M’AĦNIEX INTERESSATI F’GĦAJNUNA LI TGĦIN LIL DAK LI JKUN JOQTOL LILU NNIFSU
Kitba ta’ Michael Caruana
- L-editorjal tar-rivista Il-Ħabar ta’ Sant’Antnin
L-editorjal tal-aħħar ħarġa tar-rivista Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin jirreferi għall-konsultazzjoni pubblika li nieda l-Gvern dwar x’nistgħu nagħmlu biex inkunu ta’ appoġġ għal ħutna li jkunu waslu lejn tmiem il-ħajja tagħhom.
Isemmi li d-dokument ta’ konsultazzjoni jgħid li hemm diversi għażliet quddiemna, waħda minnhom hi li dak li jkun ngħinuh joqtol lilu nnifsu b’idejh: dak li jgħidulu l-ewtanasja assistita. Iżda l-editorjal isemmi li hemm ukoll l-għażla ta’ kura palljattiva. Li nkunu nistgħu nappoġġjaw lil dak li jkun lejn it-tmiem ta’ ħajtu bil-kura kollha neċessarja. Li ma nitilquhx waħdu. Li ma naqbdux it-triq tal-mewt qabel iż-żmien. Li wieħed joqtol lilu nnifsu jew li aħna ngħinuh joqtol lilu nnifsu jew noqtluh aħna.
“Il-kura paljattiva,” ikompli l-editorjal, “hi forma ta’ kompassjoni għax twieġeb għat-tbatija fiżika, emozzjonali, psikoloġika u spiritwali.” Għaldaqstant, ir-rivista Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin tingħaqad mal-appell tal-Isqfijiet biex nieħdu sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni mniedi mill-Gvern dwar l-ewtanasja volonatarja assistita u ngħidu li “m’aħniex interessati f’għajnuna li tgħin lil dak li jkun joqtol lilu nnifsu.”
Parti oħra tal-editorjal tittratta l-elezzjoni tal-Papa Ljun XIV u ssemmi li dan hu persuna li ġġib magħha esperjenza pastorali u missjunarja. Jirreferi għall-ewwel diskors tiegħu meta b’leħen kalm, iżda deċiż, is-suċċessur ta’ Pietru stieden lil kull wieħed u waħda minna biex “inkunu Knisja solidali, nimxu flimkien, dejjem infittxu l-paċi u l-karità u li nkunu qrib ta’ dawk li qed isofru.” L-għażla tal-isem, li tfakkar f’San Iljun l-Kbir, tfisser ħafna. “Tindika papat msejjes fuq il-verità, kuraġġuż fid-djalogu u sod fid-difiża tad-dinjità umana”, isostni l-editorjal li jkompli li fi żmien immarkat mill-gwerer, is-sekularizzazzjoni u x-xewqa profonda għal tifsira spiritwali, il-Knisja tħares lejn ir-ragħaj il-ġdid tagħha b’tama u talb.
Ir-rivista Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin tingħaqad mal-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex u magħhom tħeġġeġ lill-qarrejja tagħha u lill-persuni kollha ta’ rieda tajba biex jitolbu għall-Papa l-ġdid u twiegħdu l-lealtà tagħha.
Ir-rivista Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnintagħti l-aħħar aħbarijiet mill-Provinċja tal-Franġiskani Konventwali u tagħrif dwar il-parroċċa ta’ Burmarrad u dwar Sant’Antnin ta’ Padova. Artikli oħra ta’ interess huma l-ħsibijiet ta’ Patri Ray Gatt OP dwar is-Sena tat-Tama, l-intervista ma’ Stanley Spiteri dwar l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona OP u l-opinjonijiet ta’ Professur Paul Pace, Klaus Vella Bardon u Raymond Abdilla.
Din il-ħarġa tar-rivista Il-Ħabbar ta’ Sant’Antnin, pubblikazzjoni ta’ kull tliet xhur tal-Patrijiet Franġiskani Konvdentwali, għandha numru ta’ paġni b’artikli speċjali dwar il-Papa l-ġdid u dwar il-mewt tal-Papa Franġisku.

Dan is-suggett tal-Awtanasja huwa dwar qtil. Dan huwa fuq l-istess kuncett bhal abort, xejn differenti….. Wiehed huwa qtil lit-trabi u l-iehor huwa qtil lill-adulti.
Il-hajja ALLA biss jista inehhiha jew johloqha. IL-kmandament jghidilna biss…..LA TOQTOLX.