Ftit sfond għall-Bibbja (2)
L-ewwel parti tat-tieni artiklu f’sensiela ta tliet artikli dwar il-proċess fil-fidi f’Alla minn ċiviltajiet antiki sa’ Alla kif nafuh fit-Testment il-Qadim. Kitba ta’ Joe Galea.
L-allat tal-popli
Il-bnedmin ta’ erbat elef sena ilu kienu jistaqsu dwar il-ħajja ta’ madwarhom. Kull filgħodu kienu jaraw ix-xemx tiela’ fuq ix-xefaq, jarawha taqsam min-naħa għall-oħra tas-sema; filgħaxija tgħib u terġa’ tidher l-għada filgħodu. Kienu jaraw il-qamar jitwieled, jitwal u jikber, biex ftit wara jiċkien u jmut, imbagħad ifiġġ mill-ġdid. Għan-nies nomadi, li kienu jterrqu minn imkien għall-ieħor, li darhom kien il-beraħ ta’ barra, it-tibdil fis-sema kien il-kalendarju tagħhom. Is-sema kien imexxihom fejn isibu mergħat ġodda u t-tibdil ta’ madwarhom kien linġwaġġ li riedu jwieġbu għalih.
Il-maltemp, ir-ragħad u l-beraq kienu għalihom sinjali ta’ korla. Fir-riħ li jvenven, fiż-żiffa li tinstema’ ġol-friegħi tas-siġar, fiċ-ċafċif ta’ nixxiegħa tal-ilma, kienu jaraw li hemm xi ħadd;
xi ħadd preżenti f’qamħa li nibtet mill-art u kibret fi żbula, f’żerriegħa li saret frotta jew fjura, f’annimal ċkejken li twieled, f’tarbija li mara welldet. Ħolqien ċkejken, imma sħiħ, li mbagħad jikber, mimli ħajja u b’saħħtu, Jikber, jixjieħ u jmut.
X’inhu li hemm moħbi wara dawn il-forzi, jekk mhux l-allat? Kienu qawwiet tajbin jew ħziena. Uħud minnhom nisslu l-ħajja, il-ġid u l-ferħ. Oħrajn ġiebu l-mard, il-qerda u l-mewt. Lill-forzi, in-nies għamluhom allat, u kull poplu fittex li jagħtihom wiċċ, jagħtihom isem, u bil-mod il-mod, aktar ma għadda ż-żmien, lill-allat għamluhom tagħhom u sawru rakkonti dwarhom.
Allat imfasslin mill-popli
In-nies ma setgħux ma jagħmlux stejjer li ma jibdewx mill-esperjenzi ta’ ħajjithom, u għalhekk stħajlu li l-allat kapaċi jinħabbu, jiżżewġu, jiftiehmu u jgħaqqdu l-armati tagħhom. Kapaċi jagħmlu l-gwerer. F’kelma waħda, lill-allat kienu jsellfulhom is-sentimenti u d-difetti tal-bnedmin. Il-bnedmin taw lill-allat setgħat kbar għax l-allat kienu ta’ min jibża’ minnhom. Għalihom l-allat kienu kapriċċuzi u ma tafx f’hiex inti magħhom. Waqtiet l-allat taw sinjali tal-ħniena tagħhom, billi jibagħtu x-xita, iħallu li jkun hemm ħsad kotran, jgħinu biex jitwieldu l-ulied u jġibu r-rebħ fuq l-għedewwa lill-poplu li jqimhom.
Drabi oħra, l-allat kienu juru l-qilla u l-korla, kienu juru safejn twassal il-vendetta tagħhom billi jinfexxu f’maltempati, f’terrimoti, jew fil-lava li toħroġ mill-vulkani. Fil-korla tagħhom l-allat iġibu dilluvji jew nixfa fuq l-art għal żmien hekk twil li jagħfas il-ġugħ. Kienu jaħsbu li l-gwerer bejn tribù u popli jiddikjarawhom l-allat.
Għalhekk kienu jħossu l-ħtieġa li jikkalmawhom, jitolbuhom ħniena, jogħġbuhom biex jiksbu minn għandhom il-ħniena u l-maħfra, jew il-barka li jkollhom bżonn. Bnewlhom santwarji, naqqxu statwi ħalli jqimuhom, kienu joffrulhom rigali, fil-waqt li jiċċaħħdu mill-oġġetti l-aktar għeżież għal qalbhom. Akbar ma tkun il-grazzja li qed jitolbu, aktar iċ-ċaħda trid tkun ta’ tbatija. B’hekk daħlu s-sagrifiċċji. Kienu joffru l-ewwel frott tal-ħsad, l-ismen annimali, l-aħjar fost il-merħla, l-ewwel tarbija tal-mara.
Kull poplu, kull tribù u familja kellhom l-allat tagħhom partikulari. Imma kien hemm alla fuq l-allat l-oħra, u t-taħbila kienet min kien dan alla. Kien ix-Xemx, imsejjah Ra, alla ta’ l-Eġizzjani? Kien il-Qamar, imsejjaħ Sin, alla ta l-Assirjani? Jew Marduk tal-Babilonja? Fin-naħat ta’ Kangħan, dan alla fuq l-allat l-oħra kien imsejjah El. Abram trabba f’dan l-ambjent, u, qabel ma l-Mulej Alla daħal f’ħajtu, kien jemmen bħalma kienu jemmnu n-nies ta’ żmienu. Interessanti l-mod kif il-Ġenesi, l-ewwel ktieb tal-Bibbja, jirrakkonta x’ġara fil-ħajja ta’ dan il-bniedem. Ġenesi tfisser oriġini, u jitkellem dwar il-bidu ta’ l-umanità kif kienu jafuha l-Lhud. Il-Ġenesi jġib stejjer mill-ħajja tal-Patrijarki, jiġifieri l-antenati li taw il-bidu għall-poplu t’Alla.
Il-persunaġġ Abram
Il-ġrajja ta’ Abram tibda fi ħdan klan ta’ nomadi, jew aħjar ta’ aktar minn klan wieħed ta’ nies li jiġġerrew fil-beraħ, mingħajr ma jagħmlu sehem minn biċċa art li jistgħu jgħidu li hi tagħhom. ‘Il quddiem, dawn it-tribù ingħaqdu flimkien biex iffurmaw il-poplu Lhudi. Dan it-tribù ta’ nomadi ġejjin mir-razza ta’ l-Aramej fittxew wesgħat għall-imrieħel kbar tagħhom, ta’ nagħaġ, mogħoz u baqar, fil-Lvant Nofsani, fejn illum hemm l-Iran u s-Sirja. Kienu jgħaddu mit-trufijiet tal-bliet kbar u magħrufa f’dak iż-żmien, li kien hemm fuq iż-żewġ naħat tax-xmara Ewfrate: bliet bħal Ur, Babilonja, Mari, Ninive, Assur,.. li aktar stajt ssejħilhom pajjiżi milli bliet. Iż-żewġ xmajjar Tigris u Ewfrates, li taw il-ħajja lil dawn in-naħat, jarmu ilmijiethom fil-Golf Persjan, illum tal-Iran.
Meta nsibu dawn il-postijet fuq il-mappa, inħossu lil Abram qrib tagħna, imma mhux fiz-zmien. Il-Bibbja taqbad it-tribù, jew klan, tal-familja ta’ Teraħ, missier Abram. Teraħ iħalli n-naħa ta’ Ur, u jimxi ma’ Abram max-xmara Ewfrate lejn minn fejn din tibda. F’dak iż-żmien,
Ur kient il-kapitali l-kbira tas-Sumerjani, li kienu poplu li kellu waħda mill-eqdem ċiviltajiet li nafu bihom. Aktar minn 3,000 sena qabel Kristu, is-Sumerjani kienu jafu s-sengħa tal-kitba.
Il-mod tagħhom kif jiktbu kien tassew oriġinali u intelliġenti. B’qażba bil-ponta u aktar wiesgħa n-naħa ta’ fuq, kienu jħażżu b’sinjali li llum jimpressjonaw lill-arkeoloġi.
Is-Sumerjani kienu jużaw is-sistema tal-irrigazzjoni fl-agrikultura. Is-suldati tagħhom kienu diġà tgħallmu jitqabdu f’linji mfasslin bi pjan u mqiegħda f’ordni. Huma naqqxu fil-ġebla l-liġijiet tagħhom. Kienu wkoll skulturi ta’ ħila u tajbin fil-ġojjellerija. It-tħaffir arkeoloġiku ħareġ għad-dawl il-belt qadima ta’ Ur, bil-palazzi, it-tempji, is-swar u l-oqbra rjali, mimlijin b’oġġetti artistiċi u li jwasslu sa’ 2,000 sena qabel Kristu. It-tħaffir jurina fejn is-Sumerjani kienu jiftiehmu mal-allat.
Il-mixja ta’ Abram
U missier Abram, Teraħ, telaq mir-reġjun ta’ Ur, għadda mill-wied tal-Ewfrate u mar joqgħod Ħaran, jew kif insibuħa llum, Karran, għax ir-Rumani kienu bidlulha isimha. Ħaran diġa’ kienet ċentru kummerċjali kbir, u kienet importanti għax riedu bil-fors jgħaddu minnha l-karwani li ħtiġilhom jaqsmu mill-Baħar iż-żgħir, kif kienu jsejħu l-Golf Persjan, għall-Baħar ta’ Fuq, jew aħjar, il-Baħar Mediterran. Ħaran kienet belt li tiddependi minn Ur, u fiha kienu joqogħdu nies mill-istess razza tas-Sumerjani. Kienu jqimu l-istess alla, il-Qamar, raffigurat minn barri. Wara li għexu f’Ħaran għal xi żmien, il-klan ta’ Abram telqu lejn in-naħat tal-Ġurdan li llum insejħulu l-Palestina. Abram qagħad f’Kangħan.
(It-tieni parti tkompli fuq ir-rivelazzjoni ta’ Alla lil Abram, rivelazzjoni li bidlet il-kors tal-istorja tal-bniedem.)


