TISLIMA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
LILL-INFLUENCER U L-MISSJUNARJI DIĠITAL
Bażilika ta’ San Pietru
It-Tlieta, 29 ta’ Lulju 2025
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu,
Il-Paċi magħkom!
Għeżież ħuti, bdejna b’din it-tislima: il-paċi magħkom!
U kemm għandna bżonn il-paċi f’daż-żmien imkisser u mfarrak mill-ostilità u l-gwerer. U kemm hi wkoll sejħa lilna, illum, biex inkunu xhieda tat-tislima tal-Irxoxt: “Il-paċi magħkom!!” (Ġw 20,19). Il-paċi tkun magħna lkoll. Fi qlubna u fl-imġieba tagħna.
Din hi l-missjoni tal-Knisja: li tħabbar il-paċi lid-dinja! Il-paċi li tiġi mill-Mulej li rebaħ il-mewt, li ttina l-maħfra t’Alla, li ttina l-ħajja tal-Missier, li turina t-triq tal-imħabba!
1. Il-missjoni tal-Knisja llum hi afdata f’idejkom ukoll; intom li tinsabu Ruma għall-Ġublew tagħkom; li ġejtu biex iġġeddu u tmantnu bit-tama nisranija l-mezzi soċjali u l-ambjenti diġitali. Il-paċi rridu nfittxuha, inħabbruha, naqsmuha f’kull imkien; kemm fil-postijiet drammatiċi tal-gwerra, u wkoll fil-qlub għerja ta’ min tilef is-sens tal-eżistenza u t-togħma tal-interjorità, it-togħma tal-ħajja spiritwali. U llum, forsi aktar minn qatt qabel, għandna bżon dixxipli missjunarji li jwasslu d-don tal-Irxoxt lid-dinja; li jagħtu leħen lit-tama li jtina Ġesù Ħaj, sat-truf kollha tad-dinja (cfr Atti 1,3-8); li jaslu kulfejn hemm qalb li qed tfittex, qalb fil-bżonn. Iva, sa truf l-art, sal-konfini eżistenzjali fejn mhemmx tama.
2. (Bl-Ingliż) Hemm sfida oħra f’dil-missjoni: dejjem fittxu “il-laħam ta’ Kristu fit-tbatija” f’kull wieħed u waħda minn ħutkom li tiltaqgħu magħhom online. Illum ninsabu f’kultura ġdida, karatterizzata u mgħaġuna mit-tekonoloġija. Hu d-dmir tagħna – hu dmir ta’ kull wieħed u waħda minnkom – li naraw li dil-kultura tibqa’ umana.
Ix-xjenza u t-teknoloġija jinfluwenzaw il-mod kif ngħixu fid-dinja, u saħansitra jeffettwaw il-mod kif aħna nifhmu lilna nfusna u kif nirrelataw ma’ Alla, kif nirrelataw bejnietna. Iżda xejn minn dak li jiġi mill-bniedem u mill-kreattività tiegħu m’għandu jintuża biex ikun ta’ ħsara għad-dinjità tal-oħrajn. Il-missjoni tagħna – il-missjoni tagħkom – hi, li trawmu kultura ta’ umaneżmu kristjan u tagħmlu dan ilkoll flimkien. Din hi s-sbuħija “tan-network” għalina lkoll.
Matul l-istorja, quddiem it-tibdil kulturali, il-Knisja qatt ma baqgħet passiva; dejjem fittxet li ddawwal kull żmien bid-dawl u t-tama ta’ Kristu bid-dixxerniment bejn it-tajjeb u l-ħażin u bejn dak li hu tajjeb u dak li jeħtieġ bidla, li hemm bżonn ikun ittrasformat u msoffi.
Illum ninsabu f’kultura li fiha d-dimensjoni teknoloġika tinsab prattikament f’kollox, speċjalment bil-firxa tal-użu tal-intelliġenza artifiċjali li qed tagħti timbru lill-era ġdida fil-ħajja tal-individwi u tas-soċjetà kollha kemm hi. Din hi sfida li rridu naffaċċjawha: billi nirriflettu dwar l-awtentiċità tax-xhieda tagħna, dwar il-ħila li nagħtu widen u nitkellmu, u dwar il-ħila li nifhmu u li jifhmuna. Għandna dmir naħdmu flimkien biex niżviluppaw mod ta’ ħsieb, niżviluppaw lingwaġġ għal żmienna li jagħti leħen lill-Imħabba.
Dan ma jfissirx biss sempliċi ġenerazzjoni tal-kontenut, imma l-ħoqlien ta’ laqgħat bejn il-qlub. Ifisser li rridu mmorru nfittxu lil min qed ibati, lil min jeħtieġlu jsir jaf lill-Mulej, biex jitfejjaq mill-ġrieħi tiegħu, jerġa’ jqum fuq saqajh u jsib tifsir fil-ħajja. Fuq kollox, dal-proċess jibda billi naċċettaw il-faqar tagħna, billi nwarrbu l-pretensjonijiet u nagħrfu l-ħtieġa inerenti tagħna li nkunu nafu l-Evanġelju. U dal-proċess irridu nagħmluh flimkien.
3. (Bl-Ispanjol) Dan iwassalna għat-tielet appell, il-virtù li għaliha nsejjaħ lilkom ilkoll: “morru sewwu x-xbiek”. Lill-ewwel appostli tiegħu Ġesù sejħilhom waqt li kienu mehdijin isewwu x-xbiek tas-sajd (cfr MT 4,21-22). Jitlob dan minn wkoll, anzi jitlobna, illum, biex ninsġu xbieki ġodda: xbieki ta’ relazzjonijiet, xbieki ta’ mħabba, xbieki ta’ kondiviżjoni gratwita, fejn il-ħbiberija tkun awtentika u profonda. Xbieki li bihom inkunu nistgħu nsewwu dak li tkisser, li bihom infejqu s-solitudni, bla ma nqisu l-għadd ta’ followers, imma billi f’kull laqgħa nġarrbu l-kobor infinit tal-Imħabba. Xbieki li l-ispazju jħalluh għall-ieħor aktar milli għalina nfusna, fejn ebda “sfera” ma toħnoq l-ilħna tal-aktar dgħajfa. Xbieki li jilliberaw, xbieki li jsalvaw. Xbieki li jikxfu kemm hu sabiħ li nħarsu f’għajnejn xulxin. Xbieki tal-verità. Hekk, kull storja ta’ tjubija kondiviża ssir għoqda f’network wieħed, network bla qies, in-network tan-networks, in-network ta’ Alla.
Kunu għalhekk aġenti tal-komunjoni, bil-ħila li tkissru kull loġika ta’ firda u ta’ polarizzazzjoni; ta’ individwaliżmu u egoċentriżmu. Kunu ffukati fuq Kristu biex tegħlbu l-loġika tad-dinja, tal-fake news, tal-frugħa, bis-sbuħija tad-dawl tal-Verità (cfr Ġw 8,31-32).
(Bit-Taljan) Issa, qabel ma nsellmilkom bil-Barka, jien u nafda x-xhieda tagħkom f’idejn Alla, irrid irroddilkom ħajr tal-ġid kollu li għamiltu u li tagħmlu f’ħajjitkom, tal-ħolm li toħolmu, tal-imħabba tagħkom lejn il-Mulej Ġesù, għall-imħabba tagħkom għall-Knisja, għall-għajnuna li tagħtu lil min qed ibati, għall-mixja tagħkom fit-toroq diġitali.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber