SOLENNITÀ TAD-DEDIKAZZJONI TAL-BAŻILIKA TAL-LATERAN
IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 9 ta’ Novembru, 2025
Għeżież ħuti il-Ħadd it-tajjeb!
Fil-jum tad-Dedikazzjoni tal-Bażilika tal-Lateran nikkuntemplaw il-misteru tal-komunjoni mal-Knisja ta’ Ruma, li għandha s-sejħa li b’attenzjoni tieħu ħsieb il-fidi u l-mixja tal-insara mxerrdin madwar id-dinja.
Il-Katidral tad-Djoċesi ta’ Ruma u s-sede tas-Suċċessur ta’ Pietru, kif nafu, mhux biss opra ta’ valur storiku, artistiku u reliġjuż straordinarju iżda tirrappreżenta wkoll iċ-ċentru u t-tmun tal-fidi afdata f’idejha mill-Appostli u t-trażmissjoni tagħha tul il-mixja tal-istorja. Il-kobor ta’ dal-misteru jilma wkoll fl-isplendur tal-binja li propju fin-navata ċentrali tagħha hemm l-istatwi kbar tat-tnax-il Appostlu, l-ewwel segwaċi ta’ Kristu u xhieda tal-Evanġelju.
Dan jiftħilna ħarsa spiritwali li tgħinna mmorru lil hinn mill-aspett esterjuri tal-ispazju fiżiku, ta’ binja magħmula mill-ġebel; fir-realtà, kif ifakkarna l-Evanġelju bl-episodju tat-tisfija tat-Tempju ta’ Ġerusalemm li wettaq Ġesù (cfr Ġw 2,13-22), il-veru santwarju ta’ Alla hu Kristu li miet u rxoxta. Hu l-uniku medjatur tas-salvazzjoni, ir-redentur waħdieni, dak li bis-sura umana tagħna ittrasformana bl-imħabba tiegħu, u jirrappreżenta l-bieb (cfr (Ġw 10,9) li jinfetaħ għalina u jwassalna għand il-Missier.
U magħqudin miegħu, aħna ġebel ħaj ta’ dil-binja spiritwali (cfr 1Pt 2,4-5). Aħna l-Knisja ta’ Kristu, il-Ġisem tiegħu, il-membri tiegħu bis-sejħa li nxerrdu l-Evanġelju tal-ħniena, tal-faraġ u tal-paċi fid-dinja permezz tal-kult spiritwali li qabel kollox, jiddi bix-xhieda tal-ħajja.
Ħuti, lil qlubna għandna nħarrġuhom f’din il-ħarsa spiritwali. Bosta drabi, il-fraġilità u l-iżbalji tal-insara, flimkien ma tant cliches u preġudizzji ma jippermettulniex nifhmu l-għana tal-misteru tal-Knisja; qdusitha infatti, ma tinsabx fil-merti tagħna iżda “fid-don tal-Mulej li qatt ma jitraġġa’ lura”, Hu li jkompli jagħżel “bħala kontenitur tal-preżenza tiegħu, b’imħabba paradossali, propju wkoll l-idejn maħmuġin tal-bnedmin” (J. Ratzinger, Introduzzjoni għall-Kristjaneżmu, Brescia, 2005, 331).
Għalhekk, ejjew nibqgħu mexjin bil-ferħ li aħna l-Poplu qaddis li Alla għażel għalih u nitolbu lil Marija, Omm il-Knisja, biex tgħinna nilqgħu lil Kristu u tibqa’ takkumpanjana bl-interċessjoni tagħha.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Jien qrib il-popolazzjoni tal-gżejjer Filippini li nlaqtu minn tifun qawwi: nitlob għall-mejtin u għall-familjari tagħhom, għall-feruti u għal min tilef daru.
Illum, il-Knisja fl-Italja qed tiċċelebra l-Jum ta’ Ringrazzjament. Ningħaqad mal-messaġġ tal-Isqfijiet biex inħeġġeġ ħalli t-territorju jkun imħares b’mod responsabbli, tissokta l-ġlieda kontra l-ħala tal-ikel u l-agrikoltura tkun
sostenibbli. Niżżi ħajr lil Alla “għal ommna l-art” (San Franġisk, Cantico delle creature) u għal kull min jikkultivaha u jħarisha!
Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, pellegrini mill-Italja u minn tant inħawi tad- dinja, partikolarment iż-żgħażagħ ġiżwiti mill-Polonja, lill-fidili minn Varsavja u Danzica, fil-Polonja, Newark u Kearny fl-Istati Uniti tal-Amerika, Toledo u Galpagar minn Spanja u minn Londra, kif ukoll il-kor tat-tfal Regensburger Domspatzen.
Insellem lill-membri tal-Azzjoni Kattolika minn l-Arċidjoċesi ta’ Genova u lill-gruppi parrokkjali minn Cava Manara, Mede, Vibo Marina, Sant’Arcangelo di Potenza, Noto, Pozzallo u Avola, Cesenatico, Mercato San Severino, Crespano del Grappa u Noventa Padovana. Insellem lill-gruppi tal-Manifestazzjonijiet Storiċi mir-reġjun tal-Lazio u lill-volontarji tal-Banco Alimentare, li s-Sibt li ġej, lejlet il-Jum Dinji tal-Foqra, se jagħmlu l-ġabra tal-ikel.
Nesprimi l-apprezzament kbir tiegħi għal dawk li, f’kull livell, huma impenjati fil-bini tal-paċi fid-diversi reġjuni milqutin bil-gwerra. Fil-jiem li għaddew tlabna għall-mejtin u sfortunatament fosthom hemm bosta li nqatlu fil-bumbardamenti, minkejja li kienu nies ċivili, tfal, anzjani, morda. Jekk irridu ngħatu ġieħ verament lill-memorja tagħhom, għandu jieqaf il-ġlied u jkun hemm impenn sħiħ u serju fid-diskussjonijiet.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber