LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 8 ta’ Ottubru 2025
Ċiklu ta’ Katekeżi – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. III. L-Għid ta’ Ġesù.10. Tkebbes. “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina” (Lq 24:32)
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Illum nixtieq nistedinkom tirriflettu fuq aspett sorprendenti tal-Qawmien ta’ Kristu: l-umiltà tiegħu. Jekk nerġgħu naħsbu fir-rakkonti tal-Vanġelu, nintebħu li Kristu Rxoxt ma jagħmel xejn spettakolari biex jimponi ruħu fuq il-fidi tad-dixxipli tiegħu. Ma jippreżentax ruħu mdawwar minn kori ta’ anġli, ma jwettaqx ġesti li jagħmlu ħoss kbir, ma jlissinx diskorsi solenni biex jikxef is-sigrieti tal-univers. Bil-maqlub, jersaq qrib b’diskrezzjoni, bħal vjaġġatur kwalunkwe, bħal bniedem imġewwaħ li jitlob biex jaqsmu miegħu ftit tal-ħobż (ara Lq 24:15,41).
Marija ta’ Magdala taħsbu ġennien (ara Ġw 20:15). Id-dixxipli ta’ Għemmaws jaħsbuh barrani (ara Lq 24:18). Pietru u s-sajjieda l-oħra jaħsbuh wieħed li kien għaddej minn hemm (ara Ġw 21:4). Aħna konna nistennew effetti speċjali, sinjali ta’ qawwa, provi tat-twerwir. Imma l-Mulej ma jfittixx dan: jippreferi l-lingwaġġ tal-qrubija, tan-normalità, tal-qsim madwar il-mejda.
Ħuti, f’dan hemm messaġġ prezzjuż: il-Qawmien mhux xi xenata teatrali, huwa bidla siekta li timla bis-sens kull ġest uman. Kristu Rxoxt jiekol biċċa ħuta quddiem id-dixxipli tiegħu: mhuwiex dettall marġinali, imma l-konferma li l-ġisem tagħna, l-istorja tagħna, ir-relazzjonijiet tagħna mhumiex xi biċċa qoxra għar-rimi. Huma ddestinati għall-milja tal-ħajja. Tirxoxta ma jfissirx issir spirtu li jgħib, imma tidħol f’komunjoni iżjed profonda ma’ Alla u ma’ ħutek, f’umanità ttrasfigurata mill-imħabba.
Fl-Għid ta’ Kristu, kollox jista’ jsir grazzja. Anki l-aktar ħwejjeġ ordinarji: li nieklu, naħdmu, nistennew, nieħdu ħsieb tad-dar, inkunu ta’ spalla għal ħabib tagħna. Il-Qawmien ma jeħlisx lill-ħajja miż-żmien u mit-taħbit, imma jibdel is-sens u t-“togħma” tagħha. Kull ġest imwettaq fil-gratitudni u fil-komunjoni jantiċipa s-Saltna ta’ Alla.
Madankollu, hemm xkiel li spiss iżommna milli nagħrfu din il-preżenza ta’ Kristu fil-ħajja ta’ kuljum: il-pretensjoni li l-ferħ għandu jkun nieqes mill-ġrieħi tiegħu. Id-dixxipli ta’ Għemmaws jinsabu mexjin qalbhom sewda għax huma kienu jittamaw f’final ieħor, f’Messija li ma jmissx mas-salib. Minkejja li semgħu lil min jgħid li l-qabar huwa vojt, ma jirnexxilhomx jitbissmu. Imma Ġesù jimxi magħhom u bis-sabar kollu jgħinhom jifhmu li n-niket ma jfissirx li l-wegħda ma ġietx miżmuma, imma hu t-triq li permezz tagħha Alla wera l-qies tal-imħabba tiegħu (ara Lq 24:13-27).
Meta fl-aħħar joqogħdu mal-mejda flimkien miegħu u jaqsmu l-ħobż, jinfetħulhom għajnejhom. U jintebħu li l-qalb tagħhom diġà kienet imkebbsa, imqar jekk ma kinux jafu (ara Lq 24:28-32). Din hija l-akbar sorpriża: li niskopru li taħt l-irmied tal-qalb maqtugħa u tal-għeja hemm dejjem ġamar jaqbad, li qed jistenna biss min jerġa’ jqabbdu.
Ħuti, il-qawmien ta’ Kristu jgħallimna li ma hemmx storja li hi tant immarkata mid-delużjoni jew mid-dnub li ma tistax tiġi miżjura mit-tama. Ebda waqgħa ma hi għal dejjem, ebda lejl ma hu etern, ebda ġerħa ma hi ddestinata li tibqa’ miftuħa għal dejjem. Inħossuna kemm inħossuna mbiegħda, mitlufa jew indenji, ma hemmx distanza li tista’ titfi l-qawwa li ma tinbidilx tal-imħabba ta’ Alla.
Xi drabi naħsbu li l-Mulej jiġi jżurna biss fil-mumenti tal-ġabra jew tal-ħeġġa spiritwali, meta nħossuna kapaċi, meta l-ħajja tagħna tidher ordnata u mdawla. Imma l-Irxoxt jersaq lejna proprju fil-postijiet l-aktar mudlama: fil-fallimenti tagħna, fir-relazzjonijiet li jegħjuna, fit-taħbit ta’ kuljum li jtaqqlilna spallejna, fid-dubji li jaqtgħulna qalbna. Xejn minn dak li aħna, ebda biċċa mill-ħajja tagħna ma hi barranija għalih.
Illum, Kristu Rxoxt jersaq qrib ta’ kull wieħed u waħda minna, proprju aħna u nimxu t-toroq tagħna – dawk tax-xogħol u tal-ħidma, imma anki dawk tat-tbatija u tas-solitudni – u b’delikatezza bla tarf jitlobna nħalluh ikebbsilna qalbna. Ma jimponix ruħu b’ħafna storbju, ma jippretendix li nagħrfuh dritt. Bis-sabar jistenna l-waqt li fih għajnejna jinfetħulna biex nilmħu l-wiċċ ħabib tiegħu, li kapaċi jibdel id-delużjoni fi stennija fiduċjuża, in-niket fi gratitudni, ir-rassenjazzjoni f’tama.
L-Irxoxt jixtieq biss juri l-preżenza tiegħu, isir sieħeb tagħna fit-triq u jkebbes fina ċ-ċertezza li l-ħajja tiegħu hi aqwa minn kull mewt. Nitolbu mela l-grazzja li nagħrfu l-preżenza tiegħu umli u diskreta, li ma nippretendux ħajja bla provi, li niskopru li kull tbatija, jekk fiha hemm tgħammar l-imħabba, tista’ ssir post ta’ komunjoni.
U hekk, bħad-dixxipli ta’ Għemmaws, nerġgħu lura aħna wkoll fid-djar tagħna b’qalbna mkebbsa bil-ferħ. Ferħ sempliċi, li ma jikkanċellax il-ġrieħi imma jdawwalhom. Ferħ li jinbet miċ-ċertezza li l-Mulej huwa ħaj, jimxi magħna, u jagħtina f’kull waqt il-possibbiltà li nibdew mill-ġdid.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard