Ġwanni Pawlu II fis-Solennità ta’ San Pietru u San Pawl

SOLENNITÀ TAL-QADDISIN APPOSTLI PIETRU U PAWLU
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika Vatikana
Is-Sibt, 29 ta’ Ġunju 1984

“Inti Pietru” (cf. Mt 16, 18). 1. Ġesù jippronunzja dan il-kliem qrib Ċesarea ta’ Filippu. Jgħidu lil Xmun Pietru, imma l-għajn interna tiegħu, il-ħarsa ta’ ruħu huma ndirizzati lejn il-Missier.

Waqt qabel, għall-mistoqsija: “Intom min tgħidu li jien?”, Xmun Pietru kien wieġeb: “Inti l-Messija (il-Kristu), Bin Alla l-ħaj”

Ġesù jaf li din it-tweġiba ta’ Pietru kienet ġejja mhux minnu direttament  – sajjied tal-Galilea, appostlu -imma mingħand il-Missier!

“. . . Mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li huwa fis-smewwiet” (Mt 16, 17).

Il-kliem ta’ Xmun Pietru huwa stqarrija ta’ fidi; jitnissel mir-rivelazzjoni, li s-sors tiegħu huma l-Missier stess.

Ġesù Kristu jiffissa ħarstu fil-Missier.

Jara li fit-tweġiba ta’ Pietru l-fidi, imnissla mir-rivelazzjoni, issa waslet għal maturità, u jgħid: “U inti Pietru u fuq din il-blata se nibni l-Knisja tiegħi u s-setgħat tal-infern ma jegħelbuhiex (Mt 16, 18).

2. Hekk mela l-Knisja tiġi mwaqqfa fuq blata tal-fidi, li għandha l-oriġni propju f’Alla nnifsu: fil-Missier. Fil-kliem uman – hekk bħalma waqt qabel fil-kliem ta’ Pietru – din il-fidi tesprimi l-verità li hija mnn  Alla.

Avversarju ta’ din il-verità huma “is-setgħat tal-infern”. Dawn sa mill-bidu, ifittxu li jeqirdu fl-istorja tal-bniedem il-verità li hija minn Alla u li għandha s-sors tagħha fil-Missier.

Il-Knisja, li permezz tagħha l-istqarrija ta’ Pietru saret “il-blata”, tiġi kontrapposta għas-“setgħat tal-infern”. Dawn ifittxu li jirbħu fuq dak li għandu s-sors tiegħu f’Alla, imma ma jirnexxilhomx. “Ma jegħlbux” (Mt 16, 18).

L-isem ta’ Pietru fit-tweġiba ta’ Kristu ġie marbut mal-wegħda tat-tul taż-żmien tal-Knisja f’din il-Verità, li tiġi minn Alla. Dan it-tul ta’ żmien isib is-sors definittiv tiegħu mis-salib u mill-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu. Fih jiġi mogħti wkoll lill-Knisja l-Ispirtu Santu: il- Konsolatur, l-Ispirtu tal-verità.

3. Il-Knisja llum tqim lil Pietru appostlu, billi tiffissa ħarsitha fih, hekk kif Kristu fil-Missier etern, li huwa sors ta’ verità u mħabba.

Kontemporanjament, fil-jum tal-martirju tal-appostlu, il-Knisja timmedita l-istorja umana ta’ ħajtu.

Qabel kollox taħseb f’dak il-waqt meta – wara li diġa Kristu kien reġa lura għand il-Missier – Pietru kien mexxej tal-Knisja f’Ġerusalem.

Hemm kien ġie mixħut il-ħabs minn Erodi, li kien ippropona “li jressqu quddiem il-poplu wara l-Għid” (At 12, 4). Dan kien reċentement ikkundanna għall-mewt lil Ġakbu, ħu Ġwanni, u kien ippropona li jagħmel l-istess bi Xmun Pietru.

Is-setgħat tal-Infern jippruvaw jirbħu fuq dik il-verità, li permezz tagħha l-Knisja tibqà f’Alla: tibqa fil-Missier permezz tal-Iben fil-qawwa tal-Ispirtu Santu.

Is-setgħat tal-infern ifittxu li jeqirdu l-bniedem, li lilu  Kristu rabatlu l-kariżma ta’ din il-verità, u li sejjaħlu “blata”.

Dan il-bniedem ma jiddisponi minn ebda qawwa umana, biex jiddefendi ruħu. “Marbut b’żewġ ktajjen” (At 12, 6) jistenna l-kundanna tal-mewt fil-ħabs ta’ Ġerusalem.

4. Alla huwa Sid il-ħajja u l-mewt ta’ Xmun Pietru. “It-talb tal-Knisja għalih telà bla jaqtà lil Alla” (At 12, 5). Il-Knisja tinħtieġ lil Pietru. Għandha bżonnu mhux biss il-Knisja ta’ Ġerusalem, imma wkoll dik ta’ Antijokja u dik ta’ Ruma.

Il-liturġija tas-sollennità tallum hija mimlija bi gratitudni ferrieħa  għaliex Alla ħataf lil Pietru mill-poter ta’ Erodi.

Jesprimiha l-istess Appostlu, meta b’mod mirakoluż jiġi mmexxi ‘l barra mill-ħabs u  jingħata lura lill-Knisja ta’ Ġerusalem.

Jesprimiha is-salm responsorjali, li fih jidwi b’eku twil ta’ ġenerazzjonijiet, il-kliem ta’ Pietru nnifsu:

“. . . il-Mulej . . . minn kull għadu ħelisni” (Sal 34, 5).

U l-Knisja, ferħana b’dan il-ħelsien, donnha tgħajjat:

“Fittixt il-Mulej u hu weġibni” (Sal 34, 5).

Hawn hu Pietru: il-bniedem li għadda minn esperjenza tad-dgħufija profonda. L-appostlu li beka b’dispjaċir kbir ċ-ċaħda tripla tiegħu.

Hawn hu Pietru: l-istess lejl, li fih kien meħlus mill-poter ta’ Erodi, għaraf li hu kompletament fil-qawwa ta’ Alla nnifsu. U afda ruħu bla riservi lil din il-qawwa.

5. Illum ejjew nonoraw t-tifkira tal-mewt tiegħu bħala martri f’Ruma. F’din il-mewt bil-martirju, fiż-żminijiet ta’ Neruni, fil-perijodu tal-ewwel persekuzzjoni tal-insara, Pietru kien definittivament magħqud ma Pawlu ta’ Tarsu.

Nafu li Kristu introduċa lil Pawlu fil-grupp tal-appostli, billi wera lilu nnifsu lilu fit-triq ta’ Damasku. Qabel – bl-isem ta’ Sawlu, il-fariżew – kien persekutur tad-dixxipli u tal-appostli ta’ Kristu. Iktar tard, huwa wkoll sar Appostlu.

Anzi, sar “strument magħżul”. Kristu nnifsu qal dwaru:

“. . . Se jwassal ismi dquddiem il-ġnus u s-slaten u quddiem ulied Iżrael; u jien stess għad nurih kemm irid ibati minħabba f’ismi  (At 9, 15-16).

Ma’ Pietru, Pawlu kien iltaqà l-ewwel fil-Palestina, imbagħad f’Antijokja, fl-aħħar f’Ruma. Fil-perijodu tal-persekuzzjoni, fiż-żminijiet ta’ Neruni, sabu ruħhom hemm fl-istess żmien.

Pawlu wkoll fit-triq apostolika sperimenta kemm huwa wkoll kien f’idejn Alla. Ħafna drabi “kien meħlus minn ħalq l-iljuni” (cf. 2 Tm 4, 17).

Ma’ Pietru kien magħqud mill-kariżma tal-verità divina, permezz tas-servizz lill-istess verità, li f’Ġesù Kristu tiġi mill-Missier.

Huwa jikteb lil Timotju: “Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejtil-ġirja, ħarist il-fidi”.

Ikompli: “Imma l-Mulej waqaf miegħi u tani l-qawwa, biex bis-saħħa tiegħi il-kelma tixxandar sal-aħħar u l-Ġnus kollha jisimgħuha”.

Fi tmiem ħajtu jikteb hekk”: “Il-Mulej jeħlisni minn kull deni u  jħarisni sa ma nasal fis-saltna tiegħu tas-sema” (2 Tm 4, 7.17.18).

6. Illum iż-żewġ appostli, Xmun Pietru u Pawlu ta Tarsu,  magħqudin mill-kariżma feddejja tal-Vanġelu – tal-verità li tiġi mill-Missier – imorru jiltaqgħu mal-Mulej imsallab u rxuxtat. Iż-żmien ta’ mewthom bħala martri, iż-żmien tax-xhieda definittiva, jgħaqqadhomi hawn, f’Ruma.

Minn din il-mewt, minn din ix-xhieda tikber il-Knisja. “Is-setgħat tal-infern ma jegħelbuhiex” (Mt 16, 18). Il-Knisja tikber u hawn f’Ruma u se tikber f’postijiet tad-dinja dejjem ġodda, f’nofs ġnus differenti u f’nazzjonijiet differenti.

Se ġġorr fiha l-wirt tal-Appostli Pietru u Pawlu, grazzi lilhom “is-setgħat tal-infern” qatt ma għelbu din il-verità, li tiġi mill-Missier:  “Mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li huwa fis-Smewwiet” (Mt 16,17).

F’din il-verità kienet stabbilita r-rabta bejn il-pellegrinaġġ terren tal-bniedem u s-saltna tas-smewwiet;

“L-imfietah tas-saltna tas-smewwiet:

Dak kollu li torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u

Dak kollu li tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet” (Mt 16, 19).

Rabta tassew issikkata. Rabta organika.

“Is-setgħat tal-infern”, billi bix-xwabel tal-persekuturi, setgħu jikkundannaw għall mewt lil Xmun Pietru u lil Pawlu ta’ Tarsu, imma ma rnexxilhomx jeqirdu din ir-rabta mas-saltna tas-smewwiet, li huma stabbilew sewwa fil-Knisja bis-saħħa tal-verità irrivelata minn Alla.

7. “Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi; / Ħa ngħollu ismu flimkien. / Jien fittixt il-Mulej u weġibni / u minn kull biżà ħelisni” (Sal 34, 4-5).

Is-salmista jkanta dan il-kliem fil-liturġija tallum.

Dan il-kliem jirrepeti Xmun Pietru, jirrepetih Pawlu ta’ Tarsu.

Dan il-kliem tkanta l-Knisja kollha: mibnija fuq il-blata tal-verità, li tiġi mingħand Alla: ma tibżax!

Hija ħielsa mill-biżà.

Il-verità tirrendi ħielsa għal-libertà.

Il-verità tirrendi ħielsa għall-eternità.

Hawn hu l-messaġġ apostoliku ta’ Xmun Pietru u ta’ Pawlu ta’ Tarsu, fil-jum li fih ġew b’mod definittiv ħielsa minn kull biżà.

U r-rit tal-impożizzjoni tal-palji sagri, li issa se jsegwi, jinserixxi ruħu sewwa f’din il-klima spiritwali u jesprimi mhux biss il-komunjoni speċjali li torbot l-isqfijiet metropoliti mas-suċċessur ta’ Pietru, imma wkoll u fuq kollox l-impenn maġġuri ta’ mħabba għal Kristu u għall-erwieħ: ta’ mħabba tali li telimina kull biżà u li nkunu nafu nagħtu lilna nfusna kompletament għall-merħla tagħna.

Hekk ikun!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading