Ġwanni Pawlu II fil-25 anniversarju tal-mewt ta’ Patri Ġemelli

KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA FL-OKKAŻJONI TAĊ-ĊELEBRAZZJONI TAL-XXV ANNIVERSARJU TAL-MEWT TA’ PATRI AGOSTINO GEMELLI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħamis, 28 ta’ Ġunju 1984

1. “Tgħallmu minni għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11, 29). Huwa Kristu li jitkellem. Bl-għajnejn tal-fidi aħna nikkontemplawh fil-konkretezza tal-umanità tiegħu, li grazzi għaliha lilna jixbaħna f’kollox, minbarra fid-dnub. Jixbaħna f’kollox, u allura wkoll fil-fatt li jkollu qalb li tħabbatlu f’sidru, billi tattiva fil-vini tiegħu l-influss vitali taċ-ċirkulazzjoni tad-demm. Huwa propju għal din il-qalb li huwa jirreferi, waqt li jkellem lilna hawn miġbura madwar l-altar: “Tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli”.

Illum, is-sollennità liturġika tal-Qalb Imqaddsa, f’din l-istituzzjoni universitarja u ospidaliera ddedikata lill-Qalb ta’ Ġesù, aħna mistiedna nimmeditaw dwar il-misteru ta’ dik il-qalb divina, li fiha tħabbat l-imħabba infinità ta’ Alla għall-bniedem, għal kull bniedem, għal kull wieħed u waħda minna. Dik l-imħabba, li dwarha diġa kien xehed Mosè quddiem il-konnazzjonali tiegħu, waqt li fakkarhom: “Il-Mulej tgħaxxaq bikom u għażilkom, mhux għax kontu kbar fil-għadd iżjed minn kull poplu ieħor – intom infatti l-iżgħar mill-popli kollha – imma għaliex il-Mulej iħobbkom” (Dt 7, 7-8). Dik l-imħabba, li fiha l-appostlu Ġwanni jara s-sintesi ta’ kull diskors dwar Alla, tant li jistà jistqarr: “Min ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għaliex Alla huwa mħabba” (1 Ġw 4, 8).

Kif nistà ma ngħajjatx mas-salmista: “Il-Mulej huwa twajjeb u kbir fl-imħabba”? Il-liturġija tallum tqegħdilna fuq xuftejna l-espressjonijiet propji    biex nuru r-rikonoxxenza tagħma quddiem ġenerożità hekk imprevedibbli u stupenda: “Bierek il-Mulej ruħ tiegħi / dak kollu fija jbierek il-qaddis ismu . . . / Huwa jaħfer ħtijietek kollha, / ifejjaq il-mard kollu tiegħek; / isalva ħajtek mill-ħofra, / jinkoronak bil-grazzja u bil-ħniena . . .” (salm responsorjali).

2. Ejjew nimmeditaw dwar il-“meravilji” tal-imħabba ta’ Alla billi nikkontemplaw il-misteru tal-qalb ta’ Kristu . Hija magħrufa r-rikkezza ta’ riżonanzi antropoloġiċi li, fil-lingwaġġ bibbliku, tqanqal il-kelma “qalb”. Biha ma jiġux biss imsejħa s-sentimenti propji tal-isfera affettiva, imma wkoll dawk it-tifkiriet, il-ħsibijiet, ir-raġjonamenti, il-proġetti  kollha, li jikkostitwixxu d-dinja l-iktar intima tal-bniedem. Il-qalb fil-kultura bibblika, u wkoll fil-parti l-kbira tal-kulturi l-oħra, hija dik iċ-ċentru essenzjali tal-personalità li fiha l-bniedem jinsab quddiem Alla, bħala totalità ta’ ġisem u ta’ spirtu, bħala jien ħassiebi, lest u maħbub, bħal ċentru li fih it-tifkira tal-imgħoddi tiftaħ għall-proġettazzjoni tal-ġejjieni.

Mhux ta’ b’xejn li, dwar il-qalb jinteressaw ruħhom l-anatomista, il-fiżjologu, il-kardjologu, il-kirurgu, eċċetra, u l-kontribut xjentifiku tagħhom – li nieħu gost nirrikonoxxih f’sedja bħal din – jilbes importanza kbira minħabba l-iżvilupp seren u aemonjuż tal-bniedem fil-kors tal-eżistenza terrena tiegħu. Imma s-sinifikat, li skontu nirreferu issa għall-qalb, imur ‘il hemm minn tali konsiderazzjonijiet parzjali biex nilħqu s-santwarju tal-awtosuffiċjenza personali, li fiha tinġabar u, biex ngħidu hekk, tikkondensa ruħha l-essenza konkreta tal-bniedem, iċ-ċentru li fih il-wieħed(l-individwu) jiddeċiedi dwaru quddiem l-oħrajn, id-dinja u Alla nnifsu.

Huwa dwar il-bniedem biss li propjament nistgħu ngħidu li għandu qalb; mhux dwar l-ispirtu pur ovvjament, u linqas dwar l-annimal. It-“tgħidli qalbi” mit-tifrix tal-esperjenzi esterni multipli hija possibiltà riservata unikament lill-bniedem.

3. Mill-fidi nafu li fi żmien determinat tal-istorja, “Il-Verb ta’ Alla sar bniedem u ġie jgħammar fostna” (Ġw 1, 14). Minn dak il-waqt Alla beda jħobb b’qalb ta’ bniedem. Qalb vera, kapaċi tħabbat b’mod qawwi, teneru, appassjonat. Il-qalb ta’ Ġesù ippruvat tassew sentimenti ta’ ferħ quddiem is-sbuħija tan-natura, fil-ħlewwa tat-tfal, il-ħarsa ta’ żagħżugħ pur; sentimenti ta’ ħbiberija lejn l-appostli, Lażżru, id-dixxipli; sentimenti ta’ ħniena lejn il-morda, il-fqar, it-tant persuni milquta mill-vistu, mis-solitudni, mid-dnub; sentimenti ta’ indinjazzjoni kontra l-bejjiegħa tat-tempju, l-ipokriti, il-profanaturi tal-innoċenza; sentimenti ta’ ansjetà quddiem il-prospettiva tat-tbatija u għall-misteru tal-mewt. Mhemmx sentiment uman li l-qalb ta’ Ġesù ma ppruvatx.

Illum ejjew nirriflettu f’talb ta’ adorazzjoni quddiem din il-qalb, li fiha l-Verb etern ried direttament jagħmel l-esperjenza tal-miżerja tagħna, “bla ma qagħad ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir u sar jixbaħ lilna” (cf. Fil 2, 6-7). Mill-qawwa nfinita li hija propja ta’ Alla l-qalb ta’ Kristu ma żammitx għajr l-qawwa bla difiża tal-imħabba li taħfer. U fis-solitudni radikali tas-salib aċċettat li tkun minfuda bil-lanza taċ-ċenturjun, sabiex mill-ferita miftuħa isawwab fuq il-kruhat tad-dinja n-nixxigħa ineżawribbli ta’ ħniena li taħsel, tippurifika u ġġedded.

Fil-qalb ta’ Kristu jiltaqgħu, mela, rikkezza divina u faqar uman, qawwa tal-grazzja u fraġilità tan-natura, appell ta’ Alla u tweġiba tal-bniedem. Fiha hemm il-port definittiv tal-istorja tal-umanità, għaliex “il-Missier ħalla f’idejn l-Iben biex jagħmel il-ħaqq kollu hu” (cf. Ġw 5, 22). Lill-qalb ta’ Kristu trid tirreferi, trid jew ma tridx, kull qalb umana.

4.Din qalbna! Il-Bibbja  ma żżommx lura milli tagħmel espressjonijiet pessimisti dwar il-qalb umana, li fihom spiss taħbi d-dupliċità, bħal fil-każ ta’ dawk li “jitkellmu” paċi lill-proxxmu tagħhom, imma għandhom fi qlubhom il-ħjiena” (Sal 28, 3); jew jinsinwaw l-infedeltà mal-patt, kif jilmenta s-salmista fil-konfront tal-poplu Lhudi: “Qalbhom ma kinitx sewwa miegħu, ma kinux fidili mal-patt tiegħu” (Sal 78, 37). Min ma jiftakarx l-istqarrija qarsa: “Dan il-poplu iqimni b’xuftejh, imma qalbu hija bogħod minni” ( 29, 13)? Il-bniedem infatti m’għandux jinsa li, jekk huwa possibbli għalih li jinganna lill-bnedmin bħalu, dan ma jirnexxilux jagħmlu ma’ Alla, għaliex jekk “il-bniedem iħares lejn l-apparenza, Alla jħares lejn il-qalb” (1 Sam 16, 7). Quddiem r-realtà deludenti ta’ qalb “korrotti u bla rażan” (Ġer 5, 23), tibqà tama unika dik ta’ inizjattiva divina li ġġedded il-qalb umana u terġa tirrendiha  biex mill-ġdid tħobb lil Alla u lil ħutha b’momentum sinċier u ġeneruż. Dan huwa dak li wiegħed il-Mulej b’fomm il-profeta Eżekjel (Eże 36, 25-26): “U nroxx fuqkom ilma safi u tissaffew mit-tinġis kollu tagħkom; mill-idoli kollha tagħkom insaffikom .  Nagħtikom qalb ġdida, u nqiegħed ġo fikom ruħ ġdida u nneħħi minn ġisimkom l-qalb tal-ġebel u nagħtikom qalb tal-laħam flokha”.

5. Il-wegħda twettqet fi Kristu. Fil-laqgħa miegħu hija offruta lill-bniedem il-possibiltà li jagħmel qalb ġdida, qalb mhux iktar “tal-ġebel”, imma “tal-laħam”. Biex jasal għal dan, madankollu, hemm bżonn qabelxejn li huwa “jitwieled minn ilma u minn Spirtu”, kif ingħad, darba waħda billejl, “lil bniedem jismu Nikodemu” (cf. Ġw 3, 1ss.); u hemm bżonn imbagħad li jidħol fl-iskola ta’ Ġesù biex jitgħallem mingħandu kif għandu jħobb b’mod konkret. Huwa propju dan li huwa stess talab. Infatti huwa qal: “Tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli”. Bil-kelma u bl-eżempju Kristu għallimna l-ħlewwa u l-umiltà tal-qalb, bħala kwalitajiet indispensabbli biex inħobbu tassew; għallimna li Bin il-bniedem “ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ħajtu għall-kotra” (Mt 20, 28). L-imħabba awtentika  ma tinqediex mill-ieħor, imma taqdih, billi tagħti lilha nfisha ukoll sas-sagrifiċċju totali tagħha nfisha u ta’ ħwejjiġha.

6. Imma hija propju f’din il-qerda għall-imħabba li jinsab is-sigriet tal-vera għerf, dak li jasal biex jilmaħ bil-quddiem xi ħjiel tal-misteru ta’ Alla u biex iħoss l-għerf superjuri tar-regoli li joriġinaw mir-rieda tiegħu qaddisa tliet darbiet. Ġesù dan josservah mhux mingħajr tqanqil ta’ ferħ intimu: “Imbirkek, o Missier, Mulej tas-sema u l-art, għaliex dawn il-ħwejjeġ żammejthom moħbija minn dawk li għandhom l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier għax lilek hekk għoġbok” (Mt 11, 25-26).

Aħna qegħdin nerġgħu nisimgħu dan il-kliem f’ambjent li bħala stituzzjoni huwa ddestinat għall-istudji superjuri ta’ mediċina, fost persuni li għamlu mir-riċerka xjentifika r-raġuni ta’ ħajjithom.  Jisimgħuhom il-bosta żgħażagħ hawn miġbura, li qabdu l-istudji universitarji, imqanqla mix-xewqa li jagħmlu tagħhom il-kisbiet ta’ dixxiplina li għamlet tant u hekk progressi straordinarji f’dan is-seklu tagħna.  Hemm forsi fil-kliem ta’ Kristu espressjoni ta’ sfiduċja fil-konfronti tal-impenn li bih il-bniedem jestendi lejn l-għarfien dejjem iktar approfondit tiegħu nnifsu u tad-dinja?

Bla dubju le, mill-waqt li, bħala Verb ta’ Alla, Kristu huwa l-għerf personifikat u, bħala bniedem l-evanġelista jippreżentah intenzjonat li jikber fil-għerf”, minbarra li “fl-età u l-grazzja quddiem Alla u l-bnedmin” (cf. Lq 2, 52). Il- Knisja qatt ma kellha dubji fir-rigward u huwa għalhekk li, tul il-korsa tal-istorja millenarja tagħha, kompliet tħeġġeġ f’kull post ċentri ta’ studji mhux biss sagri, imma wkoll profani, bil-konvinzjoni li kull progress fl-għarfien tal-verità jikkostitwixxi b’mod oġġettiv omaġġ lil Alla, Verità eżistenti,   “qua veritate – biex ngħiduha ma’ San Tuma s – omnia vera sunt vera” (S. Thomae, In Evangelium Ioannis, I, lect. I, n. 33).

Mhux aħna, wara kollox, miġburin hawn illejla biex infakkru, fil-XXV anniversarju tal-mewt, lill-fundatur ta’ wieħed fost l-iktar prestiġġjużi ta’ dawn iċ-ċentri ta’ studju? Meta Patri Agostino Ġemelli ta’ bidu għall-Università Kattolika tal-Qalb ta’ Ġesù, huwa raha bħala “opra ddestinata għall-progress tal-ħajja soprannaturali tal-bnrdmin, kemm permezz tal-edukazzjoni taż-żgħażagħ, kif ukoll permezz tar-riċerka u d-difiża tal-veru” (Agostino Gemelli, Testamento, Pasqua del 1954). U l-istess ideal ċaqilqu, fl-aħħar żmien ta’ ħajtu biex jimpenja ruħu għall-attwazzjoni ta’ din il-falultà tal-Mediċina bil-polikliniku anness, li huwa ħass bħala l-inkoronazzjoni tal-ħolma żviluppata tant snin qabel f’moħħu ta’ tabib u saċerdot, mixtieq li joħloq fil-korsiji ta’ sptar “atmosfera li fiha l-marid isir konxju ta’ rabta bejnu u bejn dawk li jkunu jikkurawh”.

Mhijiex mela l-vera xjenza dik li tippermetti lill-bniedem l-għarfien ta’ Alla u tal-misteru tiegħu? Ix-xjenza li tħossha qaddejja tal-verità u mhux padruna, li ma titlef qatt is-sens tal-misteru, għaliex taf li, ‘il hemm mix-xefaq limitat li għalih tistà tasal bil-mezzi propji, hemm il-prospettivi bla tmiem li jintilfu f’dak l-abbiss ta’ dawl li għandu l-isem Alla, din ix-xjenza mhux biss tippermetti, imma anzi tiddisponi għar-rivelazzjoni tas-sigrieti ta’ Alla.

Għal din ix-xjenza huma msejħin dawk bħalkom, professuri llustri u għeżież student, li jagħmlu mill-impenn stess tagħhom ta’ studju għażla ta’ fidi. Li tkun parti minn università Kattolika, li tieħu isimha mill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, huwa fatt li jonorakom u li fl-istess ħin jimpenjakom b’mod kbir. Min, jekk mhux intom, għandu jinxteħet għal dik l-iskola ta’ dik il-qalb divina li bit-taħbit tagħha tiddefenixxi l-istorja tad-dinja u l-istorja personali ta’ kull wieħed u waħda minna? F’dik il-qalb “hemm moħbija t-teżori tal-għerf u tax-xjenza” (Kol 2, 3). Liema prospettiva għal min għamel mir-riċerka tal-verità r-raġuni ta’ ħajtu!

7. Imma għall-qalb divina ta’ Ġesù tistgħu tirrikorru wkoll intom, morda għeżież. Li tissieltu mal-mard li laqatkom u tinħtieġu tant qawwa morali biex ma ċċedux għat-tentazzjoni tal-qtigħ il-qalb u għan-nuqqas ta’ fiduċja. Mhux hu qal: “Ejjew għandi intom ilkoll  li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin u jiena nserraħkom” (Mt 11, 28)?

Dan il-kliem, ispirat minn tant ħlewwa umana, huwa jirrepetih illum ukoll lilkom, morda, li f’dan il-Polikliniku ssibu assistenza ta’ mħabba u kura xierqa;  nirrepetiha lil dawk li jagħmlu dak kollu li jistgħu għas-servizz tagħkom, bħall-infermieri rġiel u nisa, b’dedikazzjoni diliġenti; nirrepetiha  lill-familjari tagħkom, li jaqsmu magħkom l-ansjetà  għall-marda u t-tama tal-fejqan’ nirrepetiha lil kulħadd: “Ejjew għandi!”

Jekk aħna “mħabbtin u mtaqqlin” ejjew nilqgħu l-istedina hekk ta’ mħabba insistenti” inmorru għandu, nitgħallmu minnu, nafdaw lilna nfusna lilu. Ejjew nisperimentaw il-verità tal-wegħda: ejjew insibu dak “il-mistrieħ tar-ruħ” li għalih tixxennaq qalbna għajjiena.

Hekk ikun!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading