MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU
L-PAPA LJUN XIV
GĦALL-X JUM DINJI TA’ TALB
GĦALL-GĦOŻŻA TAL-ĦOLQIEN 2025
[1 ta’ Settembru 2025]
Żerriegħa tal-Paċi u tat-Tama
Għeżież ħuti!
It-tema ta’ dan il-Jum Dinji ta’ Talb għall-Għożża tal-Ħolqien, magħżula mill-maħbub tagħna l-Papa Franġisku, hi “Żerriegħa tal-Paċi u tat-Tama”. Fl-10 anniversarju mill-istituzzjoni ta’ dan il-Jum, li seħħet flimkien mal-pubblikazzjoni tal-Enċiklika Laudato si’, ninsabu fil-qalba tal-Ġublew, “pellegrini tat-Tama”. U proprju f’dan il-kuntest it-tema tikseb it-tifsira sħiħa tagħha.
Ħafna drabi Ġesù, fil-predikazzjoni tiegħu, jinqeda bix-xbieha taż-żerriegħa biex jitkellem fuq is-Saltna ta’ Alla, u lejlet il-Passjoni tiegħu japplikaha għalih innifsu, meta jqabbel lilu nnifsu mal-ħabba tal-qamħ, li biex tagħti frott jeħtieġ tmut (ara Ġw 12:24). Iż-żerriegħa tingħata kollha kemm hi lill-art u hemm, bil-qawwa tal-għaġeb tal-għotja tagħha, il-ħajja twarrad, imqar fl-aktar postijiet li ma timmaġinax, f’ħila sorprendenti li tnissel il-futur. Ejjew naħsbu, ngħidu aħna, fil-fjuri li jikbru fil-ġnub tat-triq: ħadd ma żeragħhom, imma dawn jikbru grazzi għaż-żerriegħa li spiċċat hemm kważi b’kumbinazzjoni u jirnexxilhom isebbħu l-griż tal-asfalt u saħansitra jeħlu mal-wiċċ iebes tiegħu.
Mela, fi Kristu aħna żerriegħa. Mhux biss, imma “żerriegħa tal-Paċi u tat-Tama”. Kif jgħid il-Profeta Iżaija, l-Ispirtu ta’ Alla jista’ jibdel id-deżert, niexef u maħruq, fi ġnien, post ta’ mistrieħ u ta’ serenità: “Imbagħad jissawwab fuqna spirtu mill-għoli, u d-deżert jinbidel f’art għammiela, u l-art għammiela ssir foresta. U tistrieħ il-ġustizzja fid-deżert, u s-sewwa jgħammar f’art għammiela. Is-sliem ikun frott il-ġustizzja, u l-ħidma tal-ġustizzja tkun serħan u tama għal dejjem. U l-poplu tiegħi f’post tas-sliem, jgħammar bla biża’, mistrieħ fil-kwiet” (Iż 32:15-18).
Dawn il-kelmiet profetiċi, li mill-1 ta’ Settembru sal-4 ta’ Ottubru se jsieħbu l-inizjattiva ekumenika taż-“Żmien tal-Ħolqien”, jaffermaw bil-qawwa li, flimkien mat-talb, huma meħtieġa r-rieda u l-azzjonijiet konkreti li jagħmlu perċepibbli din iż-“żegħila ta’ Alla” fuq id-dinja (ara Laudato si’, 84). Il-ġustizzja u l-ħaqq, fil-fatt, jidhru li jistgħu jpattu għall-inospitalità tad-deżert. Din hi tħabbira ta’ attwalità straordinarja. F’diversi partijiet tad-dinja illum huwa ċar li l-art tagħna qed taqa’ fir-rovina. Kullimkien naraw l-inġustizzja, il-vjolazzjoni tal-liġi internazzjonali u tad-drittijiet tal-popli, l-inugwaljanzi u r-regħba li minnhom jinbtu d-deforestazzjoni, it-tinġis, il-qerda ta’ bijodiversitajiet. Qed jiżdiedu b’mod qawwi u frekwenti fenomeni naturali estremi kkawżati mit-tibdil fil-klima li ġej minn attivitajiet antropiċi (ara Eżortazzjoni appostolika Laudate Deum, 5), bla ma jitqiesu l-effetti fil-qrib u fit-tul tat-tifrik uman u ekoloġiku li jġibu l-kunflitti armati.
Donnu għadu nieqes l-għarfien li l-qerda tan-natura ma tolqotx lil kulħadd l-istess: meta nkasbru l-ġustizzja u l-paċi nkunu nolqtu iktar lil dawk li huma l-iżjed foqra, imwarrba, esklużi. F’dan il-qasam hija emblematika t-tbatija tal-komunitajiet indiġeni.
U dan mhux biżżejjed: l-istess natura xi drabi ssir strument ta’ skambju, ġid li jiġi nnegozjat biex jinkisbu vantaġġi ekonomiċi jew politiċi. F’dawn id-dinamiċi, il-ħolqien jiġi mibdul f’kamp tal-battalja għall-kontroll tar-riżorsi vitali, kif jixhdu ż-żoni agrikoli u l-foresti li saru perikolużi minħabba l-mini, il-politika tal-“art maħruqa”,[1] il-kunflitti li jinqalgħu madwar l-għejun tal-ilma, it-tqassim mhux indaqs tal-materji primi, fejn huma ppenalizzati l-popolazzjonijiet l-aktar dgħajfa u hi mhedda l-istess stabbiltà soċjali.
Dawn il-bosta ġrieħi ġejjin mid-dnub. Bla dubju ma kienx dan li kellu f’moħħu Alla meta fada l-Art lill-bniedem maħluq xbieha tiegħu (Ġen 1:24-29). Il-Bibbja ma tippromovix “il-ħakma despotika tal-bniedem fuq il-ħolqien!” (Laudato si’, 200). Anzi, “importanti naqraw it-testi bibliċi fil-kuntest tagħhom, bl-ermenewtika t-tajba, u niftakru li huma jistednuna ‘naħdmu u nħarsu’ l-ġnien tad-dinja (ara Ġen 2:15). Waqt li ‘naħdmu’ jfisser taħrat jew taħdem ir-raba’, ‘inħarsu’ jfisser nipproteġu, nindokraw, nieħdu ħsieb, nippreservaw, nikkonservaw, ngħassu. Dan jimplika relazzjoni ta’ reċiproċità responsabbli bejn il-bniedem u n-natura” (ibid., 67).
Il-ġustizzja ambjentali – impliċitament imħabbra mill-profeti – ma tistax titqies iktar bħala kunċett astratt jew objettiv imbiegħed. Hi tirrappreżenta bżonn urġenti, li jmur lil hemm mis-sempliċi ħarsien tal-ambjent. Fir-realtà, hi kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali, ekonomika u antropoloġika. Iktar minn hekk, għal min jemmen hija esiġenza teoloġika, li għall-Insara għandha l-wiċċ ta’ Ġesù Kristu, li fih kollox kien maħluq u mifdi. F’dinja fejn dawk l-aktar dgħajfa huma l-ewwel li jġarrbu l-effetti qerrieda tat-tibdil fil-klima, tad-deforestazzjoni, u tat-tinġis, l-għożża tal-ħolqien issir kwistjoni ta’ fidi u ta’ umanità.
Issa veru wasal iż-żmien li wara l-paroli jiġu l-fatti. “Li ngħixu l-vokazzjoni tagħna li nkunu ħarriesa tal-opra ta’ Alla hi parti essenzjali minn ħajja magħġuna bil-virtujiet, mhix għażla u lanqas xi aspett sekondarju tal-esperjenza Nisranija” (ibid., 217). Jekk naħdmu b’dedikazzjoni u bi ħlewwa, tista’ tinbet ħafna żerriegħa ta’ ġustizzja, u hekk inkunu nikkontribwixxu għall-paċi u għat-tama. Xi kultant iridu jgħaddu snin qabel ma s-siġra tagħti l-ewwel frott tagħha, snin li jikkonvolġu ekosistema sħiħa fil-kontinwità, fil-fedeltà, fil-kollaborazzjoni u fl-imħabba, fuq kollox jekk din l-imħabba ssir mera tal-Imħabba sagrifikali ta’ Alla.
Fost l-inizjattivi tal-Knisja li huma bħal żerriegħa mixħuta f’din l-għalqa, nixtieq infakkar fil-proġett “Borgo Laudato Si’”, li l-Papa Franġisku ħallielna b’wirt f’Castel Gandolfo, bħala żerriegħa li tista’ ġġib frott ta’ ġustizzja u ta’ paċi. Hu proġett ta’ edukazzjoni għall-ekoloġija integrali li jrid isir eżempju ta’ kif nistgħu ngħixu, naħdmu u nibnu komunitajiet billi napplikaw il-prinċipji tal-Enċiklika Laudato si’.
Nitlob lil Dak li jista’ kollox biex jibgħatilna bil-kotra l-“ispirtu mill-għoli” (Iż 32:15), biex din iż-żerriegħa u oħra bħalha jġibu frott kotran ta’ paċi u ta’ tama.
L-Enċiklika Laudato si’ sieħbet lill-Knisja Kattolika u ħafna persuni oħra ta’ rieda tajba matul dawn l-għaxar snin: ħa tkompli tnebbaħna u ħa tkun l-ekoloġija integrali dejjem iżjed magħżula u maqsuma bħala rotta li għandna nsegwu. Hekk toktor iż-żerriegħa tat-tama, li għandna “nħarsuha u nikkultivawha” bil-grazzja tat-Tama kbira tagħna li ma tqarraqx, Kristu Rxoxt. F’ismu nibgħat lilkom ilkoll il-barka tiegħi.
Mill-Vatikan, 30 ta’ Ġunju 2025, Tifkira tal-Ewwel Qaddisin Martri tal-Knisja ta’ Ruma
LJUN PP. XIV
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard
[1] Ara Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, Terra e cibo, LEV 2015, 51-53.
Aggornament importanti. Tajjeb li jkollna suggerimenti hfief li nistghu napplikawhom fil-hajja ta kuljum. Grazzi ta it-“translation”.