Messaġġ tal-Papa Ljun XIV għal-laqgħa inter-reliġuża fil-Bangladesh

MESSAĠĠ TAL-QSUDIJA TIEGĦU LJUN XIV
LILL-PARTEĊIPANTI FIL-LAQGĦA INTER-RELIĠJUŻA

FIL-BANGLADESH
[6-12 ta’ Settembru, 2025]

Bi pjaċir u ħbiberija nsellem lill-parteċipanti li qed jieħdu sehem fil-laqgħa inter-reliġjuża fil-Bangladesh.  Fuq kollox nawguralkom paċi li tista’ tiġi biss minn Alla, paċi li tkun «diżarmata u diżarmanti, umli u perseveranti»  u li «tfittex dejjem il-karità, tfittex dejjem li tkun qrib, speċjalment ta’ min qed isofri» (L-ewwel barka «Urbi et Orbi», 8 ta’ Mejju, 2025). 

Nifraħ lill-orgnizzaturi ta’ dil-laqgħa li għażlu t-tema «Nippromwovu l-kultura tal-armonija bejn l-aħwa».  Fil-fatt, din it-tema hi mera tal-ispirtu ta’ ftuħ fratern tal-persuni ta’ rieda tajba biex isaħħu l-għaqda mal-membri ta’ tradizzjonijiet reliġjużi oħra.  Minbarra dan, hi frott tal-konvinzjoni li l-komunità umana tagħna għandha tkun għaqda waħda taħt Alla, kemm fl-oriġini u wkoll fl-għan (cfr Nostra aetate, 28 ta’ Ottubru 1965, nu. 1).  Aħna lkoll uliedu, u għalhekk aħwa.  Bħal familja waħda naqsmu l-opportunitajiet u r-responsabbiltà li nkomplu nikkultivaw kultura ta’ armonija u paċi.

F’das-sens nistgħu nitkellmu bla tlaqliq dwar «kultura» minn żewġ aspetti.  Il-kultura tista’ tfisser il-wirt għani tal-arti, tal-ideat u tal-istituzzjonijiet soċjali karatteristiċi ta’ kull poplu.  Fl-istess waqt il-kultura nistgħu nqisuha wkoll bħala ambjent għammiel li jseddaq it-tkabbir.  Propju l-istess bħalma l-pjanti differenti jwarrdu qrib xulxin f’ekosistema sân, kultura soċjali sana tippermetti lill- komunitajiet differenti jimxu ‘l quddiem f’armonija.  Kultura bħal din għandha tkun ikkultivata bl-attenzjoni.  Teħtieġ ix-xemx tal-verità, l-ilma tal-karità u l-ħamrija tal-libertà u tal-ġustizzja.  Iż-żminijiet imdallma tal-istorja għallmuna li meta nittraskuraw il-kultura tal-armonija, il-ħaxix ħażin jista’ jifga’ l-paċi.  Is-suspett irabbi l-għeruq; l-istereotipi jsiru aktar riġidi, l-estremisti jisfruttaw il-biżgħat biex jiżirgħu l-firda.  Flimkien, bħala aħwa fid-djalogu inter-reliġjuż, inkunu qiesna ġardinari li jikkuraw l-għalqa tal-fraternita, inkunu ta’ għajnuna reċiproka biex id-djalogu nżommuh ħaj u fertili, neliminaw il-ħaxix ħażin tal-preġudizzju.

Fil-fatt, dak li qed taqsmu bejnietkom illum hu xhieda sabiħa ta’ dan.  Hu affermazzjoni li d-differenzi tat-twemmin u tal-oriġini mhux bilfors huma sors ta’ firda.  Għall-kuntrarju, il-laqgħa fi spirtu ta’ ħbiberija u djalogu tgħinna ningħaqdu kontra l-qawwiet tal-firda, tal-mibegħda u tal-vjolenza, li spiss kienu l-flaġell tal-umanità.  Fejn l-oħrajn jiżirgħu d-diffidenza, aħna nagħżlu l-fiduċja;  fejn oħrajn jiżirgħu l-biża’,  aħna nfittxu li nifhmu ‘l xulxin; id-differenzi li l-oħrajn iqisuhom ostakli,  għalina huma  toroq ta’ arrikkiment reċiproku (cfr. Franġisku Laqgħa ekumenika u inter-reliġjuża għall-paċi 1 ta’ Diċembru, 2017).

Fil-verità, il-bini ta’ kultura armonjuża jfisser li nixxerjaw flimkien mhux biss l-ideat imma wkoll l-esperjenzi konkreti.  Kif ifakkarna San Ġakbu: “Quddiem Alla u Missierna r-reliġjon ġenwiena u bla tebgħa hija din: iżżur l-iltiema u r-romol fl-hemm tagħhom” (Ġak 1,27).  Minn dan l-aspett nistgħu ngħidu li qies awtentiku tal-ħbiberija inter-reliġjuża hu d-disponibbiltà li nkunu flimkien biex inservu lil min hu l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.  Il-Bangladesh diġà ta’ xhieda u kien eżempju ta’ din l-għaqda dawn l-aħħar snin, fejn persuni ta’ twemmin differenti ingħaqdu bis-solidarjetà u t-talb fi żmien ta’ diżastri naturali jew traġedji oħra.  Ġesti bħal dawn jibnu l-pontijiet – bejn it-twemmin, bejn teorija u prattika, bejn il-komunitajiet – b’mod li n-nies tal-Bangladesh, u fil-fatt tal-umanità kollha, jistgħu jgħaddu mis-suspett għall-fiduċja, mill-iżolament għall-kollaborazzjoni.  Isaħħu wkoll ir-reżiljenza tal-komunitajiet quddiem l-ilħna tal-firda.  Il-koperazzjoni f’kull opra tajba hi antidotu effikaċi ħafna kontra l-forzi li jridu jkaxkruna lejn l-ostilità u l-aggressjoni.  Meta d-djalogu ta’ bejnietna ngħixuh bl-azzjoni, ikun qed jidwi messaġġ ta’ qawwa kbira: messaġġ li jfisser paċi, mhux il-kunflitt, l-aktar ħolma għal qalbna: li l-bini ta’ dil-paċi hu impenn li qed naffrontawh flimkien.

B’dawn is-sentimenti nixtieq intenni li l-Knisja kattolika hi impenjata li tterraq dit-triq spalla ma’ spalla magħkom.  Kultant, in-nuqqas ta’ ftehim jew ġrieħi tal-imgħoddi jistgħu jtaqqlu l-passi tagħna.  Madankollu ejjew nagħmlu kuraġġ lil xulxin biex ma naqtgħux qalbna u nipperseveraw.  Kull diskussjoni tal-grupp, kull proġett ta’ servizz komuni jew ta’ ikla flimkien, kull kortesija li nuru lejn qaribna ta’ reliġjon oħra huma knaten fil-binja ta’ dik li San Ġwanni Pawlu II kien sejħilha “ċ-ċiviltà tal-imħabba” (Messaġġ għall-XXXIV Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta’ Jannar, 2001).

Niżgurakom li nħobbkom fraternament u li nitlob għalikom.  Jalla l-Aktar Għoli jbierek lil kull wieħed u waħda minnkom, lill-familji tagħkom u l-komunitajiet tagħkom.  Jalla jbierek lil pajjiżkom dejjem aktar b’għaqda sfiqa ta’ armonija u paċi.  U jalla jbierek id-dinja tagħna, li għandha bżonn urġenti tad-dawl tal-fraternità.

Mill-Vatikan, 28 ta’ Awwissu, 2025

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading