Żewġ Ħajjiet – Sfida Waħda. Omelija mill-Isqof Joe Galea Curmi 

Il-Ħadd, 28 ta’ Settembru 2025: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tas-sitta u għoxrin Ħadd ta’ matul is-sena fejn saret il-Griżma ta’ numru ta’ adulti. Knisja Parrokkjali tal-Lunzjata, Balzan.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi 

Ġesù llum jirrakkonta parabbola fejn għandna żewġ ħajjiet kompletament differenti: għandna raġel għani, lieḃes il-porpra u għażel mill-ifjen, li kien jgħix kuljum fil-lussu. Ma kienx sempliċement għani; kien għani b’mod esaġerat, indifferenti, iċċentrat fuqu nnifsu. Ħajtu kienet iddur mal-kumdità u l-pjaċir tiegħu. Fil-bieb tiegħu stess kien hemm Lazzru, fqajjar mimli feriti, jixtieq jiekol imqar minn dak li jaqa’ minn fuq il-mejda tiegħu. Il-klieb wrew aktar ħniena miegħu mill-bnedmin – “kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu” (Lq 16:21).

Dak li jolqtok mal-ewwel hu li l-għani ma għamilx ħsara lil Lazzru; sempliċement injorah. Ma ndunax bih, jew aħjar għażel li ma jagħtix kasu. Lazzru kien inviżibbli għalih. Imbagħad tinbidel l-istorja. Lazzru miet u l-anġli ġarrewh fil-ħoġor ta’ Abraham. L-għani wkoll miet, u sab ruħu fi tbatijiet ħorox. Dak li kien inviżibbli sar ċentrali, u dak li kien jidher qawwi sar bla saħħa.

Din l-istorja mhijiex biex tikkundanna l-għana jew tfaħħar il-faqar; hija dwar l-għażliet li nagħmlu – kif ngħixu, lil min nagħtu każ, u lil min ninjoraw. Hija dwar il-periklu tal-indifferenza, u r-responsabbiltà li għandna lejn xulxin. U tfakkarna wkoll li Alla jagħti każ, Alla jagħti l-għajnuna tiegħu. Fil-fatt, jolqtok kif Ġesù jsemmi lill-fqir b’ismu, Lazzru – u din hija l-unika darba li f’parabbola jsemmi xi ħadd b’ismu – u l-isem ‘Lazzru’ fil-lingwa orġinali jfisser: Alla hu l-għajnuna tiegħi.

L-inviżibbli fil-bieb

L-Evanġelju jgħinna biex naraw verità iebsa: xi kultant dnub kbir ma jkunx dak li nagħmlu, imma dak li nonqsu milli nagħmlu. L-istorja ma turix li l-għani qatt attakka lil Lazzru, qatt insultah, jew qatt għajjat miegħu. Id-dnub tiegħu kien l-indifferenza. Qalbu kienet magħluqa. Id-dinja tiegħu kienet ċkejkna – jimpurtah biss minnu nnifsu.

Dan jista’ jiġri fid-dinja tagħna. Hemm nies bħal Lazzru fil-bibien ta’ ħajjitna:


• Il-fqar u dawk bla dar, li s-soċjetà tipprova ma tarax.
• Il-migranti li jirriskjaw ħajjithom fit-tfittxija tad-dinjità.
• L-anzjani li jgħixu waħedhom, kultant minsijin minn dawk li jiġu minnhom.
• Iż-żgħażagħ li jħossuhom abbandunati u mingħajr tama.

Forsi hemm ukoll membri tal-familja tagħna stess li qed jibku fis-skiet u jixxennqu għal xi ħadd li jagħti każhom.

Niftħu għajnejna u qalbna

Illum qed niċċelebraw magħkom, ħuti għeżież, li se tirċievu s-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof. L-istess Spirtu li niżel fuq l-Appostli fil-Kamra ta’ Fuq, jinżel fuqkom illum. L-Evanġelju jistieden lilna nagħrfu x’inhu tassew dan is-sagrament. Il-Griżma mhijiex rit sabiħ biss; hi qawwa ġdida tal-Ispirtu s-Santu, mogħtija biex tiftaħlek għajnejk, issaħħaħlek qalbek, u tibgħatek b’missjoni.

• L-għani kien b’għajnejh magħluqa, għalkemm Lazzru kien fil-bieb tiegħu stess. L-Ispirtu jiftħilna għajnejna biex ma nagħlqux għajnejna imma naraw it-tbatija ta’ ħaddieħor.


• Il-qalb tal-għani kienet magħluqa fih innifsu. L-Ispirtu jwessgħalna qalbna, biex ikun hemm spazju għall-kompassjoni u l-ħniena.


• Ħajjet l-għani kienet komda imma vojta. L-Ispirtu jibgħatna b’missjoni, biex ħajjitna tagħti frott fis-servizz u fl-imħabba.

Fil-Griżma, intom timtlew bid-doni tal-Ispirtu s-Santu. Dak is-siġill hu s-setgħa tagħkom. L-Ispirtu s-Santu jagħtikom viżjoni ġdida, kuraġġ ġdid, imħabba ġdida, biex ma tibqgħux indifferenti imma toħorġu b’servizz.

L-Ispirtu tan-nar u l-kuraġġ

Ftakru fl-appostli qabel Għid il-Ħamsin. Kienu beżgħana bil-bibien magħluqa. Kienu jemmnu f’Ġesù, imma kienu nieqsa mill-kuraġġ. Imma meta ġie l-Ispirtu, irċevew nar, enerġija friska u qawwa ġdida. Ħarġu jipproklamaw lill-Mulej Irxoxt, u jilħqu popli ġodda. Illum, hu dan l-istess Spirtu li qed jiġi fikom. Permezz tal-Griżma, l-Ispirtu jinżel fuqkom biex jagħkom xhieda ta’ Kristu fid-dinja tal-lum.

Id-dinja ma għandhiex bżonn aktar indifferenza; għandha bżonn aktar nies mimlijin bin-nar tal-Ispirtu, nies li ma jgħaddux quddiem il-“Lazzri” ta’ żmienna u jibqgħu indifferenti. Intom qed tirċievu d-dilka tal-Ispirtu s-Santu biex ħajjitkom tkun immarkata bil-kuraġġ, il-kompassjoni u l-impenn.

Nisimgħu l-Kelma

Il-parabbola tispiċċa bi twissija serja: l-għani jitolbu jibgħat lil Lazzru biex iwissi lil ħutu. Abraham iwieġbu: “Għandhom lil Mosè u l-Profeti; ħa jisimgħu lilhom” (Lq 16:29). U meta l-għani jinsisti, Abraham jgħid: “Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, lanqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu” (Lq 16:31).

Aħna l-poplu li smajna l-Kelma, li nemmnu f’dak li qam mill-imwiet: Ġesù Kristu. Il-mistoqsija hi: qegħdin nisimgħuh tassew, jew ħajjitna tibqa’ ma tinbidilx minkejja li nisimgħuh? Il-Griżma ssaħħaħna proprju biex nisimgħu u nagħtu każ, biex inħallu l-Kelma ta’ Alla tfassal ħajjitna. L-Ispirtu jagħtina s-saħħa biex ngħixu l-Evanġelju f’dak li nagħmlu, mhux biss fil-kliem.

Insiru xhieda ta’ tama

Għeżież kandidati, illum se timtlew bid-doni tal-Ispirtu s-Santu. Din hi l-missjoni tagħkom, il-Pentekoste personali tagħkom:


• Fejn hemm il-firda, intom imsejħin iġġibu l-għaqda.
• Fejn hemm in-niket, intom imsejħin iġġibu l-ferħ.
• Fejn hemm l-inġustizzja, intom imsejħin tħarsu l-verità.
• Fejn hemm l-indifferenza, intom msejħin taraw u tieħdu azzjoni.

Bħal Lazzru, ħafna nies illum qegħdin jistennew fil-“bibien” tal-komunitajiet tagħna. Intom imsejħin biex tindunaw bihom, tilqgħuhom, u xxandru l-imħabba ta’ Alla lejhom. L-Ispirtu jagħmilkom mhux spettaturi imma dixxipli, mhux membri passivi imma xhieda ħajjin. Xhieda li b’ħajjitkom in-nies ikunu jistgħu jaraw kemm “il-Mulej hu l-għajnuna tagħna”.

L-Ispirtu jibgħatkom

Il-parabbola twissina kontra l-qalb magħluqa, imma l-Griżma tagħtina s-setgħa biex nifthuha beraħ. L-Ispirtu li tirċievu llum mhuwiex spirtu ta’ biża’, imma ta’ qawwa, imħabba u rażan (ara 2 Tim 1:7). Minn dan il-mument, għixu bil-qawwa tal-Ispirtu. Tonqsux fl-imħabba u fil-ħniena; tipposponux il-kompassjoni.

Għalhekk, nitolbu li l-Ispirtu li tirċievu llum jagħmilkom dixxipli b’saħħithom. Jalla lkoll ngħixu ħajjitna b’mod li meta l-Mulej isejħilna d-dar, aħna wkoll inkunu mogħtija l-ferħ tal-ħajja ta’ dejjem, bħal Lazzru.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading