Żewġ Mirakli Ewkaristiċi f’Stich, fil-Ġermanja tal-Punent, 1970

Il-Mirakli Ewkaristiċi (86)
minn Manwel Cutajar

Żewġ Mirakli Ewkaristiċi f’Stich, fil-Ġermanja tal-Punent,1970
Stich hija l-iżgħar mit-tlett irħula li jiffurmaw parroċċa fir-reġjun tal-Bavarja fil-Punent tal-Ġermanja ħdejn il-fruntiera Svizzera. Fl-1970 saċerdot mill-Isvizzera mill-Kappella ta’ Maria Rhien kien qiegħed iservi lil dawn it-tlett irħula, peress li l-Kappillan ta’ Stich dak iż-żmien kien ma jiflaħx u kien qiegħed jipprepara biex jiċċelebra Quddiesa Tridentina fil-kappella ta’ Stich fit-tmienja ta’ filgħaxija nhar it-Tlieta, 9 ta’ Ġunju,1970.

Waqt il-quddiesa, propju, wara l-Konsagrazzjoni f’daqqa waħda s-saċerdot innota li fuq l-korporal ħdejn il-kalċi kien hemm tebgħa żgħira ħamra li malajr saret id-daqs ta’ munita.Mal-elevazzjoni tal-kalċi s-saċerdot innota tebgħa oħra ħamra fil-post ta’ fejn kien il-kalċi. Billi ħaseb illi seta’ kien hemm xi toqba fil-kalċi mesaħ qiegħ il-kalċi b’idejh imma sabu xott.

Wara l-quddiesa s-saċerdot spezzjona tajjeb it-tliet biċċiet drapp li kienu jiksu l-altar: il-korporal ta’ fuq, il-korporal l-ieħor dejjaq taħtu u t-tvalja twila li kienet tgħatti l-altar kollu. La darba kollox kien kompletament nadif ma setgħet tingħata l-ebda spjegazzjoni kif tfaċċaw dawk it-tebgħat. Wara li dawk il-biċċiet tad-drapp imċappsa bid-demm ġew maqfula f’post ta’ sikurezza, is-saċerdot telaq biex jagħti rapport tal-inċident lill-kappillan.
Nhar il-Ħamis, 11 ta’ Ġunju t-tebgħat ħomor ġew eżeminati aktar bir-reqqa mill-kappillan u s-saċerdot svizzeru, u t-tnejn ma setgħux isibu spjegazzjoni naturali ta’ kif setgħu ġew dawk it-tebgħat. Wara li ħadulhom ritratti, l-biċċiet tad-drapp intbagħtu f’laboratorju biex jiġu analiżżati.

Ir-riżultati tat-testijiet twasslu għand is-saċerdoti minn Marta Brunner tal-Istitut Polikliniku tal-Universita’ ta’ Zurich. Fl-ittra tagħha, li kienet iffirmata wkoll minn dawk li mexxew it-testijiet, hi stqarret li l-biċċiet tad-drapp ġew imressqa quddiem erba’ persuni differenti biex jiġu analiżżati mingħajr ma ntqalilhom lanqas kelma waħda dwar dak li kien ġara fuq l-altar.
Ħames ġimgħat wara, fit-8 ta’ filgħaxija nhar it-Tlieta, 14 ta’ Lulju,1970 l-istess saċerdot svizzeru kellu jiċċelebra quddiesa oħra skont il-Missal Tridentin fil-kappella ta’ Stich. Dak in-nhar kien l-400 sena Anniversarju mill-ħruġ tal-“Kostituzzjoni Appostolika fil-forma ta’ bulla Papali” “Quo Primum” maħruġa mill-Papa Piju V fl-14 ta’ Lulju, 1570, li ppromulga l-Missal Ruman u għamel l-użu tiegħu obbligatorju fil-Knisja Latina kollha.

Qabel ma beda l-quddiesa s-saċerdot aċċerta ruħu illi l-altar, it-tvalja, il-korporal u l-kalċi kienu ndaf u f’kundizzjoni tajba. Minkejja dan, ftit wara l-Konsagrazzjoni tebgħat ħomor reġgħu dehru fuq il-korporal. Is-saċerdot iġġenneb ftit u għamel sinjal lis-sagristan biex jersaq lejn l-altar. Waqt li s-sagristan ħares imbikkem lejn it-tebgħat fuq il-korporal s-saċerdot beda jqarben lin-nies miġbura. In-nies billi nnutaw l-imġiba mhux tas-soltu tas-sagristan issuspettaw illi kienet ġrat xi ħaġa starordinarja u dehru bla sabar għall-bqija tal-quddiesa. Is-saċerdot issodisfa l-kurżita’ tal-poplu billi hekk kif spiċċat il-quddiesa ppermettielhom jersqu lejn l-altar biex jaraw it-tebgħat ħomor.

Huwa eżamina bir-reqqa l-ġebla tal-artal, id-drapp tal-artal, il-korporali u l-kalċi qabel il-Quddiesa u aċċerta ruħu li kienu kompletament nodfa u bla ħsara.
Ftit wara l-Konsagrazzjoni, it-tebgħat ħomor dehru mill-ġdid fuq il-korporali. Il-qassis stieden lill-kongregazzjoni biex tispezzjona t-tebgħat wara l-Quddiesa, u aktar tard huma xehdu dwar dak li raw. Id-drappijiet reġgħu ntbagħtu għall-analiżi, din id-darba fl-Isptar Distrettwali ta’ Cercee, u għal darb’oħra, ix-xjentisti kkonkludew li kienu kkawżati minn demm uman.
Mingħajr telf ta’ żmien il-kappillan ġie nfurmat b’dan it-tieni inċident. Billi t-tebgħat tad-9 ta’ Ġunju kienu ttieħdu għall-analiżi fl-Istitut Polikliniku tal-Universita’ ta’ Zurich. Ittieħdu l-istess prekawzjonijiet u ma ntqal xejn dwar kif kienu oriġinaw dawn it-tebgħat.Ix-xjentisti kienu sempliċiment mitluba biex jiddentifikaw x’likwidu kien ikkaġunahom.

Ir-riżultat tat-testijiet dwar dawn it-tebgħat tal-14 ta’ Lulju ħarġu nhar it-3 t’Awwissu, 1970. Ir-rapport, li kopja tiegħu ntbagħtet lill-Isqof, kien igħid fil-qosor illi t-tebgħat ħomor kienu ta’ demm tal-bniedem.
Wara li waslu r-riżultati ta’ dawn it-testijiet xi wħud minn dawk li raw it-tebgħat fuq l-altar dakinhar tal-Miraklu tal-14 ta’ Lulju għamlu xi stqarrijiet. Nhar it-8 ta’ Novembru 1970 is-sagristan tal-kappella ta’ Stich is-Sur Joseph Talscher iddikjara hekk:

“Nhar l-14 ta’ Lulju filgħaxija s-saċerdot kien jiċċelebra l-quddiesa fil-kappella ta’ Stich. Billi konna nafu b’dak li kien ġara nhar id-9 ta’ Ġunju aħna aċċertajna ruħna illi l-ħwejjeġ Sagri ta’ fuq l-altar kienu perfettament nodfa…
Wara li rċevejt l-Ewkaristija Mqaddsa s-saċerdot għamilli s-sinjal u wrieni l-altar. Dak il-ħin rajt it-tebgħat. Wara l-quddiesa aħna lkoll erġajna flejna t-tvalji, u speċjalment it-tebgħa l-kbira li kienet daqs l-Ostja tas-saċerdot. Rajna salib ċar ħafna fuqha. Aħna ħarisna bil-għaġeb lejn xulxin. Kien hemm differenza żgħira bejn it-tebgħat tal-lum u “dawk tad-9 ta’ Ġunju meta l-istess saċerdot kien qiegħed iqaddes il-quddiesa. Jien lest nirrepeti dan kollu fuq ġurament”.Is-Sur Johannes Talscher, is-sagristan tal-kappella ta’ Maria Rhein u ħu s-sagristan ta’ Stich, iddikkjara li kien attenda għall-quddiesa nhar l-14 ta’ Lulju fil-kappella ta’ Stich. Hu żied igħid:

“Jien kont naf bil-Miraklu tad-Demm tad-9 ta’ Ġunju meta l-istess saċerdot kien qiegħed iqaddes, u għalhekk kont qiegħed naħseb li ser jerġa’ jiġri għat-tieni darba… Meta ntemmet il-quddiesa r-reverendu saċerdot talabna ngħidu tlett Pater Nosters ad unur tad-Demm l-iżjed Prezzjuż tas-Sinjur Tagħna. Wara qalilna illi l-fenomenu tad-9 ta’ Ġunju reġa’ rrepeta ruħu. Ippermettewlna li nersqu ħdejn l-altar. Jien rajt erba’ tbajja. Waħda kienet daqs l-Ostja tas-saċerdot u kien jidher Salib fuqha. Oħra kienet daqs Ostja żgħira, u t-tnejn l-oħra kienu iżgħar. Kienu kollha ħomor fil-kannella. Għandi fehma soda li dawn it-tebgħat tad-demm misterjużi ma hemm l-ebda spjega naturali għalihom.”
L-Isqof ta’ Augsburg, Jospeh Stimpfla, ġie nfurmat biż-żewġ inċidenti. Huwa waqqaf Kummissjoni Kanonika ta’ stħarriġ nhar id-9 ta’Ottubru 1970.
Is-saċerdot Svizzeru ġie mitlub biex jagħti d-dettalji kollha dwar l-allegat żewġ Mirakli Ewkaristiċi.

Wara studju tar-riżultati tat-testijiet xjentifiċi u wara li ġew intervistati x-xhieda, l-allegat Mirakli Ewkaristiċi ġew irreferuti lid-Dekasterju għad-Duttrina tal-Fidi, ġewwa l-Vatikan, f’Ruma.

Il-poplu ta’ Stich iħossu tabilħaqq ipprivileġġjat li żewġ Mirakli Ewkaristiċi seħħew fil-kappella umli tagħhom, u bħala riżultat saru iktar devoti u għandhom imħabba ikbar lejn l-Ewkaristija Divina.

Dawn l-ġrajjiet fi Stich huma kkwotati minn diversi sorsi bħala Mirakli Ewkaristiċi moderni li jservu bħala tfakkira tal-Preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija Divina matul żmien ta’ taqlib globali.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading