Kitba ta’ Joe Galea
Kostantinu
Fis-sena 306, laħaq Imperatur Kostantinu. L-ewwel objettiv tiegħu kien li jieħu l-kontroll tat-territorju kollu tal-Imperu tal-Lvant. It-theddida prinċipali kien Massenzju li kien jikkontrolla l-Italja u l-Afrika ta’ Fuq. Kien maħtur ko-Imperatur minn Dioklezjanu, l-Imperatur ta’ qabel Costanzo Cloro, li wrajh laħaq Kostantinu. Kostantinu rebaħ fuq Massenzju, f’battalja li saret fis-sena 324 ħdejn il-Ponte Milvio, barra Ruma u b’hekk Kostantinu sar l-Imperatur inkostestat fir-reġjuni tal-Punent. Fis-sena 324, Kostantinu mar għat-tieni objettiv tiegħu, li jirbaħ lil Licinju, l-imperatur tal-Lvant u ġab taħtu l-Imperu kollu.
Taħt Kostantinu l-Knisja ħarġet mill-persekuzzjoni. Kostantinu trasferixxa s-sede imperjali għal Bisanzio, li ħadet l-isem ġdid ta’ Kostantinopli. Minn hawn seta’ jifhem aħjar dwar il-kwestjonjiet teoloġiċi li heddu li jifirdu l-Knisja. Il-problema qamet f’Lixandra, fejn il-presbiteru Arju sostna li Ġesu’ Kristu kien kreatura u allura mhux Alla bħalma hu l-Missier. L-Isqof tiegħu, Alessandru, ikkundanah.
Kostantinu kien diżappuntat meta ntebaħ, fis-sena 324, bil-firda li kien hemm fit-territorji tiegħu minħabba, skont hu, “ħmerija teoloġika”. Ried jevita din is-sitwazzjoni. Bagħat lill-kunsillier tiegħu, l-Ispanjol Ossius, Lixandra, imma dan ma rnexxielux iġib flimkien liż-żewġ partijiet.
Għalhekk, is-sena ta’ wara, laqqa’ assemblea ġenerali tal-Isqfijiet ġo Anncyra, Ankara tal-lum. Imbagħad bidel il-venue għal Nicea, biex jevta riżultat ta’ firda. Il-Konċilju ltaqa’ fil-palazz imperjali taħt l-awspiċi imperjali. Din kienet l-ewwel laqgħa uffiċjali tal-Isqfijiet bl-iskop li titfassal id-duttrina tal-Knisja.
Kostantinu ppresieda s-sessjoni tal-ftuħ u forsi wkoll meta qamet il-kwestjoni ta’ Arju. L-ambizzjoni ta’ Kostantinu li jkollu attendenza mill-Knisja kollha, kienet diżappuntanti. Minn madwar 300 Isqof preżenti, l-aktar mill-Asja Minuri, dawk tal-Punent kont tgħoddhom fuq id waħda. Il-Papa Silvestru I (314-335) kien rappreżentat minn żewġ legati, li kienu presbiteri. Dan filwaqt li l-istatus ‘universali’ tal-Konċilju kien jiddependi minn aċċettazzjoni universali.
Il-Kredu ta’ Nicea u l Homoousios
Arju ġie kkundannat bi kliemu stess, meta rrepeta n-negazzjoni tiegħu għad-divinita’ tal-Iben. Tlett Isqfijiet, li qabel kienu mkeċċija mill-Knisja, fosthom Ewsebju ta’ Ċesarea, ġew liberati. Biex jeskludi l-iżbalji ta’ Arju, il-Konċilju fassal il-Kredu tiegħu, li nsejħulu l-‘Kredu ta’ Nicea’: “Jiena nemmen f’Alla wieħed, il-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u l-art, dak kollu li jidher u dak li ma jidhirx…”
Il-Kredu kien jinkludi l-kelma Griega homoousios, fis-sens li l-Iben hu homoousios mal-Missier, ħaġa waħda, natura waħda, mal-Missier (kif ngħiduha aħna). Aħna ngħidu: “Alla veru minn Alla veru, imnissel mhux magħmul, natura waħda mal-Missier. It-terminu Latin hu consubstantialis, ‘konsustanzjali’, li tfisser ‘ħaġa waħda’. Jidher li kien Origene l-ewwel li uża l-kelma homoousios fil-Knisja, imma b’mod li d-divinità tal-Iben hi inqas minn dik tal-Missier, tant li saħansitra jsejjaħ lill-Iben ‘kreatura’. Hekk id-diffikultà prinċipali f’Nicea kienet li homoousios, għalkemm hi kelma oħra għal ‘konsustanzjali’, mhix għal kollox l-istess. Raġuni oħra għal din il-kwestjoni kienet li homoousios ma kinitx kelma meħuda mill-Iskrittura, anzi kellha konnotazzjoni mal-letteratura Njostika u kienet mistmerra mill-Isqfijiet Insara ortodossi.
Kien hemm il-biżgħa fost l-Isqfijiet li l-kelma Griega homoousios tifred lil Alla fi tnejn, bħallikieku xi ħaġa materjali. Fost il-Griegi, il-kelma kienet spiss tintuża, ngħidu aħna, biex tiddeskrivi żewġ muniti magħmulin mill-istess metall. Il-lingwa, bejn il-Latin u l-Grieg kienet fattur ieħor f’dan in-nuqqas ta’ qbil.
Jidher li Kostantinu qabel mal-introduzzjoni tal-kelma ‘konsustanzjali’, probabbli suġġerita minn Isqof mill-Punent. Atanasju ta’ Lixandra kien favur tal-kelma ‘konsustanzjali’, li l-Iben għandu l-istess natura jew essenza tal-Missier u ħadem ħafna biex din tidħol fil-Kredu.
Fis-sena 341 sar sinodu f’Antijokja u reġa’ ġie fformulat il-Kredu ta’ Niċea fejn ġie eskluż it-terminu homoousios.. L-użu ta’ ‘konsustanzjali’ fil-Kredu ta’ Niċea jista’ jkun ukoll li rriżulta mit-theddid u mill-konvinzjoni qawwija ta’ Kostantinu.
Kostantinu feraħ ħafna bil-ftehim li ntlaħaq, imma mhux kollox kienx daqshekk sabiħ. Żewġ Isqfijiet biss m’aċċettawx il-Kredu. Ewsebju ta’ Nicomedia ffirma wkoll, imma aktar ‘il quddiem ġie eżiljat għax laqa’ lill-Arjani fi triqthom għal Illyria, fuq il-fruntiera tad-Danubju, minn fejn Kostantinu kien ipprojbiehom li jgħaddu.
Il-Konċilju ta’ Nicea jibqa’ magħruf għal-lingwaġġ tekniku tiegħu u s-saħtiet (anatema) sollenni. “Dawk li jgħidu: “Kien hemm żmien meta (l-Iben) ma kienx”, jew: “ġie mix-xejn”, jew: “hu ta’ sustanza oħra’, jew: ‘ta’ essenza mhux tal-Missier”, jew: “ġie maħluq”, il-Knisja Kattolika u Appostolika tqiegħdu taħt skomunika (ikun misħut).”
Eusebio ta’ Nicomedia
Li tikkundanna lil Arju dehret kwistjoni sempliċi, imma kien inqas faċli li jintlaħaq ftehim fuq il-formola li kellha tafferma b’mod sodisfaċenti l-verità tar-rapport bejn il-Missier u l-Iben. Fl-aħħar ġie approvat il-Kredu ta’ Nicea, li afferma li l-Iben hu “Alla minn Alla”, “imnissel mhux magħmul”, u “konsustanzjali mal-Missier”.
Żewġ Isqfijiet biss ma qablux u, bħal Arju, ġew eżiljati. Imma xorta ma kienx hemm unanimità dwar kif tinftiehem il-formola li ntgħażlet. Ir-reżistenza għall-Kredu ta’ Nicea kienet iggwidata minn Eusebio ta’ Nicomedia li, sa mit-328, bl-argumentazzjoni kapaċi tiegħu, irnexxielu wkoll iġib lura l-Isqfijiet Arjani li kienu eżiljati. Imbagħad attakka lill-padri prinċipali ‘ortodossi’, fosthom Eustazju ta’ Antijokja, Marcello d’Ancira u l-iktar famuż fost kollha, Atanasju ta’ Lixandra.
Il-pożizzjoni Arjana kisbet popolarità u Arju ġie mitlub jiġi lura, imma miet fit-336, qabel ma seta’ jasal għal rikonċiljazzjoni uffiċjali. Sena wara, miet Kostantinu, wara renju ta’ importanza enormi fl-istorja tal-Knisja.

