Il-Mirakli Ewkaristiċi (79)
minn Manwel Cutajar
Ċertament waħda mill-ġrajjiet l-aktar importanti fil-ħajja ta’ Sidna Ġesù Kristu, kienet dik tat-Twaqqif tal-Ewkaristija Divina.
Dan jixhdu l-fatt li Ġesù kemm-il darba matul il-Ministerju Tiegħu rrefera għaliha, u b’mod l-aktar ċar u deċissiv, meta qal li hu se jagħti Lilu nnifsu bħal Ikel u Xorb għad-dixxipli Tiegħu u għall-umanità kollha tad-dinja.
L-Oriġni ta’ dil-Festa Ewkaristika
Fil-bidu tas-seklu 13 soru Norbertina fil-belt ta’ Liege il-Belġju, Ġiljana (1192/3-1256) kellha devozzjoni kbira lejn l-Ewkaristija Divina minn żgħożitha.
Filfatt, fis-sena 1208 hija kellha viżjoni tal-qamar kwinta li fuqu kellu tebgħa skura. Matul id-dehra, hija semgħet leħen misterjuż u ċelesti jispjega li l-qamar jirrappreżenta l-Knisja Kattolika, u t-tebgħa skura kienet tissimbolizza l-fatt li Festa f’ġieħ l-Ewkaristija kienet nieqsa mill-Kalendarju Liturġiku. Ġiljana stqarret dil-viżjoni mal-Isqof ta’ Liege Robert de Thorete, li dan wara li rrifleta sew dwar did-dehra ta’ Ġiljana u ddiskutieha ma’ teoloġoċi u kanonisti, fosthom l-arċidjaknu ta’ Liege li wara sar Isqof ta’ Vertun, Jacques Pantaléon (li aktar tard ukoll sar il-Patrijarka ta’ Ġerusalemm u wara wkoll ġie elett bħala l-Papa Urbanu IV) fis-sena 1246 sejjaħ Sinodu djoċesan li awtorizza ċ-Ċelebrazzjoni ta’ Festa Solenni ddedikata lill-Preżenza ta’ Sidna Ġesu fl-Ewkaristija – Corpus Christi.
Dil-Festa bdiet tiġi ċċelebrata f’dik is-sena għall-ewwel ġewwa dik id-djoċesi biss, iżda bil-mod il-mod bdiet tiġi ċċelebrata madwar l-Ewropa kollha.
Eventwalment, fil-11 ta’ Awwissu 1264, il-Papa Urbanu IV ħareġ Bulla Papali (Transiturus de hoc Mundo) li fiha ddikjara l-festa ta’ Corpus Christi bħala Jum ta’ Festa Solenni li kellu jiġi ċċelebrat fil-Knejjes Insara Kattoliċi kollha ta’ Rit Ruman.
Propju llum li l-Knisja Kattolika qed tiċċelebraw dil-Festa Ewkaristika tant għażiża għalina l-Insara, nixtieq f’din l-okkażjoni nippreżenta bil-Malti it-test sħiħ ta’ dil-Bulla Papali tal-Papa Urbanu IV:
URBANU IV
BULLA
Transiturus de hoc Mundo
LI BIHA TIĠI ISTITWITA L-FESTA TA’ CORPUS CHRISTI
L-Isqof Urbanu, qaddej tal-qaddejja ta’ Alla, lill-Venerabbli ħuti Patrijarki, Arċisqfijiet, Isqfijiet u Prelati oħra, saħħa u barka Appostolika.
“Kristu, is-Salvatur tagħna, meta kien se jitlaq minn did-dinja biex jitla’ għand il-Missier, ftit qabel il-Passjoni tiegħu,fl-Aħħ ar Ċena,waqqaf, b’tifkira ta’ mewtu, is-Sagrament suprem u magnifiku ta’ Ġismu u Demmu, billi tana Ġismu bħala ikel u Demmu bħala xorb.
Kull darba li nieklu dal-ħobż u nixorbu minn dan il-kalċi, inxandru l-Mewt tal-Mulej. Għax Huwa qal lill-Appostli waqt it-twaqqif ta’ das-Sagrament: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”, sabiex das-Sagrament l-aktar eżaltat u Venerabbli jkun għalina t-Tifkira Ewlenija u l-aktar distinta tal-Imħabba kbira li biha ħabbna. Tifkira mill-isbaħ u stupenda,ħelwa u delikata,għażiża u prezzjuża, li fiha jiġġeddu l-prodiġji u l-għeġubijiet; fiha jinstabu l-pjaċiri kollha u l-aktar togħmiet delikati kollha, fiha nduqu l-istess ħlewwa nnifisha tal-Mulej u,fuq kollox, tinkiseb is-saħħa għall-ħajja u għas-Salvazzjoni tagħna.
Hija tifkira ħelwa, sagra u salutari ħafna li fiha nġeddu l-gratitudni tagħna għall-Fidwa tagħna, nitbiegħdu mill-ħażen, insaħħu lilna nfusna fit-tjubija u nimxu ‘l quddiem fl-akkwist tal-virtujiet u l-grazzja. Niġu mfarrġin bil-Preżenza fiżika tas-Salvatur tagħna nnifsu, għax f’din it-tifkira Sagramentali ta’ Kristu Huwa preżenti fostna, b’forma differenti, iżda fis-Sustanza vera Tiegħu.
Għax qabel ma tela’ s-sema qal lill-Appostli u lis-Suċċessuri tagħhom: “Araw,jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien”, u farraġhom bil-wegħda ħanina li jibqa’ magħhom ukoll fil-Preżenza Fiżika tiegħu.
Tifkira tassew glorjuża li ma tintesiex, li biha niftakru li l-mewt ġiet megħluba, li r-rovina tagħna ġiet meqruda bil-Mewt ta’ Dak li hu l-ħajja nnifisha, li Siġra mimlija ħajja ġiet imlaqqma ma’ siġra tal-mewt biex tipproduċi frott ta’ Salvazzjoni.
Hi tifkira glorjuża li timla l-erwieħ tal-fidili bil-ferħ, tnissel il-ferħ u ġġib dmugħ ta’ devozzjoni. Nimtlew bil-ferħ meta naħsbu fil-Passjoni tal-Mulej, li permezz tagħha ġejna salvati, imma ma nistgħux inżommu d-dmugħ tagħna. F’dit-Tifkira Sagra, inħossu tnehidiet ta’ ferħ u emozzjoni jinbtu fina, ferħanin fid-dmugħ mimlijin bl-imħabba, imqanqlin minn ferħ devot. In-niket tagħna jittaffa bil-ferħ; il-ferħ tagħna jitħallat mad-dmugħ u qlubna jfawru bil-ferħ, u jinħallu fid-dmugħ.
Kobor infinit ta’ mħabba Divina, pietà immensa u Divina, effużjoni abbundanti fis-sema! Alla tana kollox fil-mument meta poġġa f’riġlejna u fdalna d-dominju suprem tal-ħlejjaq kollha tad-dinja. Huwa jgħolli u jissublima d-dinjità tal-bnedmin permezz tal-ministeru tal-ispirti l-aktar magħżula. Għax kollha kemm huma kienu destinati li jeżerċitaw il-ministeru fis-servizz ta’ dawk li rċevew il-wirt tas-SaIvazzjoni.
U billi l-kobor tal-Mulej lejna kien daqshekk vast, billi ried jurina aktar l-Imħabba Infinita Tiegħu, f’effużjoni offra Lilu Nnifsu u qabeż l-akbar ġenerożità u kull kejl ta’ karità, ta Lilu Nnifsu bħala ikel Sopranaturali.
Ġenerożità singulari u ammirevoli, fejn min jagħti jiġi f’darna, u r-rigal u min jagħti huma l-istess ħaġa! Tassew, il-ġenerożità ta’ min jagħti Lilu Nnifsu hija bla tmiem, u d-dispożizzjoni affettiva Tiegħu tiżdied b’tali mod li, imqassma f’għadd kbir ta’ rigali, fl-aħħar mill-aħħar tirritorna u terġa’ lura għand min jagħti, akbar iktar ma tkun infirxet.
Is-Salvatur ta Lilu Nnifsu bħala ikel; ried li,hekk il-bniedem ndifen fil-ħerba bl-ikel ipprojbit, hekk ukoll jerġa’ lura għall-ħajja bl-Ikel Imbierek. Il-bniedem waqa’ bil-frott ta’ siġra tal-mewt, irxoxta bil-ħobż tal-ħajja. Minn dik is-siġra kien imdendel ikel mortali,f’din wieħed isib Ikel li jagħti l-Ħajja; dak il-frott ġab il-ħażen, dan il-Fejqan;aptit ħażin ġab il-ħażen, u ġuħ differenti jnissel benefiċċju; il-mediċina waslet fejn il-mard kien invada; minn fejn telqet il-mewt, ġiet il-Ħajja.
Dwar dak l-ewwel ikel intqal:“Fil-jum li tiekol minnu tmut”; dwar it-tieni nkiteb:“Min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem”.
”Huwa ikel li tassew jirrestawra u nutrittiv, li jissodisfa b’mod suprem mhux il-ġisem,iżda l-qalb;mhux il-laħam, iżda l-ispirtu; mhux il-vixxri, iżda r-ruħ. Il-bniedem kellu bżonn ikel Spiritwali, u s-Salvatur ħanin, b’attenzjoni ħanina, ipprovda lir-ruħ bl-aqwa u l-aktar ikel nobbli.
Il-liberalità ġeneruża telgħet sal-quċċata tal-ħtieġa u l-karità ġiet imqabbla mal-konvenjenza, hekk li l-Kelma ta’ Alla,li hija ikel u nutriment għall-ħlejjaq razzjonali, magħmula laħam, tat lilha nnifisha bħala ikel lill-istess ħlejjaq, jiġifieri lill-laħam u l-ġisem tal-bniedem. Il-bniedem, mela, jiekol il-ħobż tal-Anġli li dwaru s-Salvatur qal:“Laħmi huwa ikel veru,u Demmi huwa xorb veru”. Dan l-ikel jittieħed,imma mhux jiġi kkunsmat, jittiekel, imma ma jiġix modifikata, għax ma jittrasformax lil min jieklu, imma jekk jiġi riċevut, b’mod denju, jagħmel lil min jikkunsmah jixbaħ Lilu.
Sagrament eżaltat u Venerabbli, maħbub u adorat, Int denju li tiġi ċċelebrat, eżaltat bl-aktar tifħir kommoventi,għall-ħanjiet ispirati, għall-aktar fibri intimi tar-ruħ, bir-rigali devoti, Int denju li tiġi milqugħ mill-aktar erwieħ puri!
Tifkira glorjuża, għandha tinżamm fost l-aktar taħbitiet profondi tal-qalb, stampata b’mod li ma titħassarx fir-ruħ,magħluqa fl-intimitajiet tal-ispirtu, onorata bl-aktar pietà assidwa u devota!
Ejjew dejjem induru għal Sagrament daqshekk kbir biex niftakru f’kull ħin lil Dak li tiegħu suppost kellha tkun it-tifkira perfetta, u hekk nafuha. Niftakru aktar f’dik il-Persuna li d-dar u r-rigali tagħha nikkontemplaw kontinwament.
Għalkemm das-Sagrament Qaddis jiġi ċċelebrat kuljum fir-rit Solenni tal-Quddiesa, xorta nemmnu li huwa utli u denju li niċċelebra, għall-inqas darba fis-sena, speċjalment biex inħawdu u niċħdu l-ostilità tal-eretiċi.
Għax nhar Ħamis ix-Xirka, il-Jum li fih Kristu waqqafha, il-Knisja universali, impenjata fil-qrar tal-fidili, fil-barka tal-griżma, fit-twettiq tal-mandat tal-ħasil tar-riġlejn u f’ħafna ċerimonji Sagri oħra, ma tistax tagħti kas għalkollox taċ-Ċelebrazzjoni ta’ das-Sagrament kbir.
Hekk kif il-Knisja tagħti kas tal-Qaddisin, li huma meqjuma matul is-sena kollha, u għalkemm it-tifkira tagħhom tiġġedded ta’ spiss fil-litaniji, fil-quddies u f’funzjonijiet oħra, madankollu tiftakar it-twelid tagħhom f’ċerti żminijiet, b’aktar solennità u b’funzjonijiet speċjali. U peress li f’dal-festi forsi l-fidili jħallu barra xi wħud mid-dmirijiet tagħhom minħabba negliġenza jew okkupazzjonijiet tad-dinja, jew ukoll minħabba dgħufija umana, Omm il-Knisja Mqaddsa tistabbilixxi ċertu jum speċifiku għat-tifkira tal-Qaddisin kollha u tpatti f’dil-festa komuni għal dak li ġie traskurat b’mod individwali..
Huwa meħtieġ li dan id-dmir jitwettaq bis-Sagrament tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, li huwa Glorja u Kuruna tal-Qaddisin kollha, sabiex jiddi f’festitvità u Solennità speċjali u sabiex dak li forsi seta’ ġie traskurat f’ċelebrazzjonijiet oħra tal-Quddiesa,f’dak li għandu x’jaqsam mas-solennità,ikun imżejjen b’diliġenza devota; u sabiex il-fidili, hekk kif toqrob dil-Festa,jidħlu fihom infushom,jaħsbu dwar il-passat b’attenzjoni, umiltà ta’ spirtu u safa ta’ kuxjenza, jikkumpensaw għal dak li setgħu wettqu ħażin fl-attendenza għall-quddiesa, forsi preokkupati b’affarijiet tad-dinja jew aktar ordinarjament minħabba negliġenza u dgħufija umana.
Darba wkoll, meta wettaqna uffiċċju aktar modest, smajna jingħad li Alla kien irrivela lil xi Kattoliċi li kien meħtieġ li tiġi ċċelebrata dil-Festa fil-Knisja kollha. Għalhekk, ħsibna li kien opportun li nistabbilixxuha sabiex, b’mod dinjituż u raġonevoli, il-Fidi Kattolika tkun tista’ tiġi vvitalizzata u eżaltata.
Li kull sena, mela tiġi ċċelebrata Festa Speċjali u Solenni ta’ Sagrament daqshekk kbir, flimkien mat-tifkira ta’ kuljum li tagħmel il-Knisja. Nistabbilixxu jum fiss għaliha, l-ewwel Ħamis wara l-Ottava ta’ Pentekoste. Nistabbilixxu wkoll li fl-istess jum folol devoti ta’ fidili jinġabru għal dan il-għan fil-knejjes, b’ġenerożità ta’ affezzjoni u l-kleru u l-poplu kollu,ferħanin, ikantaw għanjiet ta’ tifħir, li x-xufftejn u l-qlub jimtlew b’hena qaddisa;li lkoll jingħaqdu bi spirtu diliġenti u rieda pronta,jieħdu ħsieb it-tħejjija u ċ-Ċelebrazzjoni ta’ dil-Festa. U jalla l-fervur tas-sema jqanqal l-erwieħ tal-fidili kollha fis-servizz ta’ Kristu.
Nirrakkomandaw u nħeġġukom fil-Mulej u b’dil-Bulla Appostolika nordnawlkom,bis-saħħa tal-Ubbidjenza Mqaddsa, b’preċett rigoruż, billi nimponuh bħala maħfra ta’ dnubietkom,li tiċċelebraw b’devozzjoni u solennità dil-Festa tant sublimi u glorjuża u tistinkaw bl-attenzjoni kollha biex tiġi ċċelebrata fil-knejjes kollha tal-bliet u d-djoċesijiet tagħkom fil-Ħamis imsemmi ta’ kull sena, bil-lezzjonijiet,ir-responsorji, il-versi, l-antifoni, is-salmi, l-innijiet u t-talb ġodda proprji għaliha, li ninkludu fil-Bulla tagħna flimkien mal-partijiet proprji tal-quddiesa. Nordnawlkom ukoll biex tħeġġu lill-fidili tagħkom b’rakkomandazzjonijiet tajbin direttament jew permezz ta’ oħrajn, fil-Ħadd ta’ qabel il-Ħamis imsemmi, sabiex b’qrar veru u pur u b’elemożina ġeneruża, b’talb attent u assidwu, u xogħlijiet oħra ta’ devozzjoni u pietà, ikunu jistgħu jħejju ruħhom b’tali mod li jkunu jistgħu jieħu sehem, b’għajnuna ta’ Alla, f’dan is-Sagrament prezzjuż u jkunu jistgħu jirċevuh b’rispett f’dak il-Ħamis, u b’hekk, bl-għajnuna Tiegħu, jiksbu żieda fil-Grazzja..
U, billi nixtiequ nħeġġu lill-fidili b’doni spiritwali biex jiċċelebraw Festa daqshekk kbira b’dinjità, nagħtu lil dawk kollha li jindmu tassew u jistqarru li jieħdu sehem fil-Matutin ta’ dil-festa, fil-knisja fejn tiġi ċċelebrata, mitt Jum Indulġenza; daqstant jiem għall-Quddiesa, u, bl-istess mod, lil dawk li jieħdu sehem fl-ewwel u t-tieni Għasar ta’ dil-istess Festa u lil dawk kollha li jieħu sehem fl-Uffiċċju tal-Prima, it-Terza, is-Sesta, in-Nona u l-Kompjuta,erbgħin jum għal kull siegħa. Fl-aħħar nett, lil dawk kollha li matul l-Ottava jattendu l-Matutin u l-Għasar,il-Quddiesa u r-reċitazzjoni tal-Uffiċċju,nagħtu mitt jum Indulġenza għal kull jum,billi nafdaw fil-Ħniena ta’ Alla li jista’ Kollox u fl-awtorità tal-Appostli Mqaddsa Tiegħu Pietru u Pawlu.”
Mogħti f’Orvieto fil-11 ta’ Awwissu 1264, fit-Tielet sena tal-Pontifikat tagħna.
Papa Urbanu IV
Kompli ara bosta aktar kitbiet fis-sensiela Mirakli Ewkaristiċi minn Manwel Cutrajar f’din il-paġna tal-Laikos … https://www.laikos.org/mewk.htm