QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ
TAD-DEDIKAZZJONI TAL-BAŻILIKA TAL-LATERAN
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Ġwann Lateran
Il-Ħadd 9 ta’ Novembru 2025
Għeżież ħuti,
Illum qed niċċelebraw is-Solennità tad-Dedikazzjoni tal-Bażilika Lateranensi – ta’ din il-Bażilika, il-Katidral ta’ Ruma –, li seħħet fis-seklu 4 mill-Papa Silvestru I. Il-bini sar b’rieda tal-Imperatur Kostantinu, wara li, fis-sena 313, hu kien ta lill-Insara l-libertà li jistqarru l-fidi tagħhom u jeżerċitaw il-kult.
Aħna għadna sal-lum infakkru din il-ġrajja: għaliex? Ċertament biex inżommu ħajja t-tifkira, b’ferħ u gratitudni, ta’ fatt storiku importanissmu għall-ħajja tal-Knisja, imma mhux biss. Fil-fatt, din il-Bażilika, “Omm il-Knejjes kollha”, hi ħafna aktar minn monument u minn tifkira storika: hija “sinjal tal-Knisja ħajja, mibnija b’ġebel magħżul u prezzjuż fi Kristu Ġesù, il-ġebla tax-xewka (ara 1 Piet 2:4-5)” (Rit tat-Tberik taż-żjut u Dedikazzjoni tal-Knisja u tal-altar, Premessi), u bħala tali tfakkarna li aħna wkoll, bħal “ġebel ħaj insawru fuq din l-art tempju spiritwali (ara 1 Piet 2:5)” (Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 6). Għal din ir-raġuni, kif innota San Pawlu VI, fil-komunità Nisranija mill-bidu tfaċċat id-drawwa li jintużaw “l-isem ta’ Knisja, kif tfisser il-ġemgħa tal-fidili, għat-tempju li fih jinġabru” (Angelus, 9 ta’ Novembru 1969). Hija l-komunità ekkleżjali, “il-Knisja, soċjetà ta’ dawk li jemmnu, [li] tiggarantixxi lil-Lateran l-aktar struttura esterjuri soda u evidenti tiegħu” (ibid.). Għalhekk, megħjunin mill-Kelma ta’ Alla, ejjew nirriflettu, aħna u nħarsu lejn din il-binja, fuq il-mod kif inkunu Knisja.
Qabelxejn nistgħu naħsbu fil-pedamenti tagħha. L-importanza tagħhom hi evidenti, minn banda saħansitra inkwetanti. Fil-fatt, kieku min bniehom ma ħaffirx fil-fond, sa ma sab bażi biżżejjed soda fuq xiex itella’ l-bqija kollu, il-binja kollha ilha li ġġarrfet, jew tkun tirriskja li ċċedi minn mument għall-ieħor, hekk li aħna wkoll, li qegħdin hawn, inkunu f’periklu serju. Imma b’xorti tajba, min ġie qabilna ta lill-Katidral tagħna bażi soda, ħaffer fil-fond, b’ħafna taħbit, qabel ma beda jtella’ l-ħitan li qed jilqgħuna fihom, u dan iġagħalna nħossuna ħafna aktar trankwilli.
Imma jgħinna wkoll nirriflettu. Fil-fatt, aħna wkoll, ħaddiema tal-Knisja ħajja, qabel ma nistgħu ntellgħu strutturi importanti, irridu nħaffru, fina nfusna u madwarna, biex neliminaw kull materjal instabbli li jista’ jżommna milli nilħqu l-blata għerja ta’ Kristu (ara Mt 7:24-27). Dan ikellimna dwaru b’mod espliċitu San Pawl, fit-Tieni Qari, meta jgħid li “pedament ieħor ħadd ma jista’ jqiegħed ħlief dak li ġa tqiegħed; u dan hu Ġesù Kristu” (3:11). U dan ifisser li rridu nerġgħu dejjem lura lejh u lejn il-Vanġelu tiegħu, doċli għall-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu. Inkella, ir-riskju jkun li ngħabbu żżejjed bi strutturi peżanti binja b’pedamenti dgħajfin.
Għalhekk, għeżież ħuti, aħna u naħdmu b’impenn għall-qadi tas-Saltna ta’ Alla, ejjew ma ngħaġġlux iżżejjed jew nibqgħu fuq il-qoxra: inħaffru fil-fond, meħlusa mill-kriterji tad-dinja, li spiss tippreżenta riżultati immedjati, għax ma tafx x’inhu l-għerf tal-istennija. L-istorja millenarja tal-Knisja tgħallimna li bl-umiltà u s-sabar biss nistgħu nibnu, bl-għajnuna ta’ Alla, komunità vera ta’ fidi, li kapaċi xxerred l-imħabba, tiffavorixxi l-missjoni, tħabbar, tiċċelebra u taqdi dak il-Maġisteru Appostoliku li tiegħu dan it-Tempju hu l-ewwel sede (ara San Pawlu VI, Angelus, 9 ta’ Novembru 1969).
Dwar dan, iddawwalna x-xena li jippreżentalna l-Vanġelu li għadu kemm tħabbar (Lq 19:1-10): Żakkew, raġel għani u potenti, iħoss il-bżonn li jiltaqa’ ma’ Ġesù. Imma jintebaħ li hu ċkejken wisq biex jista’ jarah, u għalhekk jixxabbat ma’ siġra, b’ġest mhux tas-soltu u mhux f’loku għal persuna tal-livell tiegħu, li mdorrija li jkollha dak li tixtieq fuq platt, wara l-mejda tat-taxxi, bħal tribut dovut. Imma hawn it-triq hi itwal u dak it-tixbit mal-friegħi għal Żakkew ifisser li jagħraf il-limitu tiegħu u jegħleb il-kburija ta’ ġo fih. Hekk jista’ jiltaqa’ ma’ Ġesù, li jgħidlu: “Illum jeħtieġli niġi noqgħod għandek” (v. 5). Minn hemm, minn dik il-laqgħa, tibda għalih ħajja ġdida (ara v. 8).
Ġesù jibdilna, u jsejħilna naħdmu fuq is-sit ta’ kostruzzjoni kbir ta’ Alla, u jsawwarna b’mod għaref skont il-pjanijiet tiegħu ta’ salvazzjoni. Intużat ta’ spiss, f’dawn is-snin, ix-xbieha ta’ “sit tal-kostruzzjoni” biex tfisser il-mixja ekkleżjali tagħna. Hi xbieha sabiħa, li titkellem dwar attività, kreattività, impenn, imma anki dwar taħbit, problemi xi nsolvu, xi drabi kumplessi. Tesprimi l-isforz reali u li jinħass, li bih il-komunitajiet tagħna jikbru ta’ kuljum, fil-qsim tal-kariżmi u taħt il-gwida tar-Ragħajja tagħhom. Il-Knisja ta’ Ruma, b’mod partikulari, hija xhud ta’ dan f’din il-fażi ta’ attwazzjoni tas-Sinodu, li fih dak li mmatura fuq medda ta’ snin jitlob li jgħaddi mill-konfront u l-verifika “fuq il-kamp”. Dan jitlob mixja għat-telgħa, imma ma għandniex għax naqtgħu qalbna. Anzi, tajjeb li nkomplu naħdmu, b’fiduċja, biex nikbru flimkien.
Matul l-istorja tal-binja maestuża li fiha ninsabu ma naqsux mumenti kritiċi, waqfiet, korrezzjonijiet ta’ proġetti li kienu għaddejjin. Madankollu, grazzi għall-perseveranza ta’ min ġie qabilna, nistgħu ninġabru f’dan l-imkien tal-għaġeb. F’Ruma, imqar jekk b’ħafna sforz, hemm ġid kbir li qed jikber. Ejjew ma nħallux l-għeja żżommna milli nagħrfuh u niċċelebrawh, biex inseddqu u nġeddu l-ħeġġa tagħna. Mill-bqija, il-karità mgħixa ssawwar anki l-wiċċ tagħna ta’ Knisja, biex jidher iktar dejjem b’mod ċar għal kulħadd li hija “omm”, “omm tal-Knejjes kollha”, jew anki “mama”, kif qal San Ġwanni Pawlu II meta kellem lit-tfal proprju f’din il-festa (ara Diskors għad-Dedikazzjoni tal-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran, 9 ta’ Novembru 1986).
Nixtieq fl-aħħar nett naċċenna għal aspett essenzjali tal-missjoni ta’ Katidral: il-liturġija. Hija l-“quċċata li lejha timxi l-ħidma tal-Knisja […] l-għajn li minnha ġejja kull qawwa tagħha” (Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium, 10). Fiha nsibu t-temi kollha li għalihom aċċennajna: aħna mibnija bħala tempju ta’ Alla, bħala għamara tiegħu fl-Ispirtu, u nirċievu l-qawwa biex nippritkaw lil Kristu fid-dinja (ara ibid., 2). Il-kura tagħha, għalhekk, fil-post tas-Sede ta’ Pitru, għandha tkun tali li nistgħu nipproponuha bħala eżempju għall-poplu kollu ta’ Alla, fir-rispett tan-normi, fl-attenzjoni tad-diversi sensibbiltajiet ta’ min jieħu sehem, skont il-prinċipju ta’ inkulturazzjoni għarfa (ara ibid., 37-38) u fl-istess waqt fil-fedeltà għal dak l-istil ta’ sobrjetà solenni tipika tat-tradizzjoni Rumana, li tant ġid tista’ tagħmel lill-erwieħ ta’ min jieħu sehem fiha b’mod attiv (ibid., 14). Għandha tingħata attenzjoni biex dan il-ġmiel sempliċi tar-riti jista’ jesprimi l-valur tal-kult għat-tkabbir armonjuż tal-Ġisem sħiħ ta’ Kristu. Santu Wistin kien jgħid li l-“ġmiel mhux ħlief imħabba, u mħabba hija l-ħajja” (Diskors 365, 1). Il-liturġija hi post li fih din il-verità sseħħ b’mod eminenti; u nawgura li min jersaq lejn l-Altar tal-Katidral ta’ Ruma jista’ mbagħad jitlaq mimli b’dik il-grazzja li biha l-Mulej irid jimla d-dinja (ara Eżek 47:1-2,8-9,12).
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard