VJAĠĠ APPOSTOLIKU FIL-KANADA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
«Quidi Vidi Lake» di St. John’s –
L-Erbgħa, 12 ta’ Settembru 1984
Għeżież ħuti fi Kristu.
1. Niżżu ħajr lill-Mulej Alla tagħna.
Ejjew nieħdu dan il-kliem mill-qalb stess tal-liturġija ewkaristika. Ewkaristija tfisser niżżu ħajr. Illum, waqt li qegħdin niltaqgħu madwar dan l-altar, l-ewwel xewqa tagħna hija dik li niżżu ħajr, niżżu ħajr flimkien lill-arċidijoċesi ta’ San Ġwann u lill-Knisja kollha ta’ Terranova, waqt li qiegħda tiċċelebra it-tieni ċentinarju tal-insedjament tagħha fil-gżira. Irridu nesprimu b’dan il-mod l-element l-iktar karatteristiku tal-liturġija ewkaristika.
Is-sagrifiċċju u t-talb tagħna magħqudin mas-sageifiċċju ta’ Ġesù Kristu – fl-identifikazzjoni sagramentali miegħu – huma fuq kollox att kbir ta’ iżżi ħajr tal-Knisja
Dan l-iżżi ħajr immudella l-ħajja spiritwali ta’ dawk li kienu dixxipli u konfessuri tar-Redentur fil-Kanada sa minn l-ewwel żminijiet.
Il-liturġija li qegħdin niċċelebraw illum hija mtenzjonata li tesprimi bl-aħjar mod il-fatt li l-ulied maskili u femminili ta’ Terranova, tal-Labrador u ta’ din l-art kollha, irradikati kif inhuma fil-misteru ta’ Kristu, jgħajtu lil Alla b’leħen spjegat u mill-qiegħ ta’ qalbhom: “Niżżu ħajr lill-Mulej Alla tagħna”.
2. Niżżu żajr għall-għana kollha tal-ħolqien.
Partikolarment għall-għana li fiha ħadu sehem il-ġenerazzjonijiet li ġew wara xulxin fil-Kanada” dawk li għexu hawn fl-imgħoddi skont il-prinċipji tal-kultura oriġinarja tagħhom, u dawk ukoll li ġew wara minn fuq il-baħar u bnew pass pass l-istrutturi ta’ ċiviltà ġdida u tal-kultura Kanadiża. Niżżu ħajr lill-Mulej għall-possibiltajiet ;I kienu offruti hawn lil familji bla numru tul il-korsa tas-snin, u għal-libertà u t-tama li minnha bbenefikaw.
Ngħajtu mela b’vuċi spjegata flimkien mas-salmista: “Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej, / tjubitu fuq kull ma għamel. Kull ma għamilt iroddlok ħajr, Mulej, / iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha, / Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru / fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu” (Sal 145, 9-11).
U waqt li nfaħħru lil Alla għas-sbuħija tan-natura ta’ din il-gżira u tal-Kanada kollha, nerġgħu naqraw b’għajnejn ta’ fidi x-xhieda tal-ħwejjeġ maħluqa, moħħna u qalbna iduru hekk lejn dak li, fis-sebà jum, ra dak li kien għamel, “u ra li kollox kien sewwa ħafna” (Gen 1, 31).
3. L-iżżi ħajr tagħna jitlà mill-ħwejjeġ maħluqa lil Alla nnifsu.
Niżżu ħajr lil Alla għaliex jeżisti: għall-fatt li hu huwa Alla, għan-natura tiegħu divina, għall-omnipotenza u l-qdusija tiegħu, għall-verità tiegħu u l-imħabba tiegħu, għall-pjan ta’ salvazzjoni etern tiegħu tal-bniedem u tad-dinja. Niżżu ħajr lill-Missier għall-Iben u l-Ispirtu Santu.
Niżżu ħajr lill-Iben għall-Missier, Niżżu ħajr l-Ispirtu Santu għaliex permezz tal-imħabba tal-Missier u tal-Iben huwa hu d-don mhux maħluq: is-sors tad-doni kollha tal-grazzja maħluqa
.
L-appostlu Pawlu jikteb: “Jiena ninżel għarkupptejja quddiem il-Missier li minnu tieħu isimha kull familja fis-sema u fl-art, biex skont l-għana tal-glorja tiegħu, jagħtikom li bil-qawwa tiegħu, tissaħħu fil-bniedem ta’ ġewwa” (Ef 3, 14-16).
Il-bniedem iħares f’qalbu, fl-“intern”, u jiżżi ħajr lill-misteru stess ta’ Alla. Infatti, il-bniedem kien maħluq “xbiha u xebħ ta’ Alla” (cf. Ġen 1, 26), u jiġi issa msejjaħ propju minħabba din ir-raġuni għal rendiment partikolari ta’ grazzji. Jiżżi ħajr lil Alla għaliex huwa Alla, li fih isib il-mudell etern tal-essenza umana tagħna. Niżżuh ħajr għan-natura divina tiegħu, għall-misteru bla tarf tat-Trinità, għall-Missier, l-Iben u l-Ispirtu Santu.
4. Ejjew niżżu ħajr għal dak kollu li hu opra u frott tal-grazzja, li biha l-qalb tal-bniedem tieħu sehem fil-ħajja ta’ Alla nnifsu.
Infatti, hekk imur ikompli Pawlu; “U li Kristu jgħammar f’qalbkom permezz tal-fidi, biex tniżżlu l-għeruq tagħkom fl-imħabba u fuqha tibnu ħajjitkom. B’hekk tkunu tistgħu tifhmu, flimkien mal-qaddisin kollha, x’inhu l-wisà u t-tul, l-għ,oli u l-fond tal-imħabba ta’ Kristu; u tagħrfu kemm l-imħabba ta’ Kristu tisboq kull għerf biex timtlew bil-milja kollha ta’ Alla” (Ef 3, 17-19).
Ejjew niżżu ħajr lil Alla għaliex hu huwa Alla: għall-milja assoluta li huwa hu.
U ejjew niżżu ħajr ukoll għal din id-dimensjoni tal-umanità tagħna li hija s-sehem tagħna fin-natura ta’ Alla, fil-ħajja intima ta’ Alla.
Ejjew niżżu ħajr tal-grazzja u tal-qdusija. B’mod partikplari tal-grazzja u l-qdusija li fiha ħadu sehem tul is-sekli, u għadhom jieħdu sehem , l-ulied subien u bniet ta’ dan il-Pajjiż. “Issa bierku lil Alla tal-univers / li kullimkien iwettaq ħwejjeġ kbar, / li minn ġuf ommna jgħollilna jiemna, / u li jimxi magħna skont ħnientu” (Sir 50, 22).
5. Niżżu verament ħajr għaliex hu, Alla, jippermetti lilna l-krejaturi umani li nieħdu sehem fil-missjoni messjanika ta’ Ġesù Kristu, Ibnu etern li sar bniedem. Niżżuh ħajr għaliex għamilna l-poplu ta’ Alla u qiegħed fil-missjoni terrena tagħna s-siġill saċerdotali, profetiku u rjali fis-sehem tagħna fil-missjoni ta’ Kristu nnifsu.
Kristu jgħidilna llum fil-Vanġelu: “Intom il-melħ tal-art; imma jekk il-melħ jaqta, biex jerġa jieħu t-togħma tiegħu? . . . Intom id-dawl tad-dinja; belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt is-siegħ, imma fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar” (Mt 5, 13.15).
Dan kliem elokwenti, kliem esiġenti. U fid-dawl ta’ dan il-kliem niżżu ħajr għall-vokazzjoni nisranija tagħna.
Irridu nifhmu din il-vokazzjoni fil-forom differenti kollha tagħha, u nippenetraw fiha bid-dawl tal-fidi u ta’ ruħna. Irridu nikkorrispondu ma’ din il-vokazzjoni. Dan irriduh b’qalbna kollha!
B’liema mod ieħor nistgħu nesprimu l-iżżi ħajr tagħna għad-don tal-vokazzjoni tagħna f’Ġesù Kristu?
6. Ejjew noffru iżżi ħajr tassew speċjali f’dan il-waqt għall-familji nsara tagħna. Magħqudin ma’ Ibnu Ġesù Kristu Sidna nirringrazzjaw lill-Missier “li minnu kull familja tieħu isimha”. Nirringrazzjawh:
– għal dawk il-familji kollha numerużi fil-Kanada kollha li ħajjithom tixhed “is-sbuħija u l-kobor tal-vokazzjoni għall-imħabba u s-servizz tal-ħajja” (Familiaris Consortio, 1);
– għall-imħabba profonda li l-miżżewġin jibdlu fil-komunjoni tal-ħajja miżżewġa, billi jżommu ħajja fid-dinja xbiha assolutament speċjali tal-imħabba ta’ Alla;
– għall-ħajja ta’ fedeltà reċiproka migħuxa minn koppji bla numru grazzi għall-qawwa tal-grazzja sagramentali;
– għal dawk il-koppji kollha li jisfurzaw b’mod ġeneruż li jsegwu l-pjan ta’ Alla għall-imħabba umana, kif tiġi espressa mit-tagħlim tal-Knisja fl-Humanae Vitae u fil-Familiaris Consortio, u li ż-żwieġ tagħhom huwa dejjem miftuħ għall-ħajja ġdida;
– u għal dawk kollha li jikkontribwixxu biex jedukaw koppji fil-pjanifikazzjoni naturali tal-familja;
– għas-servizz kbir, straordinarju mogħti mill-ġenituri biex iġibu membri ġodda għall-korp mistiku ta’ Kristu;
– għall-impenn kontinwu tal-missirijiet u tal-ommijiet fl-edukazzjoni tal-ulied għall-maturità nisranija;
– għall-familji li fit-tbatija, fin-niket u fid-diffikultajiet ekonomiċi jgħixu ħajja ta’ tama nisranija;
– għall-impenn tal-familji, bi qbil mat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II, biex jieħdu sehem b’mod attiv fil-missjoni tal-Knisja, bħala komunità kredenti u evanġelizzanti u bħala komunità djaloganti ma’ Alla u għas-servizz tal-bniedem;
– għall-isforz tal-familji nsara intenzjonati biex jgħinu liż-żgħażagħ ħalli jifhmu d-dinjità taż-żwieġ u biex iħejju lilhom infushom b’mod adegwat għal din il-vokazzjoni;
– għall-impenn imġedded tal-Knisja biex issostni u tgħallem il-qdusija u l-għaqda tal-familja, u għall-imħabba ġeneruża li biha tant saċerdoti u reliġjużi jiddedikaw l-enerġiji tagħhom għall-bini tal-ħajja familjari;
– għall-isforzi ta’ dawk il-familji li ltaqgħu ma’ problemi u diffikultajiet, imma li pperseveraw fil-konvinzjoni li l-imħabba eterna u indistruttibbli ta’ Alla għall-bniedem tkun espressa fil-pass li ma jinħallx taż-żwieġ sagramentali tagħhom;
– għax-xhieda speċjali għat-tagħlim ta’ Kristu dwar l-indissolubiltà taż-żwieġ magħmula mill-miżżewġin li jġarrbu id-dulur tas-separazzjoni, tal-abbandun jew tad-divorzju; għat-trażmissjoni tal-messaġġ tal-Vanġelu fil-familji nsara, u għall-evanġelizzazzjoni li ssir mill-familji fil-konfront tal-ġirien tagħhom u fl-ambjenti tax-xogħol tagħhom;
– għall-familji numerużi li jitolbu flimkien u li jiksbu qawwa mill-kult ta’ Alla;
– għall-familji li jħaddnu s-salib u jieħdu sehem fil-ferħ nisrani għall-misteru paskwali ta’ Sidna Ġesù;
Iva, aħna niżżu ħajr u nfaħħru lil Alla Missierna għall-familji kollha nsara – u huma leġġjun qawwi – li jisimgħu il-kliem ta’ ħajja ta’ Ġesù Kristu Ibnu: “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5, 16).
7. Jalla l-familji nsara kollha tad-dinja, u jalla aħna wkoll, inwieġbu għall-vokazzjoni tagħna nisranija, kull wieħed u waħda skont id-doni riċevuti. Kull wieħed u waħda minna, permezz tax-xhieda tal-opri tajbin tagħna. Jalla kull wieħed u waħda minna nisimgħu s-sejħa biex nagħtu glorja lil Alla Sidna!
Niżżu ħajr tfisser nuru l-glorja ta’ Alla f’kull wieħed u waħda minna.
Il-bniedem, li tqiegħed minn Alla f’nofs id-dinja viżibbli, il-bniedem, li Alla assoċjah mal-misteru tal-ħolqien u mal-misteru tal-fidwa għall-grazzja tiegħu, dan il-bniedem huwa msejjaħ għall-glorja.
Waqt illi bl-iżżi ħajr huwa juri l-glorja ta’ Alla li huwa preżenti fil-ħwejjeġ kollha, il-bniedem jirċievi l-assikurazzjoni tal-glorja li trid tiġi li se tkun irrivelata lilu.
Ħuti għeżież ta’ Terranova, tal-Labrador u tal-Kanada kollha” ejjew niżżu ħajr lill-Mulej Alla tagħna!
Hija ħaġa ġusta li niżżu ħajr u nfaħħru. Amen.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb