Ritratt: Fr Jean Gove’ (Facebook)
Fr Jean Gové, Koordinatur Djoċesan għall-Affarijiet Marbutin mal-AI, qal lil Newsbook Malta li għaddej xogħol kontinwu biex il-magna, li hija tip ta’ intelliġenza artifiċjali ġenerattiva bħalma huwa ChatGPT, tagħti risposti li huma żgur Kattoliċi u teoloġikament korretti.

Dan fost l-oħrajn permezz ta’ studju fost nies tekniċi li janalizzaw għalfejn tkun ingħatat risposta ħażina.

F’kitba fuq Facebook Fr Jean Gové, riċerkatur f’dan il-kamp, qal li bħal kull għodda ta’ din in-natura ġieli tieħu żbalji. Għad li l-Malti li tiġġenera mhuwiex Malti perfett, qed isir xogħol biex il-magna tibqa’ titjieb skont avvanzi li jsiru maż-żmien fid-dinja tal-intelliġenza artifiċjali – IA.

L-għan hu dejjem li informazzjoni korretta tkun iżjed aċċessibbli għal iktar nies, kif ukoll li l-Malti ma jitwarrabx u jibqa’ ħaj l-użu tiegħu f’dan il-qasam.  

Fr Jean Gové qal ukoll li hija għodda siewja għar-riċerka teoloġika u t-taħriġ reliġjuż. F’kumment ma’ Newsbook Malta, qal li din l-għodda tista’ tintuża fost l-oħrajn minn qassisin, lajċi impenjati, studenti, riċerkaturi, u kull min tinteressah il-fidi.

L-app kienet diġà teżisti u hija magna li essenzjalment taħdem bl-Ingliż. Din hija mmexxija mill-kumpanija Kattolika Kanadiża Longbeard Creative.

Matul iż-żmien bdew jiżdiedu iżjed lingwi biex għad li hemm dokumenti bl-Ingliż fis-sistema, il-magna tkun kapaċi tagħti risposti wkoll f’lingwi oħra. Eventwalment, Fr Jean Gové ssuġġerixxa li jiżdied ukoll il-Malti.

Din l-app sejħilha “eżempju ċar” ta’ kif il-Knisja qed tipprova tibqa’ innovattiva fl-użu ta’ teknoloġiji ġodda, filwaqt li tkompli t-tradizzjoni tagħha li tippreserva l-ilsien Malti.

Huwa qal li l-pożizzjoni tal-Knisja hija li “hemm tajjeb li jista’ joħroġ mill-użu tal-IA”.

Qal li minkejja li jeżisti ħafna tħassib fuq il-ħsara li tista’ toħloq l-IA, kapaċi joħroġ ħafna ġid minnha jekk tintuża b’mod maħsub.

Huwa rringrazzja lill-fundatur tal-kumpanija Matthew Harvey Sanders u lit-tim kollu ta’ Magisterium AI li jaħdmu biex dejjem jirfinaw din l-għodda.

Tista’ taċċessa l-pjattaforma hawnhekk.