq l-altar mal-ħobż u l-inbid, waqt li biċ-Ċelebrazzjoni tal-Vġili, nidħlu fis-Solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, li lilha Spanja kollha hi kkonsagrata. Nitolbu lill-Mulej li f’dan il-mument ikunu ħajja fina l-istess sentimenti ta’ umanità, ħniena u kompassjoni tal-Qalb tas-Salvatur.
Inħallu jgħinna, fil-meditazzjoni tagħna, il-Qari li smajna.
Fl-Ewwel Qari, Alla jfakkar lill-Iżraelin li b’xejn ħabbhom. Għażilhom mhux għax kellhom prerogattivi, doni jew merti partikulari, imma purament għall-imħabba (ara Dewt 7:7-9), u jibqa’ jħobbhom għal dejjem, imqar meta, minħabba l-qalb imwebbsa tagħhom, ma jibqgħux jikkorrispondu għas-sentimenti tiegħu.
Din hija l-imħabba ta’ Alla, li fiha għandha l-għeruq tagħha l-vokazzjoni tagħna għall-imħabba: mhux mibnija fuq il-kalkolu, lanqas fuq is-sentiment biss, u lanqas tirriduċi ruħha għal sempliċi filantropija, imma tidħol f’dak kollu li aħna: nar għar-ruħ, dawl għall-moħħ, impuls irreżistibbli għal-libertà, paċi u fl-istess waqt turment għall-qalb, li tħabbat f’sintonija ma’ qlub oħra, u hekk tinvolvi l-persuna kollha. Għax li jħobb hi ħaġa waħda man-natura tal-bniedem, anzi hi kundizzjoni biex l-istess ħajja tiegħu tkun sħiħa.
Hekk tidher quddiemna l-imħabba fl-umanità tas-Salvatur u fiċ-ċaqliq tal-Qalb Imqaddsa tiegħu: ma tinbidilx u fidila mqar quddiem l-inkomprensjoni u r-rifjut, il-biża’, in-niket u r-reżistenza umana (ara Lq 22:39-46).
U huwa f’dan il-wiċċ ta’ Alla dejjem “innamrat”, totalment u kontinwament mixtieq għall-ġid tagħna u għall-hena sħiħ tagħna, li aħna nagħrfu t-triq tal-ħajja, nitgħallmu mod ġdid kif ngħixu u nirrelataw ma’ xulxin, kejl differenti biex niżnu l-għażliet, stil imġedded u riġeneranti kif insawru l-komunjoni. Dwar dan, il-Papa Franġisku, huwa u jitkellem fuq l-imħabba ta’ Kristu, qal li “l-aħjar tweġiba għall-imħabba tal-Qalb tiegħu hija l-imħabba għall-aħwa” (Ittra enċiklika Dilexit nos, 24 ta’ Ottubru 2024, 167) u żied: “ma hemmx ġest ikbar li nistgħu noffrulu biex inpattulu mħabba bi mħabba” (ibid.). “Inpattu mħabba bi mħabba”: dan hu l-qsim tal-għaġeb, l-“admirabile commercium” (ara L-Ewwel Għasar tas-Solennità tal-Imqaddsa Marija Omm Alla, l-ewwel antifona) li l-Vanġelu jistedinna nħalluh idaħħalna fih, fejn il-kejl infinit tal-imħabba ta’ Alla jiġi tradott fil-ġenerożità li biha naqduh, ta’ kuljum, fl-aħwa li hu stess iqiegħed fi triqitna, speċjalment f’dawk l-aktar fil-bżonn, bla difiża, li ma jistgħux iroddulna lura (ara Lq 6:32-36). Proprju kif iseħħ fuq din il-gżira, fl-akkoljenza, fil-qsim flimkien, fl-għoti diżinteressat.
Imma l-gratwità tal-Qalb ta’ Kristu ma tiqafx hawn. Tmur lil hemm, tħabrek biex tgħin lil kull persuna mhux biss biex tkompli tgħix, imma anki biex terġa’ ssib il-fiduċja u taqbad il-mixja, biex tikber u twarrad b’mod sħiħ fl-uniċità tagħha, għall-ġid ta’ kulħadd. Dwar dan, il-Papa Benedittu XIV kiteb li l-imħabba “li tagħha Ġesù Kristu sar xhud bil-ħajja tiegħu fuq l-art […] hija l-qawwa ewlenija li tqanqal l-iżvilupp veru ta’ kull persuna u tal-umanità sħiħa” (Ittra enċiklika Caritas in veritate, 29 ta’ Ġunju 2009, 1).
Fit-Tieni Qari, San Ġwann fakkarna li “Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja, biex ngħixu bih” (1 Ġw 4:9). Kliemu jfakkarna f’dak ta’ Ġesù, li qal li ġie biex ikollna l-ħajja u l-ħajja bil-kotra (ara Ġw 10:10), u li ordna lill-magħtub imfejjaq: “Qum u aqbad friexek u imxi” (Mk 2:9). F’dawn l-espressjonijiet nagħrfu l-istedina biex inħaddnu bħal omm lil min qed ibati, imma fl-istess waqt biex inħejju u nimbuttaw li min safa midrub biex jerġa’ jqum u jibda miexi, għal ħajja ħielsa u xierqa.
Effittivament, il-karità tagħna ma għandhiex tkun sempliċi assistenzjaliżmu, imma għandha tintegra lill-persuni, għar-realizzazzjoni sħiħa tagħhom – spiritwali, intellettwali u fiżika – u l-inseriment denju u kostruttiv tagħhom fil-komunità (ara Ittra enċiklika Fratelli tutti, 3 ta’ Ottubru 2020, 129). Hekk biss il-laqgħat tagħna, anki quddiem ġrajjiet ibsin u ta’ niket, isiru okkażjoni biex nixħtu żerriegħa ta’ tama fil-mixja tal-umanità lejn futur aħjar.
Imma nixtieq li, fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla li smajna, nieqaf ukoll fuq karatteristika tal-aħħar tal-Qalb ta’ Kristu: l-umiltà (ara Mt 11:29). Il-Qalb ta’ Ġesù hija umli, u għalhekk it-taħbit tagħha ma jisimgħux “min għandu l-għerf u d-dehen”, jiġifieri dawk li għandhom il-preżunzjoni li huma biżżejjed għalihom infushom, li jafu kollox, u li ma għandhomx bżonn la ta’ Alla u lanqas tal-oħrajn. Fil-fatt, dawn, imtarrxa mill-istorbju ta’ eku ta’ “jien” eċċessiv, omnipreżenti u li ma għandux kwiet, jonqoshom is-silenzju meħtieġ biex jisimgħu fihom u f’ħuthom il-polz moħbi tal-imħabba.
“Mhux darba u tnejn il-ġid jagħmina, sal-punt li naħsbu li l-kuntentizza tagħna tista’ sseħħ biss jekk jirnexxilna ngħaddu mingħajr l-oħrajn” (Eżortazzjoni appostolika Dilexi te, 4 ta’ Ottubru 2025, 108). Imma, bil-maqlub, Ġesù jgħallimna li biex niggustaw il-ferħ veru tal-ħajja, li qiegħed fl-imħabba, hemm bżonn ninżlu mill-pedestalli tal-arroganza li tifred, biex niltaqgħu ma’ xulxin fl-umiltà li tagħmilna aħwa.
Santu Wistin qal: “Fejn hemm l-imħabba, hemm il-paċi, u fejn hemm l-umiltà, hemm l-imħabba” (In Epistolam Joannis ad Parthos, prologu). Huwa proprju hekk. Fejn hemm umiltà awtentika hemm l-imħabba, u fejn hemm l-imħabba hemm il-paċi, għax huwa biss fl-umiltà li nagħrfu tabilħaqq min aħna u allura nistgħu nħobbu lil xulxin, niltaqgħu ma’ xulxin, ningħataw għal xulxin u naħfru lil xulxin fil-verità.
Għeżież, illum qed inqimu lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, li spiss tiġi rraffigurata inkurunata bix-xewk u mkebbsa bi fjamma, skont il-viżjonijiet li kellha Santa Margerita Marija Alacoque. Niftakru li aħna l-preżenza ħajja tal-Mulej fid-dinja (ara Konċilju Ekumeniku Vatikn II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 16 ta’ Novembru 1964, 8). Ejjew mela nħarsu lejn xulxin, mhux biss illum, imma dejjem, b’rispett u fiduċja, u nġeddu, f’dan l-għarfien, l-impenn li nwettqu fina, fl-imħabba, dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu, għall-ġid tal-Knisja (ara Kol 1:24). Imkebbsa bl-imħabba tal-Qalb tiegħu, inxerrdu l-ħniena tiegħu u l-paċi tiegħu, biex fid-dinja jieqfu l-gwerer u tikber madwarna umanità ġdida, irrikonċiljata fl-imħabba.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard