Spiss ninnota li bosta ma napprezzawx biżżejjed il-qawwa tal-kliem li jiġu wżati waqt il-Quddiesa. L-istess aħna s-saċerdoti xi mindaqqiet ma nappreżżawx biżżejjed il-qawwa tal-kliem li aħna stess inlissnu, u xi mindaqqiet issib saħansitra lil min per eżempju malli jagħtu t-tislima li hija preskritta fir-rubrika tal-liturġija, daqs li kieku dawn il-kliem ma kienux biżżejjed qawwijin, tismagħhom jawguraw l-għodwa t-tajba lil dawk preżenti għal Quddiesa.
Issa biex aħna nawguraw ġurnata tajba lil xulxin, aħna ngħidu per eżempju: ‘l-għodwa t-tajba’, ‘bonġu’ jew ‘good morning’, meta l-liturġija tal-Quddiesa tilqagħna b’dawn il-kliem:
IL-GRAZZJA TA’ ALLA SIDNA ĠESU’ KRISTU,
L-IMĦABBA TA’ ALLA,
U L-GĦAQDA FL-ISPIRTU S-SANTU,
TKUN MAGĦKOM ILKOLL.

Mela innutaw sew permezz ta’ dawn il-kliem, l-istess Grazzja ta’ Sidna Ġesu’ Kristu (li hi nfinita), l-imħabba ta’ Alla (li wkoll hija nfinita), u l-għaqda fl-ispirtu s-Santu tingħata lilna bħala don għal gurnata ġdida jew għal lejla tajba.
L-aħwa għiduli intom x’għandna bżonn aktar minn tislima bħal din biex nibdew tajjeb il-ġurnata ?
Tibda l-ġurnata bis-smiegħ tal-Quddiesa
Niftakru żminijiet meta bosta kienu dawk li kienu jibdew il-ġurnata tax-xogħol billi jieħdu sehem f’Quddiesa. Per eżempju l-ewwel Quddies fil-Knisja ta’ Santa Tereża ġewwa Bormla, kif ukoll fil-Knejjes l-oħra tal-Kottonera kienu jkunu dejjem mimlija ħaddiema tat-Tarzna.
Illum il-ġurnata dejjem jonqsu dawk li jħossu li għandhom jibdew il-ġurnata billi jirċievu l-Grazzja ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, l-imħabba ta’ Alla u l-għaqda fl-ispirtu s-Santu.
B’danakollu bosta jsibu ħin filgħodu għal siegħa mixi jew fil-gym
Is-sabiħa hi mbagħad li żdiedu dawk li xorta jqumu kmiemi filgħodu, imma flok imorru jisimgħu Quddiesa, arhom sejrin il-gym (bil-karozza) qabel ma jmorru x-xogħol, jew inkella arhom jagħmlulek xi mixja ta’ madwar siegħa, xi mindaqqiet anki kmieni daqs il-ħamsa ta’ filgħodu.
Bil-maqlub ta’ dak li spiss naraw madwarna llum, kemm kienet drawwa qaddisa dik li tibda l-ġurnata bis-smiegħ tal-Quddiesa!!!!!
Il-Grazzja li nieħdu sehem fil-Quddiesa
X’xorti nħoss li għandna aħna s-saċerdoti li nistgħu nibdew il-ġurnata billi niċċelebraw il-Quddiesa!!!!
Fi żmien il-pandemija kemm irringrazzjajt lil Alla li kont saċerdot. Emmnuni ma nistax nifhem kif stajt inkampa bħala nisrani mingħajr ma niċċelebra kulljum il-Quddiesa!!!!!
Kieku tassew nifhmu l-qawwa tac-ċelebrazjoni tal-Quddiesa, kieku KULLJUM nieħdu sehem f’dan is-sagrifiċċju li fih Ġesu’ jerġa jagħti ħajtu għalina u jqum mil-ġdid għalina.
Oh x’qawwa tkun preżenti waqt dan il-kbir miraklu.
Mod sempliċi kif insiru sinjuri
Immaġina int tkun qrib tal-bieb tal-Bank meta miljunarju jidħol (kulljum) biex jiġbed per eżempju Eur 100,000, u int tinnota li huwa u ħiereġ dan is-sinjur jaqgħulu ruxmata karti tal-ħamsin Euro, karti tal-flus li hu ma jitbaxxix biex jiġbor.
Issa ejjew inkunu sinċieri, kieku int tkun taf b’dan, taħseb li kieku int ma kontx tmur tiġbor ftit minn dawk il-flus li jaqgħu lil dak is-sinjur ?
Waqt il-Quddiesa mhux ftit Euro jkunu qegħdin jaqgħu min idejn Alla, imma l-istess GRAZZJA TA’ SIDNA ĠESU KRISTU, L-IMĦABBA TA’ ALLA U L-GĦAQDA FL-ISPIRTU S-SANTU TKUN MAGĦNA LKOLL.
Grazzi Mulej talli ghoġbok taqsam ħajtek magħna u tfawwarna bil-grazzji tiegħek.