02/06/2025: Radju Marija Malta qed jiċċelebra 30 sena ta’ xandir f’Malta. Radju Marija Malta beda jxandar uffiċjalment fil-31 ta’ Mejju 1995, minn żewġt ikmamar ċkejkna fil-Kunvent tal-Patrijiet Dumnikani r-Rabat u kien jittrażmetti fuq frekwenza komunitarja bl-isem ta’ Radio 106. Fil-5 ta’ Mejju 1998, Radio 106 ingħaqad mal-World Family of Radio Maria u hekk sar Radju Marija Malta. Huwa l-ħames pajjiż li beda jxandar bħala Radju Marija. Ftit wara twaqqfet l-Assoċjazzjoni Radju Marija Malta (ARM) u minn dakinhar Radju Marija Malta kompla jikber. Wara ħafna taħbit, fis-17 ta’ Ġunju 2004, Radju Marija beda jittrażmetti fuq il-frekwenza 102.3 FM b’liċenzja nazzjonali.

Maż-żmien inħass il-bżonn ta’ sede akbar u li tixraq aħjar għax-xandir tal-Kelma t’Alla. Wara xhur ta’ tiftix u b’ġenerożità kbira tas-semmiegħa nxtrat dar fi Triq San Vinċenz Ferreri fir-Rabat li kellha tilqa’ fiha l-istudjos il-ġodda ta’ Radju Marija. Mons Arċisqof Charles J. Scicluna bierek u inawgura d-dar il-ġdida ta’ Radju Marija fil-31 ta’ Mejju 2019.
Radju Marija Malta jifforma parti mill-World Family of Radio Maria (WFRM) li hija mifruxa f’aktar minn 80 pajjiż madwar il-kontinenti kollha. L-għan ta’ Radju Marija madwar id-dinja huwa li nippromwovu l-messaġġ ta’ ferħ u tama tal-Evanġelju permezz tal-Kelma ta’ Alla u biex ngħinu nifhmu aktar it-twemmin u t-tagħlim Kristjan.
Il-Missjoni ta’ Radju Marija Malta hija li jkun leħen nisrani f’kull dar f’Malta u Għawdex u lil hinn. Mhuwiex Radju tal-Knisja imma għall-Knisja. Radju Marija ma jxandarx riklami kummerċjali u l-ħidma kollha tar-Radju u t-tixrid tiegħu hija afdata lill-Providenza Divina. Din il-ħidma sseħħ b’numru żgħir ta’ impjegati u mijiet ta’ voluntiera.
Għal din l-okkażjoni Radju Marija Malta b’kollaborazzjoni ma’ Maltapost qed iniedi sett bolol kommemorattivi għal din l-okkażjoni tant speċjali. Il-bolol se jkunu f’librett b’tagħrif dwar ir-Radju u t-talba ta’ Radju Marija.
Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti