Ewtanasja: “Studji sħaħ juru li l-ebda pronjosi medika mhi definittiva” – Prof. Ilora Finlay

It-tielet parti ta’ intervista esklussiva ma’ Ilora Finlay, professur tal-kura paljattiva u membru fil-House of Lords

01/07/2025: Professur tal-kura paljattiva u membru fil-House of Lords insistiet li hemm studji sħaħ li juru li l-ebda pronjosi ma tista’ tkun definittiva. Il-pronjosi hija referenza għaż-żmien ikkalkulat mill-mediċi dwar kemm wieħed se jibqa’ jsofri b’din il-marda.

F’intervista ma’ Newsbook Malta li saret fil-Palazz ta’ Westminster f’Londra qabel ma ttieħed il-vot fil-House of Commons, il-Prof. Ilora Finlay stqarret kif madwar 30 sena ilu, hi u tliet tobba oħrajn kienu kkalkulaw li pazjent tagħhom kellu biss tliet xhur ħajja.

“Kont qed inkellmu fuq il-mowbajl il-ġimgħa li għaddiet. Għadu ħaj!” sostniet il-Prof. Finlay b’nofs tbissima.

Il-professoressa tal-kura paljattiva qalet li sabiex wieħed jagħżel jekk itemmx ħajtu, jingħad li jeħtieġ li jkollu l-informazzjoni t-tajba, saħħa mentali adekwata biex issir l-għażla, u l-għażla trid tkun volontarja.

Dwar li wieħed ikollu informazzjoni korretta, il-Prof. Finlay qalet li waħda minn kull għoxrin persuna nstabet li mietet minħabba problema differenti mill-marda li kienet qed tirċievi l-kura għaliha. Dan ifisser li d-dijanjosi li kienet qed tingħata ma kinetx tajba.

Il-leġislazzjonijiet jikkunsidraw ukoll il-pronjosi imma Finlay tinsisti li dan ma jistax ikun. “Ma tistax tgħid kemm wieħed jista’ jgħix.”

Dwar is-saħħa mentali adekwata spjegat li għal kull deċiżjoni kbira – u ma hemm l-ebda deċiżjoni ikbar minn dik li ttemm il-ħajja – wieħed irid ikun b’saħħtu mentalment.

Sfortunatament, meta wieħed jikber, mhux neċessarjament ikun kapaċi jagħmel din id-deċiżjoni minħabba elementi jew emozzjonijiet li jostakolaw dan il-proċess tal-għażla. Il-Prof. Finlay qalet li saħansitra l-biża’ jew l-effett tal-mediċina jistgħu jwasslu lill-persuna biex ma tiħux deċiżjoni tajba.

Semmiet kif sfortunatament, wieħed minn kull ħames persuni li jkunu morda b’mod terminali, ibatu mid-dipressjoni.

“Proprju għalhekk nibża’ minn diskors li jinkoraġġixxi li persuna tista’ tieħu din id-deċiżjoni fuq għażla personali, għaliex l-ewwelnett, trid issolvi l-problemi l-oħra qabel tiddeċiedi.”

Il-Prof. Finlay stqarret “li l-għażla trid tkun waħda volontarja, hija l-iktar li tbeżżagħni.” Spjegat li rat wisq każijiet ta’ pazjenti influwenzati minn ta’ madwarhom wara li tkun saret pressjoni biex jirrikorru għall-ewtanasja. Fosthom semmiet kif qraba ta’ pazjent b’marda terminali esprimew li qed iħallsu wisq flus għall-kura tal-qarib, kif ukoll każijiet li kienu interessati fil-wirt tal-persuna marida.

“Huwa diffiċli ħafna biex tinduna jekk hix qed issir pressjoni fuq il-pazjent biex jirrikorri għall-ewtanasja, u għaldaqstant ma tkunx totalment volontarja,” stqarret Finlay.https://tv.newsbook.com.mt/player/embed?assetID=06kz0rhujvf6f7in&skin=green&autoplay=0&ads=1

Dan l-argument ixejjen l-aħħar kriterju elenkat fid-dokument għall-konsultazzjoni pubblika li jgħid li “kwalunkwe persuna li teżerċita pressjoni fuq il-pazjent biex jagħżel it-triq tal-ewtanasja volontarja tkun ħatja ta’ reat li jwassal għall-priġunerija effettiva.”

Il-Prof. Finlay irribattiet dan il-kriterju hekk kif staqsiet b’liema mod se tinduna li kien hemmpressjoni jekk il-pazjent li saret pressjoni fuqu issa jinsab mejjet. Qalet ukoll li bħala professjonista medika ma tistax tagħmel ċerti mistoqsijiet biex tidentifika hux qed issir ċerta pressjoni, minħabba li din it-tip ta’ investigazzjoni trid issir f’kuntest ta’ qorti u mhux mit-tobba.

Oqtol l-uġigħ, mhux lili

Fil-jiem li għaddew, il-Fondazzjoni Life Network nediet il-kampanja Oqtol l-uġigħ, mhux lili; kampanja għal kura paljattiva aħjar u kontra l-legalizzazzjoni tas-suwiċidju assistit.

Il-kampanja tħeġġeġ lill-pubbliku ġenerali sabiex jipparteċipa fil-konsultazzjoni tal-Gvern permezz tal-pjattaforma ġdida oqtollugigh.org biex jiġi assigurat li jinstema’ l-leħen tal-poplu favur it-tmiem naturali. Din ma tiħux aktar minn 45 sekonda.

Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading