Is-26 Ħadd matul is-Sena Ċ. Ħsieb ta’ D. Edward Vella

Skont statistika reċenti kull sena 9 miljun ruħ imutu bil-ġuħ jew għax neqsin minn mediċina bażika: minn dawn aktar minn 3 miljuni huma tfal. Dan ifisser li kull 10 sekondi tifel jew tifla jmut jew tmut bil-ġuħ, u kuljum imutu madwar 25000 ruħ bil-guħ. Dan ifakkarni fil-film Schindler’s List, film li jittratta l-atroċitajiet mwettqa min-Nażismu fit-tieni gwerra dinjija: iżda Schindler, li kien membru prominenti tal-partit Nażista, kien bniedem differenti; huwa nqeda bil-fabbrika żgħira li kellu fi Krakovja fil-Polonja, u li kienet tħaddem xi 60 ruħ biex isalva ħafna nies. Huwa kien iħallas lil dawk ta’ fuqu għal-Lhud li kienu sejrin biex jinqatlu fil-kamp ta’ konċentrament billi jgħidilhom li għandu bżonnhom fil-fabbrika. Fi tmiem il-ġwerra ‘jaħdmu’ fil-fabbrika tiegħu kien hemm aktar minn 1200 ruħ, li kien salvalhom ħajjithom minn mewt atroċi.

Il-film jispiċċa b’xena kommoventi ħafna; il-ġwerra kienet waslet fi tmiemha, l-armata Russa kienet dieħla fi Krakovja, u hu, peress li kien membru tal-partit Nażista kien żgur li jiġi maqtul, u għalhekk kien qiegħed jitħejja biex jaħrab bil-karozza tiegħu. Kif kien imdawwar bil-ħaddiema tal-fabbrika tiegħu, huwa jħares lejhom u jinfexx f’bikja kbira, u joħroġ il-pinna tad-deheb mill-but u jgħid, “Ara x’għamilt, b’din stajt salvajt 3 min-nies oħra’, joħroġ l-arloġġ tad-deheb mill-but u jgħid, “u b’dan 5 min-nies oħra”, iħares lejn il-karozza u jgħid waqt li jolfoq, “u b’din stajt salvajt 30 ruħ oħra”. Nibża li quddiem il-faqar ta’ dawn ħutna li ma għandhom xejn, jien ukoll hekk għad inħossni x’ħin nidher quddiem Alla, x’ħin nirrealizza li stajt salvajt tant ħajjiet mill-mewt bil-ġuħ u dan forsi ma għamiltux biżżejjed.

Il-qari tal-Kelma ta’ Alla tal-lum huwa qawwi u ċar ħafna: ‘“Ħażin għalihom dawk li f’Sijon għandhom moħħhom mistrieħ, dawk li qalbhom qawwija fil-muntanja tas-Samarija!… bla xejn ma jsewdu qalbhom għall-qerda ta’ Ġużeppi.’. Dawn huma dawk li Alla huwa dejjem fuq fommhom  għaliex qalbhom qawwija fil-muntanja tas-Samarija fejn kellhom it-tempju, iżda ma jimpurtahomx mill-fqir u l-batut, jimpurtahom biss li jgħixu fil-lussu. Ma hemmx ħaġa li togħġob lil Alla aktar milli meta jara lil uliedu jinħabbu bejniethom u jieħdu ħsieb xulxin, u ma hemmx ħaġa li Alla jistmell aktar minn meta wliedu ma jħobbux u ma jgħinux lil xulxin.

Il-Fariżej kienu mingħalihom li huma xi qaddisin jimxu fl-art, u fl-istess ħin ma jimpurtahomx mill-proxxmu tagħhom; kienu nies ħsiebhom fil-flus u biex jidhru sbieħ, u fl-istess ħin il-ħin kollu jikkundannaw lil għajrhom. Ġesù juża parabbola biex jiftħilhom għajnejhom: l-għani tal-parabbola jixbaħ lilhom, huwa kien kuljum jagħmel ikla mill-aħjar, u fl-istess ħin ma jħennx għal Lazzru il-fqir. Interessanti li l-għani ma għandux isem, filwaqt li l-fqir għandu l-isem tal-akbar ħabib ta’ Ġesù, kif ukoll l-fqir imut u l-anġli jeħduh fi ħdan Abraham u l-għani jmut u jidfnuh. Tidher ċar fejn hija l-qalb tal-Mulej.

Interessanti wkoll r-risposta li Abraham jagħti lil għani meta dan jitolbu biex jibgħat anġlu biex iwissi lil ħutu: ‘Qallu Abraham: “Għandhom lil Mosè u l-Profeti; jisimgħu lilhom”, u x’ħin l-għani jinsisti, ‘“Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu”.’ Bl-Ingliż hemm espressjoni li fiha ħafna x’tifhem: “to throw away the baby with the bath water’. Dan jirreferi għal meta wieħed għax jara xi diffett f’x ħaġa jarmi kollox, it-tajjeb mal-ħażin. Sfortunatament ħafna hekk għamlu fejn tidħol il-Knisja.

Nitolbuk Mulej tagħtina qalb tixbaħ lil tiegħek, qalb ġeneruża li taf tagħder, thenn u tħobb: għinna ħalli nifhmu li ma nistgħux naħslu idejna quddiem il-faqar li hawn fid-dinja, iżda bħala Knisja, parroċċa u anke individwalment nagħmlu ħiltna kollha biex intaffu l-faqar mid-dinja. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading