Ftit sfond għall-Bibbja (1)
L-ewwel f’sensiela ta tliet artikli dwar il-proċess fil-fidi f’Alla minn ċiviltajiet antiki sa’ Alla kif nafuh fit-Testment il-Qadim. Kitba ta’ Joe Galea.
Tfittxija bikrija
Fil-għodwa tad-dinja, mill-bidunett tal-istorja magħrufa, il-familja tal-bnedmin inqasmet u tferrxet qalb għadd kbir ta’ popli u tribu, fejn kull grupp kien barrani għall-ieħor. Fuq art mhux maħduma, fil-boskijiet u fil-wesgħat tas-silġ, kien jinsema’ leħen il-bniedem. Ma kienx għajat ta’ rabja , twerżiq ta’ rebħ jew l-uġigħ tal-annimali. Kien ħoss li juri li kien bniedem; kien kliem.
Il-bniedem kejjel l-art u l-kelma għenitu biex jagħtiha isem. Il-kelma fuq fommu kienet il-mera ta’ ħsieb moħħu. Il-kelma u ħsiebu għenuh biex jgħix ma’ ta’ madwaru, ma’ nies oħra, ma annimali li ma jaħsbux u mal-fenomenu ta’ fuqu u tal-bogħod. Waqt li ħaddem il-għodda tiegħu, għaraf x’inhi ħajtu u wera li qed jirraġuna u li kellu l-ħila jaħseb fil-bogħod. Kien ifittex li jara x’hemm wara l-fenomena ta’ madwaru u ħaseb fuq li ħaseb dwar il-bidu tal-ħwejjeg maħluqa u dwar il-bidu tiegħu nnifsu.
Din it-tfittxija baqgħet sejra. Imxiet mal-bniedem, qalb biżgħat u tamiet, qalb ferħ u biki, qalb tajjeb u ħażin. Il-bniedem sab ruħu fi tfittxija bla tmiem, li fiha ntefa’ b’ruħu u b’ġismu. Il-maħluq beda jwieġ eb għall-ħidma tal-ħallieq. Ġewwel l-forzi u warajhom, il-bniedem ra spirti u allat. Ħass li hemm xi ħadd ogħla minnu, ried li jinfluwenza lil dawn, xi drabi b’riti ta’ seħer, kif ukoll b’talb u sagrifiċċji. Il-mewt kienet tqiegħdu qrib ta’ dawn l-ispirti. Kien jifhem li l-mewt hi parti mill-ħajja, anzi li mhuwiex affettwat minnha, għaliex xi ħaġa mill-personalità tiegħu tibqa’.
Ċiviltajiet primittivi
Lill-bniedem, din ix-xorta ta’ tfittix sawwritlu ħajtu. Il-ħajja ta’ kuljum kienet tiddeċiedi x’għandu jemmen. Fejn in-nies kienu jistrieħu fuq in-natura billi jaqbdu l-annimali u jikluhom, il-ħajja animali lagħbet pari importanti. L-allat ta’ dawn kienu jitqiesu f’forma ta’ annimali. Fejn il-bniedem ħadem il-ħamrija, huwa qies ix-xemx, il-qamar, il-kwiekeb, il-maltemp u l-bqija bħala figura ta’ Alla. Kienu jsiru riti ta’ fertilità u sagrifiċċji ta’ annimali.
Fejn in-nies kienu l-aktar ragħajja, kellhom l-idea ta’ alla tas-smewwiet. Kienu jemmnu li hemm allat ogħla mill-oħrajn. Ċiviltajiet kbar huma mmarkati b’qima lil diversi allat f’daqqa. Kienu jgħoddu l-allat ta’ artijiet mirbuħa ma’ dawk li kellhom huma.
It-tfittix baqa’ sejjer, imħallat mad-dnub u mad-despotiżmu, imma b’mod li għadd kbir ta’ nies mill-qedem kellhom l-esperjenza ta’ xi alla. Niltaqgħu ma opri ta’ arkitettura, skultura u għanjiet lill-allat. Ħames reliġjonijiet mgħrufa kien dawn: Tal-Eġittu, ta’ Babel, tal-Mesopotamja, tal-Feniċja u tal-Lhudija. L-aqwa elementi fir-reliġjon Eġizzjana nsibuhom fl-allat tal-post u kull wieħed minn dawn l-allat lokali kien mulej jew sid minn dejjem ta’ parti minn territorju Eġizzjan. Meta ‘ l quddiem l-art ingħaqdet taħt sultan wieħed, l-allat ta’ bliet qawwija kellhom l-aqwa setgħa. Dan l-iżbilanċ fis-setgħa beda xogħlijiet differenti li l-allat kellhom jagħmlu skont l-importanza tagħhom.
Dawn l-allat tal-Eġizzjani ġew rappreżentati taħt għamliet ta’ kull xorta. Setgħu kienu bnedmin, annimali jew bejn bnedmin u annimali, annimal sħiħ, ġisem ta’ bniedem u ras ta’ annimal, jew bniedem sħiħ. Mhux bilfors li l-allat lokali, sidien tal-post, kienu maskili. Ħidmiet fuq territorji żgħar, imma b’importanza xorta waħda, kienu jingħataw lil allat femminili. Kien hemm riġment ta’ allat nisa għal meta jitwieldu t-trabi. Minbarra dawn l-allat reġjonali, l-Eġizzjani kellhom l-allat li huma fuq kulħadd, l-allat tal-univers.
L-Eġizzjani ħassew il-bżonn li jispjegaw l-univers, u għal dan kellhom l-allat tal-kosmos. Dawn ħarġu minn preokkupazzjonijiet li jwasslu saż-żmien preistoriku. L-oċean hu alla li minnu ħarġet il-ħajja, is-sema hi alla mara, mistrieħa fuq id-dinja, ix-xemx u l-qamar huma żewġ bastimenti ta’ alla li jterraq fis-smewwiet bl-ekwipaġġ tiegħu. Il-kwiekeb huma l-ħbieb ta’ dawk li mietu. Id-dinja hi r-raġel tas-sema, u dawn it-tnejn huma mifrudin mill-arja. L-arja hi alla oħra li daħlet bejn is-sema u l-art.
Dawn l-allat li semmejna ħolqu l-bniedem mit-tajn tal-art. Hekk hu t-twemmin tal-Eġizzjani. Mela kienu jaraw relazzjoni bejn l-allat u l-bniedem. L-allat huma s-sidien tal-univers u jmexxuh skont liġijiet li jbiddlu kull sena f’laqgħa li jagħmlu bejniethom u jqiegħdu d-destin tad-dinja.
Twemmin dwar il-ħolqien
Ir-reliġjonijiet antiki jaqblu ħafna bejniethom dwar il-ħolqien tad-dinja. Skont dawn ir-reliġjonijiet antiki, il-ħolqien sar hekk: Apsu, alla tal-bidu, u Tiamat, omm l-oċean ingħaqdu biex ħolqu allat oħra, li minnhom, Ea, alla tal-baħar, tal-art u tal-għerf, qatel lil Apsu. Tiamat rebbiet merħla monstri u bagħtithom immexxija minn Kingu, biex jagħmlu vendetta. Iben Ea, Marduk, rebħilhom u qasam lil Tiamat fi tnejn, u b’nofs għamel il-firmament biex ma jħallix lill-ilmijiet ta’ taħt jgħarrqu lid-dinja, u bin-nofs l-ieħor għamel il-pedament tal-art u tal-baħar. Imbagħad ħoloq il-kwiekeb u l-bqija tal-univers. Biex jagħmel lill-bniedem, qatel lil Kingu u ħallat id-demm ta’ dan mat-tafal.
Dan ir-rakkont insibuh fir-reliġjon tal-Babiloniżi u jixbah ħafna lit-twemmin dwar il-ħolqien li kellhom is-Sumerjani, jiġifieri n-nies tal-Mesopotamja. Dawn jgħidu li mill-ilmijiet twieldu s-sema u l-art. Minn dawn ħarġet l-ara ta’ bejnhom. L-arja firdet is-sema u l-art u b’hekk inħoloq l-univers. In-nisel ta’ dan kienu x-xemx u l-qamar, u l-univers nissel ukoll allat żgħar biex joħolqu lid-dinja. Imbagħad inħoloq il-bniedem mit-tajn biex jaqdi lill-allat.
Il-qima lill-allat kienet issir fit-tempji li kienu jibnuhom x’aktarx għall-kumdità tal-allat milli tan-nies. Mhux kulħadd seta’ jidħol fit-tempji, u ċ-ċerimonji kienu afdati lil qaddejja ta’ ġewwa. Kienu jibdew filgħodu kmieni kuljum, u fil-festi kienu jsiru ċelebrazzjonijiet kbar. Kif toħroġ mit-tempju kont issib bini għoli, li jsejħulu żiggurat, fejn kienu jitilgħu biex jitkellmu iżjed mill-qrib mal-allat.
Minbarra r-reliġjonijiet tal-Lvant, li kienu jqimu lid-diversi allat, insibu nies primittivi fl-Afrika u fl-Amerki li kienu jqimu alla wieħed, dak tas-smewwiet. Dan kien li jifred it-twemmin ta’ dawn u tal-Lhud minn dak ta’ reliġjonijiet oħrajn tal-Lvant.
Dan it-tagħrif dwar ir-reliġjonijiet antiki juri li qatt ma kien hemm nies bla reliġjon. Il-bniedem kien jemmen f’xi alla sa’ mill-qedem, alla meqjus bħala il bogħod minnu u fi spirtu mhux li mhux maħdum mill-idejn.
Joe Galea


