LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 10 ta’ Settembru 2025
Ċiklu ta’ Katekeżi – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. III. L-Għid ta’ Ġesù.6. Il-mewt. “Ġesù għajjat għajta kbira u radd ruħu” (Mk 15:37)
Għeżież ħuti,
l-għodwa t-tajba u grazzi tal-preżenza tagħkom, xhieda mill-isbaħ!
Illum qed nikkontemplaw il-qofol tal-ħajja ta’ Ġesù f’din id-dinja: il-mewt tiegħu fuq is-salib. Il-Vanġeli jagħtuna dettall prezzjuż ħafna, li jixraq li jiġi kkontemplat bl-intelliġenza tal-fidi. Fuq is-salib, Ġesù ma jmutx fis-skiet. Ma jintefiex ftit ftit, bħal dawl li jikkonsma, imma jħalli l-ħajja b’għajta: “Ġesù għajjat għajta kbira u radd ruħu” (Mk 15:37). Dik l-għajta tiġbor kollox: tbatija, abbandun, fidi, offerta. Mhuwiex sempliċiment il-leħen ta’ ġisem li qed iċedi, imma s-sinjal aħħari ta’ ħajja li tingħata.
Qabel l-għajta ta’ Ġesù hemm mistoqsija, waħda mill-aktar qawwija li jistgħu jiġu mlissna: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”. Huwa l-ewwel vers tas-Salm 22, imma fuq fomm Ġesù fih piż uniku. L-Iben, li dejjem għex f’għaqda sħiħa mal-Missier, iġarrab il-ħemda, l-assenza, l-abbiss. Hawn m’għandniex kriżi ta’ fidi, imma l-aħħar tappa ta’ mħabba li tingħata sal-aħħar. L-għajta ta’ Ġesù mhijiex disperazzjoni, imma sinċerità, verità mwassla sal-limitu, fiduċja li tibqa’ tirreżisti mqar meta kollox jiskot.
F’dak il-mument, is-sema jiddallam u l-purtiera tat-Tempju tiċċarrat (ara Mk 15:33,38). Bħallikieku l-istess ħolqien kien qed jieħu sehem f’dik it-tbatija, u flimkien urewna xi ħaġa ġdida: Alla ma għadux jgħammar iżjed wara purtiera, il-wiċċ tiegħu issa jidher sħiħ fl-Imsallab. Huwa hemm, f’dak il-bniedem imfarrak, li tidher l-ikbar imħabba. Huwa hemm li nistgħu nagħrfu Alla li ma jibqax distanti, imma jieħu sehem sal-aħħar nett fit-tbatija tagħna.
Iċ-ċenturjun, pagan, jifhmu dan. Mhux għax sema’ diskors, imma għax ra jmut lil Ġesù b’dak il-mod: “Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla!” (Mk 15:39). Hija l-ewwel stqarrija ta’ fidi wara l-mewt ta’ Ġesù. Huwa l-frott ta’ karba li ma taritx mar-riħ, imma messet qalb. Xi drabi, dak li ma jirnexxilniex ngħidu bil-kliem, nesprimuh bil-vuċi. Meta l-qalb hi mimlija, hi tgħajjat. U dan mhux dejjem hu sinjal ta’ dgħufija, imma jista’ jkun att profond ta’ umanità.
Aħna mdorrijin naħsbu fl-għajta bħala xi ħaġa kerha, ta’ min jistkerrahha. Il-Vanġelu jagħti lill-għajta tagħna valur għoli ħafna, għax ifakkarna li tista’ tkun invokazzjoni, protesta, xewqa, għotja. Saħansitra, tista’ tkun l-ogħla għamla ta’ talb, meta ma jibqgħalniex iżjed kliem. F’dik l-għajta, Ġesù qiegħed dak kollu li kien baqagħlu: l-imħabba kollha tiegħu, it-tama kollha tiegħu.
Iva, għax fl-għajta hemm dan ukoll: tama li ma tirrassenjax ruħha. Ngħajtu meta nemmnu li għad hemm xi ħadd li jista’ jismagħna. Ngħajtu mhux b’disperazzjoni, imma b’xewqa. Ġesù ma għajjatx kontra l-Missier, imma lill-Missier. Imqar fis-skiet, kien konvint li l-Missier kien jinsab hemm. U hekk uriena li t-tama tagħna tista’ tgħajjat, saħansitra meta kollox jidher mitluf.
Allura li tgħajjat isir ġest spiritwali. Mhuwiex biss l-ewwel att tat-twelid tagħna – meta niġu fid-dinja, aħna nokorbu –: huwa wkoll mod kif nibqgħu ħajjin. Ngħajtu meta nbatu, imma anki meta nħobbu, insejħu, nitolbu. Ngħajtu jfisser li aħna hawn qegħdin, li ma rridux li nintesew fil-ħemda, li għad fadlilna xi ħaġa x’noffru.
Fil-vjaġġ tal-ħajja, hemm mumenti li fihom meta żżomm kollox ġo fik tkun tittiekel ftit ftit minn ġewwa. Ġesù jgħallimna ma nibżgħux ngħajtu, sakemm dan ikun b’sinċerità, umiltà, orjentat lejn il-Missier. Għajta qatt ma hi bla siwi, jekk tinbet mill-imħabba. U qatt ma hi injorata, jekk hi mogħtija lil Alla. Hija triq biex ma nċedux għaċ-ċiniżmu, biex inkomplu nemmnu li hemm dinja oħra possibbli.
Għeżież ħuti, nitgħallmu dan ukoll mill-Mulej Ġesù: nitgħallmu l-karba tat-tama meta tasal is-siegħa tal-aħħar prova. Mhux biex infieru, imma biex nafdaw ruħna. Mhux biex nerfgħu leħinna kontra xi ħadd, imma biex niftħu qalbna. Jekk l-għajta tagħna tkun vera, tista’ tkun l-għatba ta’ dawl ġdid, ta’ twelid ġdid. Kif kienet għal Ġesù: meta kollox deher li spiċċa, fir-realtà s-salvazzjoni kienet waslet biex tibda. Jekk jimmanifesta ruħu bil-fiduċja u l-libertà ta’ wlied Alla, il-leħen tat-tbatija tal-umanità tagħna, magħqud mal-leħen ta’ Kristu, jista’ jsir għajn ta’ tama għalina u għal min jinsab maġenbna.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard