Il-Papa Ljun se jippresiedi tifkira ekumenika tal-martri ta’ żmienna

10/09/2025: Il-Papa Ljun XIV se jippresiedi servizz ta’ talb biex ifakkar il-ħafna Nsara ta’ żmienna li nqatlu minħabba l-fidi tagħhom fi Kristu.

Ritratt: Vatican News

Il-Kap tal-Knisja Kattolika se jingħaqad ma’ rappreżentanti ta’ Knejjes Insara u komunitajiet ekkleżjali oħra għal “Tifkira Ekumenika tal-Martri u x-Xhieda tal-Fidi tas-Seklu 21”, li se tinżamm fil-Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes, il-Ħadd 14 ta’ Settembru, fil-Bażilika Papali ta’ San Paolo Fuori le Mura.

Il-kommemorazzjoni hi inizjattiva tad-Dikasteru għall-Kawżi tal-Qaddisin u l-Kummissjoni tagħha għal Martri u Xhieda tal-Fidi Ġodda, li twaqqfet fl-2023 mill-Papa Franġisku “biex tidentifika x-Xhieda tal-Fidi f’dan l-ewwel kwart tas-seklu u biex tkompli tagħmel hekk fil-futur”.

Meta nhar il-Ġimgħa kellem lil membri tal-Grupp Ekumeniku Konġunt ta’ Ħidma tal-Knisja Kattolika u l-Kunsill Dinji tal-Knejjes, il-Prefett tad-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Għaqda tal-Insara, il-Kardinal Kurt Koch, qal li t-tifkira “se tagħti espressjoni viżibbli lill-konvinzjoni li l-Knisja diġà hi waħda fid-demm tal-martri tagħha”.

Inżommu ħajja l-memorja

Fil-konferenza stampa tat-Tnejn li fiha ġie pprżentat dan l-avveniment, il-President tal-Kummissjoni għal Martri Ġodda, l-Arċisqof Fabio Fabene, fisser il-ħidma tal-Kummissjoni, u qal li r-riċerka tagħhom “ħaddnet id-denominazzjonijiet Insara kollha, għax il-vitalità tal-magħmudija tgħaqqad lill-Insara kollha li taw ħajjithom”, u żied li “hekk iseħħ l-‘ekumeniżmu tad-demm’, kif San Ġwanni Pawlu II kien iħobb isejjaħ il-martirju”.

“Il-Knisja diġà hi magħquda”, kompla l-Arċisqof Fabene, “u l-Papa Ljun jittama li d-demm ta’ dawn il-martri jkun ‘żerriegħa ta’ paċi, rikonċiljazzjoni, fraternità u mħabba’”. Huwa żied li “l-ħidma ta’ dokumentazzjoni tal-Kummissjoni għandha tiżgura li dawn l-istejjer ma jintilfux, imma jiġu ppreservati fil-memorja”.

Il-‘ġeografija’ tal-martri ta’ żmienna

Wara r-rimarki tal-Arċisqof Fabene, il-Profesur Andrea Riccardi, Viċi-President tal-Kummissjoni, fisser il-“ġeografija” tax-xhieda tal-fidi, u osserva l-għadd ta’ dawk li ġew maqtula fil-kontinent Amerikan minħabba kriminalità organizzata, traffikanti tad-droga, jew dawk li jabbużaw mill-ambjent; il-martri tal-Ewropa, inklużi missjunarji li nqatlu f’artijiet imbiegħda; il-persekuzzjonijiet fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq, speċjalment tal-Insara Orjentali; u l-Insara li kienu waqt it-talb fl-Asja, bħall-vittmi tal-isparaturi nhar l-Għid fi Sri Lanka fl-2019.

Il-Professur Riccardi nnota li l-Afrika mis-Sahara ’l isfel hi l-kontinent “fejn imutu l-aktar Insara”, b’riferiment għall-vittmi ta’ attakki Jiħadisti, kif ukoll għall-vjolenza etnika-politika mmirata lejn missjunarji.

Hu qal li b’xorti ħażina “għadhom imutu Nsara” mad-dinja kollha. “Il-manjiera ta’ ħajjithom u ta’ mewthom tinbidel, imma għadhom imutu bħala xhieda tal-Vanġelu – b’passjoni għal Alla u għal ħuthom, qaddejja awtentiċi tal-umanità, komunikaturi ħielsa tal-fidi”.

Inkuraġġiment kbir b’risq l-għaqda

Fl-aħħar, is-Segretarju tal-Kummissjoni, Mons. Marco Gnavi, spjega li t-tifkira tax-xhieda tal-fidi tas-seklu 21 se tieħu l-forma ta’ Liturġija tal-Kelma, ippreseduta mill-Papa Ljun, bis-sehem ta’ 24 rappreżentant ta’ diversi denominazzjonijiet Insara. “Huma jirrappreżentaw l-oikoumene Kristjan li jixtieq li jkun immarkat minn dan il-wirt”, huwa qal.

Mons. Gnavi fisser kif “il-liturġija se tippermetti lill-Kelma ta’ Alla tkellem u twessa’ l-memorja tagħna biex tinkludi dik ta’ Nsara ta’ konfessjonijiet oħra”, u żied li din tkompli ma’ ċelebrazzjoni ekumenika simili li mexxa l-Papa San Ġwanni Pawlu II fil-Kolossew fil-Ġublew il-Kbir tas-sena 2000.

Innota li ċ-ċerimonja se tinkludi x-xhieda ta’ wħud mill-martri: “Li nkunu biswit xulxin, waqt li l-martri jitkellmu dwar ħajjithom permezz ta’ mewthom, dan hu inkuraġġiment kbir b’risq l-għaqda – bejnietna u fi ħdan il-familja umana kollha li lkoll nixxennqu għaliha fl-imħabba”.

Artiklu miktub minn Francesco Pio Attard

Sors: www.knisja.mt
Ritratt: www.knisja.mt/ritratti

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading