Mard u Fejqan

Kitba ta’ Dun Pawl Sciberras

Il-mard hu fenomenu ikraħ fil-ħajja tal-bniedem. Kulħadd jibża’ minnu u kulħadd jagħmel li jista’ biex ibiegħed minnu l-kawżi tiegħu. F’ħafna każijiet ta’ mard, fejn ma kinux jaslu biex jagħrfu l-kawżi naturali tagħhom, l-antiki kienu jwaħħlu fl-influwenza ta’ spirti ħżiena, għedewwa tal-bniedem, jew fl-għadab tal-allat irrabjati minħabba l- ħtija tal-bnedmin. Għalkemm il-Lhud kienu jistmerru l-allat foloz tal-pagani, dwar il-mard li ma kinux jafu l-kawża tiegħu kienu jifhmuha bħalhom ukoll. Kienu jemmnu li l-mard kien kastig tad-dnub jew l-effett tal-ħakma tax-xitan.

Kienu jafu bil-kawżi naturali ta’ xi mard, bħan-nuqqas ta’ saħħa, l-għeja, ix-xjuħija jew xi inċidenti fil-ħajja (Salm 32,3; 38,2-11; 88,2-8; 102,4-5.24-25; Koħ 12,1-6). Imma ladarba Alla hu s-Sid assolut ta’ kollox u kollox jiddependi minnu, il-mard ukoll hu “daqqiet” jew kastig tiegħu minħabba l-ħażen tal-bniedem. “B’kastig tal-ħażen int tgħakkes il-bniedem” (Salm 39,11-12; Ġob 16,12; 19,21). Aġenti oħra b’saħħithom aktar mill-bniedem setgħu jkunu, kif kienu jaħsbu huma, kawżi tal-mard, imma dejjem b’dipendenza minn Alla li jista’ kollox. Hekk l-anġlu tal-Mulej li jġib il-pesta (2 Sam 24,15-16; 2 Slat 19,35; Salm 91, 5-6) jew ix-xitan (Ġob 2,7).

Din kienet il-mentalità ġenerali tan-nies ta’ Iżrael ta’ żmien il-Bibbja. Fuq kollox kellhom qawwi f’moħħhom il-ħsieb tar-rabta bejn id-dnub u l-mard. Alla l-Ħallieq għamel kollox tajjeb u lill-bniedem ħalqu biex jgħix fil-hena (Ġen 2). Imma l-mard imur kontra dan il-pjan ta’ Alla. Għalhekk mhuwiex ġej minn Alla. Ġej mid-dnub jew daħal b’kastig tad-dnub. Din hi t-tifsira li jagħti l-awtur tal-Ġenesi (3,16-19). Il-mard bħall-mewt daħal fid-dinja minħabba d-dnub (Rum 5,12 ). Għalhekk il-marid, meta kien jitlob ’l Alla jfejqu mill-mard, kien jitolbu wkoll jaħfirlu dnubietu (Salm 38,2-6; 39,9-12; 107,17). Għalihom kienet problema jekk il-mard kienx piena tad-dnub personali jew tad-dnub tal-komunità (ara Ġw 9,2). Il-mard seta’ jkun ukoll minn Alla fuq bnedmin ġusti bi prova tal-fedeltà tagħhom lejh, bħal fil-każ ta’ Ġob u ta’ Tobit. Jew ukoll biex il-ġust ibati bi tpattija għal ħutu ħatjin, bħall-każ tal-Qaddej tal-Mulej (Is 53,4-12). Il-mard, bħal kull xorta ta’ tbatija, ukoll bil-valur pożittiv u salvifiku tiegħu, mhuwiex l-ideal u lanqas hu skont il-pjan ta’ Alla li ħalaq il-bniedem biex ikun hieni. Għalhekk il-profeti kienu jħarsu ’l quddiem lejn iż-żmien il-ġdid meta ma jkunx hemm iżjed la mard u lanqas tbatija (Is 25,8; 35,5-6; 63,17-19).

It-Testment il-Ġdid juri li din il-ħolma saret reali bil-missjoni ta’ Ġesù Kristu. L-Evanġelji juru ’l Ġesùjfejjaq kull xorta ta’ mard (Mt 11,5; Lq 7,21-22; eċċ.). F’dan il-fatt l-awturi tal-Evanġelju raw iseħħ dak li kien ħabbar il-profeta Isaija, meta qal: “Hu refa’ fuqu l-mard tagħna, u tgħabba bl-uġigħ tagħna” (Mt 8,17; ara Is 53,4). L-Evanġelisti jsemmu l-mirakli tal-fejqan mill-mard li għamel Ġesu bi skop apoloġetiku, biex juru li hu l-Messija għax fih seħħew il-profeziji messjaniċi; u wkoll li hu s-Salvatur, li ġie biex isalva u jeħles il-bnedmin mill-miżerji tagħhom. L-ewwel u l-aqwa mid-dnub u mill-konsegwenzi tiegħu. Il-mard hu simbolu tad-dnub; il-marid hu figura tal-bniedem fl-istat tad-dnub. Dan hu l-agħma, it-trux, l-imniġġes, il-maħkum mix- xitan… Bil-mirakli tal-fejqan mill-mard tal-ġisem Ġesù wera li hu ġie jagħti lill- bnedmin il-fejqan mill-mard tar-ruħ, li hu d-dnub. Dan fissru b’mod ċar fil-fejqan tar-raġel mifluġ (Mk 2,1-12 par.). U bi kliem aktar ċar meta qal li hu ġie bħala tabib li jfejjaq il-midinbin (Mk 2,17 par). Hu f’dan l-ispirtu li aħna wkoll għandna nieħdu l-mard tagħna u tbatijiet oħra ta’ ħajjitna. Ġesù Sidna, li fejjaq il-morda ta’ żmienu, ma fejjaqx lilu nnifsu u ma ħelisx mit-tbatija meta ġiet is-siegħa tiegħu. Lanqas issa ma jeħles lilna mill-mard li għandna nġorru fuqna bħala parti mid-destin tagħna. Bħala dixxipli tiegħu għandna nifhmu li xortina ma għandhiex tkun aħjar minn tiegħu, iżda għall-anqas bħal tiegħu (Mt 10,24 par). Jekk hu refa’ s-salib u mexa quddiem, id-dixxipli tiegħu għandhom jerfgħu salibhom u jimxu warajh (Mk 8,34 par). Il-mard hu biċċa minn salibna. Meta jiġi fuqna, jeħtieġ nerfgħuh ukoll u nimxu bih wara l- Imgħallem tagħna. Biex hekk “intemmu f’ġisimna dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja” (Kol 1,24). 

Aktar fid-Dizzjunarju Bibliku minn Dun Pawl Sciberras …

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading