Dwar il-messaġġ tal-Papa Ljun XIV fl-Omelija tas-26 Ħadd tas-Sena Ċ

Kitba ta’ Daniel Borg

Il-Vanġelu tal-Lum ipoġġi quddiemna wieħed għani u wieħed fqir. L-għani jgħix ħajtu fil-ġid u ma jagħtix kas tal-fqir li qiegħed fuq l-għatba ta’ biebu. Madanakollu Alla jaf lill-fqir, u jgħajjatlu b’ismu, filwaqt li l-għani hu bla isem. Ir-rakkont ta’ Ġesu’ hu wieħed attwali.

Fuq l-għatba tal-ġid hemm is-sofferenza ta’ ħafna nies mifnija minn ħafna gwerer u sfruttament. Fl-omelija l-Papa jgħid li din l-istorja tirrepeti ruħha matul is-sekli. Fuq l-għatba tal-ġid minn jaf kemm hemm min qisu Lazzru li qiegħed imut quddiem min qiegħed jistagħna bil-ġid u jinsa l-ġustizzja. Il-Vanġelu imma jassigurana li s-sofferenzi ta’ Lazzru għandhom tmiem. Infatti filwaqt li l-għani jispiċċa jbati, Lazzru jispiċċa fi ħdan Abraham. U x’ħin l-għani jitlob lil Abraham biex dan jibgħat lil Lazzru mill-mewt, Abraham jgħidlu: “Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu.” Imma r-realta hu li xi ħadd qam, u dak hu Ġesu. LilU rridu nemmnu u nxandru! U Ġesu’ jbiddlilna ħajjitna.

Il-Papa jispiċċa l-omelija tiegħu fl-okkażżjoni tal-Ġublew tal-Katekisti, billi jgħid li ħadd ma jista’ jagħti minn dak li ma għandux. Kieku dak l-għani kellu ħniena minn Lazzru, l-Mulej kien isalvah. L-istess aħna. Meta aħna inkunu ttentati li ninħakmu mir-rebgħa u l-indifferenza, il-Lazzru ta’ quddiemna ifakkarna fil-Kelma ta’ Ġesu’, u jkun għalina ta’ konverżjoni.

Tista’ tara wkoll dan il-ħsieb fuq din il-ħolqa ta’ facebook:  https://www.facebook.com/daniel.borg.75/posts/pfbid02ZELFcVFkkKhxqwTE44rCXE2KonjKWRUswqg68RXKwh1D8Hsfwn5B3p31oEViathFl

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading