Ħafna mill-Maltin b’mard inkurabbli mhux intitolati għall-kura paljattiva

Il-formularju ma jsemmix ħafna minn mard inkurabbli, inkluż kollass kardijoku u tal-pulmun

25/06/2025: Tabib mediku li jaħdem fil-kura paljattiva saħaq dwar l-importanza li l-kura paljattiva tkun mifruxa iktar sabiex isservi lill-pazjenti kollha b’mard inkurabbli. Dan hekk kif ċertu mediċini importanti fil-kura paljattiva mhumiex disponibbli għal kull pazjent fi bżonn iżda għal firxa żgħira.

Il-Lista tal-Formularju tal-Pazjenti Esterni l-iktar riċenti, ippublikata f’Mejju, turi kif il-morfina, mogħtija kemm permezz ta’ injezzjoni jew pillola, tista’ tingħata biss mit-tobba lil pazjenti b’Motor Neuron Disease, bħall-ALS, Spinal Cord Pathologies, inkluż l-ispina bifida, Trigeminal Neuralgia, li jkun uġigħ kbir simili bħal meta wieħed jieħu xokk elettriku, u Malignant Diseases, magħruf aħjar bħala tipi differenti ta’ kanċer.

Dan il-formularju ma jsemmix ħafna minn mard inkurabbli ieħor, inkluż end stage heart failure, end stage respiratory failure u end stage kidney failure fejn, skont il-lista, dawn il-pazjenti ma jistgħux jingħataw il-morfina biex itaffu l-uġigħ u sintomi oħra.

Għal dan in-nuqqas fis-sistema medika m’hemmx raġuni valida minkejja li dan il-formularju hu aġġornat darba fix-xahar. Dwar dan saru appelli sabiex isir it-tibdil neċessarju ħalli din il-lista tiġi aġġornata skont dak meħtieġ.

L-irwol ta’ ċerti mediċini tant hu importanti għal dawk il-pazjenti li jkunu waslu fl-aħħar ta’ ħajjithom li fl-2021, il-European Society of Cardiology kienet ippublikat linji gwida għad-dijanjosi u t-trattament ta’ heart failure u semmgħiet l-għoti tal-mediċina Opiates. Il-morfina hi Opiate u toffri trattament effettiv u addizzjonali għal pazjent li jkun wasal fl-aħħar ta’ ħajtu. Minkejja li din hi rakkomandata, il-formularju Malti ma joffrix din il-mediċina għall-pazjenti fi ħtieġa għal trattament tal-qalb fl-aħħar ta’ ħajjithom.

Fl-aħħar ġimgħat kien hemm rapporti li f’Malta, meta tikkumpara man-numru provdut mid-WHO, hawn ammont sostanzjali ta’ mediċini tal-kura paljattiva li huma neqsin. Madanakollu, dan mhux konfermat, b’tobba jgħidu li l-ammont ta’ nuqqas hu minnu u fatwali, imma mhuwiex daqstant kbir daqs kemm qed ikun irrapurtat. Saż-żmien tal-pubblikazzjoni, Newsbook Malta ma setax jikkonferma n-numru eżatt ta’ kemm hemm mediċini għall-kura paljattiva nieqsa meta kkumparat ma’ dak disponibbli fis-suq u li huwa rakkomandat.

Quddiem dan kollu, diversi esperti fil-qasam saħqu li Malta jeħtieġ li l-ewwel tassigura li jsir avvanz qawwi fis-servizzi tal-kura paljattiva qabel ma jsiru avvanzi dwar l-ewtanasja, kif qed ikun propost mill-Gvern bħalissa.

Il-Gvern kien ippubblika dokument għall-prinċipji u s-salvagwardji dwar l-ewtanasja volontarja assistita għall-konsultazzjoni pubblika, bil-konsultazzjoni pubblika hija miftuħa sat-2 ta’ Lulju, u l-pubbliku huwa mħeġġeġ jissottometti s-suġġerimenti tiegħu online fuq facts.mt.

Life Network Foundation kienet nediet kampanja bl-isem ta’ ‘Oqtol l-uġigħ mhux lili’ b’sejħa kontra l-legalizzazzjoni tal-ewtanasja u l-messaġġ tagħha biex titjieb il-kura paljattiva. “Malta m’għandhiex bżonn is-suwiċidju assistit iżda teħtieġ l-aqwa kura għal dawk li jkunu waslu lejn l-aħħar ta’ ħajjithom,” saħqet il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni, Miriam Sciberras.

F’intervista esklussiva ma’ Newsbook Malta, il-Professur tal-kura paljattiva u membru fil-House of Lords tar-Renju Unit, Prof. Ilora Finlay sostniet li minkejja li l-kura paljattiva f’Malta għandha potenzjal kbir, din għadha fl-infanzja tagħha. Qalet li l-professjonisti fil-kura paljattiva f’Malta “tista’ tgħoddhom fuq id waħda”, iżda qed jagħmlu kulma jistgħu biex itejbu l-kura. Finlay spjegat li, mill-esperjenza tagħha ta’ snin twal, jekk tiddaħħal il-liġi tas-suwiċidju assistit u l-ewtanasja, l-iżviluppi fil-kura paljattiva jonqsu kompletament.

Fl-aħħar ġimgħat inġibdet l-attenzjoni kif in-nuqqas ta’ kura aġġornata mis-soċjetà kapaċi twassal biex wieħed jagħżel l-ewtanasja għaliex ma jħossx li hemm soluzzjoni aħjar. “Jekk il-kura ma tkunx tajba biżżejjed jew ma kellekx is-sostenn tas-soċjetà, persuna tirrikorri għall-ewtanasja,” qal Andre Callus li sostna li hemm persuni li jistgħu jagħmlu għażla infurmata sabiex jiqfilhom l-uġigħ fl-aħħar mumenti ta’ ħajjithom.

Dan fid-dawl ta’ oġġezzjonijiet mill-Knisja li qed issostni li l-ewtanasja volontarja assisista ma taqbilx mat-tagħlim Kattoliku, kif ukoll tħassib tagħha fuq il-possibbbiltà ta’ abbuż.

Kif ukoll, 134 akkademiku mill-Università ta’ Malta avżaw f’pubblikazzjoni li din il-leġizlazzjoni jaf tnaqqas il-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet mediċi u “tbiddel b’mod radikali l-valuri ċentrali ta’ Malta” – “Ikun messaġġ perikoluż li l-ħajja tista’ tintrema malli jidhrilna li m’għadhiex ta’ użu”.

Riċerka turi li għalkemm ħafna jaħsbu li l-ewtanasja tfisser li tmut malajr b’pilloli jew injezzjoni, mhux dejjem ikun il-każ u xorta jista’ jkun hemm proċess ta’ tbatija li ma jkunx dinjituż. Dan hekk kif il-ġisem kapaċi jirriġetta l-ammont ta’ pirmli jew iddum ma tmut.

Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading