GĦANDEK FIDI DAQS KEMM GĦANDEK FIDUĊJA F’ALLA!
Ma nafx ngħidilkom kif u x’fatta, f’wieħed mis-subburgi ta’ Palermo Sqallija, kien hemm dar li ħadet in-nar. Qam paniku kbir: il-Missier beda jgħajjat kemm jiflaħ biex kulħadd joħroġ ‘il barra. Kulħadd obdieh pero’ l-omm indunat li Giovanni, it-tifel iż-żgħir, baqa’ ġew, x’aktarx għax beża’ min-nar u mid-duħħan. Il-missier beda jaħseb u jara x’seta’ jagħmel…Ma setax jidħol ġewwa għalih għax in-nirien komplew jiżdiedu. Beda jgħajjatlu u jgħidlu: “Giovanni, Giovanni, agħmel kuraġġ u oħroġ barra: jien, il-mama’ u ħutek ninsabu hawn! Qegħdin nistennewk!” Għaddew ftit tal-minuti u raw tieqa mis-sular ta’ fuq tinfetaħ. Kien Giovanni li fetaħha. Il-missier rah u beda jgħidlu: “Giovanni, aqbeż malajr!” Giovanni qallu: “Papa’, jien m’iniex narak!” Missieru wieġbu: “Aqbeż! Int m’intix tarani imma jien qed narak. Jekk taqbeż, jien nilqgħek ġo dirgħajja!” Ta’ tifel żgħir li kien, Giovanni kellu fiduċja kbira f’missieru, għamel qabża bl-amment, u missieru laqgħu f’dirgħajh.
Is-suġġett li fuqu mitlubin nirriflettu llum, issa li ħabbartilkom din is-silta mill-vanġelu ta’ San Luqa, huwa l-fidi. Ippermettuli nerġa’ ntennielkom xi ħaġa minn dak li għadni kemm qrajt…L-appostli qalu lil Ġesu’: “Mulej, kattar fina l-fidi!” (mela l-fidi hija don li jista’ jissaħħaħ jew inkella jintilef. Kien Alla li sawbu fuqna dak inhar tal-magħmudija tagħna flimkien mad-don tat-tama u mad-don tal-imħabba) U hu weġibhom: “Kieku għandkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut, ‘Inqala’ u mur tħawwel fil-baħar’, hi kienet tisma’ minnkom.” Darba wieħed bidwi fetaħ il-pala ta’ jdejh quddiemi, u wrieni ftit żerriegħa tal-mustarda. Nista’ ngħidilkom li meta rajtha stħajjiltha qisha ftit tar-ramel. Ġesu’ qed jgħid lill-appostli u qed jgħid lilna wkoll li jekk ikollna ftit tal-fidi nistgħu nagħmlu ħwejjeġ li kieku mingħajr fidi ma nagħmluhomx. Hekk pereżempju jekk ma jkollniex daqsxejn tal-fidi ma naslu qatt li nintrabtu mar-rieda t’Alla…dan speċjalment meta jżurna l-mard u jkollna noborxu spallejna bil-għuda tas-salib kif baraxha Ġesu’ stess. Darba mort inżur raġel anzjan mixħut ġo sodda. Araw x’qalli: “Is-salib tiegħU (kien qed jgħid għal dak ta’ Ġesu’) kien itqal minn tiegħi. Nipprova nġorru bis-sabar u bil-paċenzja.” Eżempju ieħor: jekk ma jkollniex daqsxejn tal-fidi diffiċli ħafna naħfru lil min hu ħati għalina kif soltu ntennu fit-talba tal-Missierna. In-natura umana tiegħi tgħidli: “patti, tkun paljazza ta’ ħadd, jekk taħfer lil min għamillek id-deni, għandu mnejn jerġa’ jagħmilhielek…” imma l-fidi tgħidli: “Jekk taħfer u titlob għall-għadu tiegħek, qalbek tfur b’ħafna paċi u x’aktarx tinduna li tal-inqas min-naħa tiegħek il-għadu jsir ħabib!”
Qegħdin nitkellmu fuq il-fidi, dan id-don li rċivejna dak inhar tal-magħmudija tagħna. Fuq il-fidi nistgħu nitkellmu minn żewġ aspetti: l-aspett teologali u l-aspett ta’ fiduċja f’Alla. Ħa nibdew bl-aspett teologali.
Wara l-omelija, diversi saċerdoti jħobbu jistiednu lill-insara preżenti u jgħidulhom: “Inqumu bil-wieqfa u flimkien nistqarru l-fidi tagħna.” Hawnhekk, iċ-ċelebrant u dawk li jkunu qegħdin jieħdu sehem fil-quddiesa, jirreċitaw flimkien ġabra ta’ veritajiet x’aktarx teoloġiċi frott ta’ ħafna studju. Din il-ġabra ta’ veritajiet tissejjaħ il-kredu jew aħjar dak li bħala nsara mitlubin nemmnu. Tant drajna nirreċitaw dan il-kredu li ma nkunux nafu x’aħna ngħidu. Ejjew nagħmlu daqsxejn ta’ sforz mentali biex dak li ntennu bil-fomm ntennuh ukoll bil-qalb.
Niġu issa għall-aspett ta’ fiduċja f’Alla. Fuq dan l-aspett ta’ fiduċja f’Alla nixtieq nitkellem billi nirrakkuntalkom xi esperjenzi. Nibda billi nfakkarkom l-istorja taċ-ċkejken Giovanni: żgur se tibqgħu tiftakruha. Esperjenza oħra. Il-Kardinal Suenens (illum mejjet) darba qal hekk: “Aħna mexjin lejn is-sema pajjiżna. Sakemm għadna fid-dinja aħna mexjin fid-dlam. Pero’ importanti nkunu konvinti li Alla qed jarana, qatt mhu se jħallina weħidna. Alla qed jaqbdilna f’idejna, anki jekk ma nħossuhx. Alla qed jarana. Alla jaf bil-bżonnijiet tagħna u jekk ikunu ta’ ġid għalina żgur se jagħtihomlna.”
Esperjenza oħra. Xi snin ilu, il-missjunarju ġeżwita Patri Joseph Pullicino kien maħtuf mill-gwerilli fis-Sudan. Għamel tliet xhur taħt idejhom. F’intervista li saritlu meta ġie Malta għal ftit mistrieħ, dan il-Patri qal hekk: “Nista’ ngħid li matul it-tliet li domt maqbud, lil Alla ħassejtu ħafna viċin tiegħi u kelli esperjenza kbira tiegħu. Jiena kont ċert li Alla ma kienx se jħallini waħdi, u minkejja l-għejja u t-tbatija kbira tiegħi, ħassejt ġo fija ħafna serenita’ u kuraġġ.”
Nispiċċa b’talba ta’ Charles De Faucauld. Missier, jien nintelaq f’idejk; agħmel minni dak li jogħġbok. Irroddlok ħajr għal dak kollu li tagħmel għalija. Jien lest għal kollox, nilqa’ kollox. Agħmel biss li r-rieda tiegħek isseħħ fija u fil-ħlejjaq kollha tiegħek. Ma nixtieq xejn aktar, Mulej. F’idejk jien nitlaq ruħi, nagħtihielek bl-imħabba kollha ta’ qalbi għax Mulej, jien inħobbok u għalhekk inħoss il-ħtieġa li nagħti lili nnifsi lilek, li nintreħa f’idejk mingħajr biża’ u b’fiduċja bla tarf, għax int MISSIERI.