VJAĠĠ APPOSTOLIKU F’SARAGOZZA,
SANTO DOMINGO U PUERTO RICO
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika tal- Verġni tal-Pilar (Saragozza)
L-Erbgħa, 10 ta’ Ottubru 1984
“Morru, mela, għamlu dixxipli mill-Ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom. U ara, jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28, 19-20).
1. Dan il-kliem jidhirli li huwa ħaj u jixraq f’din il-laqgħa magħkom, għeżież ħuti isqfijiet,, maħbubin ħuti maskili u femminili ta’ Spanja.
Il-mandat missjunarju ta’ Ġesù fuq ix-xtut ta’ Tiberijade jidwu llum b’qawwa fuq ix-xtut tal-Ebro, fejn għal tant sekli huw ħaj l-eku tax-xogħol appostoliku ta’ Ġakbu u Pawlu.
“Morru u għallmu lill-Ġnus kollha”. Dan huwa kliem l-Imgħallem li jimbuttani lejn l-artijiet tal-Amerika, fi vjaġġ li għandu bosta x’jaqsam mal-mandat missjunarju tiegħu.
Fil-fatt il-popli u l-Knejjes tal-Amerika issa qegħdin jaħsbu biex jiċċelebraw il-ħames ċentinarju tal-ewwel evanġelizzazzjoni tagħhom, tal-magħmudija fil-fidi ta’ Ġesù Kristu. Dmir tassew kbir u sekulari li kellu l-oriġni tieġħu hawn, fl-artijiet iberiċi. Żergħa ġeneruża u fertili dik ta’ dawk il-missjunarji Spanjoli u Portugiżi li b’idejn mimlija xerrdu l-kelma tal-Vanġelu, bi sforz li l-effetti tiegħu jaslu sallum, u li jikkostitwixxi waħda mill-isbaħ paġni fl-istorja kollha tal-evanġelizzazzjoni imwassla għat-twettiq mill-Knisja.
Billi din twassal għal iżżi ħajr lil Alla għall-frott tant abbundanti ta’ din iż-żergħa, u ta’ approfondiment tal-impenji attwali u futuri tal-evanġelizzazzjoni fil-kontinent kollu, il-Papa, li jrid ikun “l-ewwel missjunarju”, ma setax ikun assenti. Meta, kważi sentejn ilu, f’din l-istess belt, kelli l-pjaċir li ninxteħet minn tuli f’riġlejn il-Verġni tal-Pilar, u li nsejjaħ hawn, quddiem il-Padruna tal-“Hispanidad”, il-viċinanza taċ-ċentinarju tal-iskoperta u tal-evanġelizzazzjoni tal-Amerika, għidtilkom li din il-kommemorazzjoni kienet “appuntament li għalih il-Knisja ma setgħetx tonqos”” (Ioannis Pauli PP. II, Allocutio Caesaraugustae in honorem Beatae Mariae Virginis habita, 3, die 6 nov. 1982: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, V/3 [1982] 1179).
Fid-dawl ta’ dik il-wegħda u tal-propositu missjunarju li janima il-vjaġġ ġdid tiegħi fl-Amerika Latina, wieħed jistà jifhem is-sens tal-istadju li ridt nagħmel f’Saragozza. Fil-bidu ta’vjaġġ eminentement missjunarju, u f’isem il-Knisja, ridt niġi personalment biex niżżi ħajr lill-Knisja fi Spanja għax-xogħol kbir ta’ evanġelizzazzjoni li wasslet fi tmiemu fid-dinja, speċjalment fil-kontinent Amerikan u fil-Filippini.
F’bosta mill-vjaġġi tiegħi stajt ninnota l-frott attwali ta’ dan ix-xogħol. Irrid għalhekk nirrepeti f’din l-okkażjoni tant important, hawn f’ Saragozza, dak li diġa kelli okkażjoni li ngħid f’Madrid, hekk kif bdiet hemm iż-żjara tiegħi appostolika: “Grazzi, Spanja; grazzi, Knisja ta’ Spanja għall-fedeltà tiegħek għall-Vanġelu u għall-Għarusa ta’ Kristu!” (Eiusdem, Allocutio Matriti in aëronavium portu vulgo «Barajas» cognominato habita, die 31 oct. 1982: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, V/3 [1982] 1003). Fil-waqt, mela, li nagħti bidu għat-tħejjijiet tal-ħames ċentinarju tal-evanġelizzazzjoni tal-Amerika, ridt nagħmel waqfa fil-Pilar ta’ Saragozza biex nenfasizza preċiżament id-dimensjonijiet li dan il-vjaġġ jinvolvi.
2. Tiddi hawn, fit-tradizzjoni soda u antikissma tal-Pilar, id-dimensjoni appostolika tal-Knisja fil-glorja kollha tagħha. Il-Papa huwa dak li bi pjan u bi ħniena tal-Mulej inkarnata u perpetwa f’forma eminenti din it-tradizzjoni appostolika li għandha f’Ruma storja u relazzjoni nkrollabli bil-figura u l-ministeru ta’ Pietru. Imma l-Papa jrid iwassal lill-Knejjes fl-Amerika mhux biss is-sodizza tal-fidi li Pietru jirrapreżenta, imma wkoll il-qlubija missjunarja tal-Appostli l-oħra, li, b’ubbidjenza għall-mandat tal-Imgħallem, qiegħdu t-talenti tagħhom u ħajjithom stess għas-servizz tat-tifrix tal-Vanġelu fid-dinja l-Ġdida.
Il-fidi li l-missjunarji Spanjoli wasslu fl-Amerika Latina hija fidi appostolika u ekkleżjali, mirgħuta – skont tradizzjoni venerabbli li hawn qrib il-Pilar għandha s-ssedja sekolari – mill- fidi tal-Appostli. Mill-istess sors rigoruż u awtentiku tal-fidi tal-Appostli, il-Papa jrid issa jwassal impetu ġdid lill-Knejjes fl-Amerika u lill-Knisja Spanjola tagħkom.
3. Hawn, f’Saragozza, tiddi wkoll il-lejla d-dimensjoni missjunarja tal-Knisja u iktar konkreta, tal-Knisja fi Spanja.
Ftit waqtiet ilu ltqajt fit-tempju tal-Pilar mal-familji tas-saċerdoti, mar-reliġjużi rġiel u nisa u s-sekulari li llum iservu l-Vanġelu fil-Knejjes ħutna tal-Amerika. Kienet laqgħa qasira, imma ntensiva. Fi Spanja għadu ma ntefiex l-ispirtu missjunarju! Linqas ma warrabtu fil-ġemb il-“Morru u għallmu lill-Ġnus kollha”. Madwar tmintax-il elf missjunarju Spanjol jipperpetwaw f’dawk l-artijiet, tant qribkom, it-tradizzjoni missjunarja li jiena nixtieq li tikber, bħala waħda mill-ikbar glorji ta’ din il-Knisja.
Il-Mulej ibierek il-passi u l-idejn tal-Ispanjoli li fid-dinja kollha, u b’mod speċjali fl-Amerika evanġelizzaw u għammdu f’ismu! Jalla hu jippremja l-ġenerożità tal-familji Spanjoli li jafu joffru lil uliedhom għall-missjoni li “jmorru u jgħallmu” li l-Imgħallem ħallielhom bħala legat! Il-Mulej jagħti u jżid f’din il-Knisja t-talent missjunarju li ddistingwa l-imgħoddi tagħha, li huwa parti minn ħajjitha preżenti u li jrid jistimola u jarrikkixxi l-ġejjieni tagħha!
4. Hemm madankollu tielet dimensjoni, profonda ferm u speċjalissma, f’din il-waqfa fi Spanja u f’Saragozza: id-dimensjoni marjana.
L-aħħar kliem tiegħi meta nfridt minn magħkom ġo Campostela wara għaxart ijiem koeżistenza, li tagħhom għad għandi tifkira tassew sabiħa, kien dan: :Għal dejjem Spanja, għal dejjen art ta’ Marija” (Ioannis Pauli PP. II, Allocutio occasione oblata discessus ab Hispania, in aëronavium portu S. Iacobi de Compostela, habita, 4, die 9 nov. 1982: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, V/3 [1982] 1265). Fil-kumpanija tagħha u taħt il-protezzjoni tagħha ħallejtkom mela, u flimkien magħha, magħqudin ma’ dan il-Pilar ta’ Saragozza li jissimbolizza s-sodizza tal-fidi tal-Ispanjoli u tal-imħabba kbira tagħhom lejn Marija, qiegħed insibkom issa mill-ġdid.
Din il-laqgħa mhix kumbinazzjoni. Il-fidi Marjana tal-missjunarji Spanjoli tinbet minnufih ma’ dawk il-latitudni taħt il-forma ta’ devozzjoni u invokazzjoni li jkomplu jkunu il-kewkba polari għall-kredenti ta’ dawk il-Pajjiżi. Tgħid Spanja tgħid Marija. Tgħid il-Pilar, Covadonga, Aránzazu, Montserrat, Ujué, el Camino, Valvanera, Guadalupe, Almudena, los Desamparados, Lluch, la Fuensanta, las Angustias, los Reyes, el Rocío, lil-Candelaria, el Pino. Tgħid Iberoamerica, tgħid ukoll Marija, grazzi lill-missjunarji Spanjoli u Portugiżi. Tgħid Guadalupe, Altagracia, Luján, l-Aparecida, Chiquinquirá, Coromoto, Copacabana, el Carmen, Suyapa u tant invokazzjonijiet marjani oħra xejn inqas importanti.
Il-Konferenza ta’ Puebla, fir-riflessjoni tagħha dwar l-evanġelizzazzjoni, qalet espressament: “Marija għandha tkun dejjem iktar l-għalliema tal-Vanġelu fl-Amerika Latina” (Puebla, 290). Iva, l-għalliema, dik li tmexxina minn idejna, dik li tgħallimna nagħmlu s-servizz missjunarju ta’ Binha u biex ngħassu dak kollu li għallimna hu. L-imħabba lejn il-Verġni Marija, omm u mudell tal-Knisja, hija garanzija tal-awtentiċità u tal-effettività redentriċi tal-fidi nisranija tagħna.
Ħutkom tal-Anerika li jridu jiċċelebraw b’qawwa l-ħames ċentenarju tal-wasla tal-Vanġelu f’dawk l-artijiet immensi, qegħdin jargumentaw fi sforz twil u kumpless ta’ stqarrija soċjali, kulturali u spiritwali. Irrid niddepożita illejla f’riġlejn il-Verġni, bħala supplika, il-futur uman u reliġjuż ta’ din l-Amerika mimlija tensjonijiet u tamiet, żagħżugħa u muġugħa, fertili u ġeneruża. Marija, Omm il-Knisja, trid tkompli tiggwida u ddawwal il-fidi u l-mixja tal-popli tal-Amerika! Jalla huma dejjem isibu fik, kattolċi Spanjoli, il-faraġ ta’ xhieda ferventi u l-għajnuna tal-kollaborazzjoni tiegħek unita u ġeneruża!
Imma jekk il-laqgħa u t-talb tagħna tallum għandhom dimensjoni appostolika, missjunarj u marjana bażata fuq il-vjaġġ tiegħi f’Santo Domingo u fi Puerto Rico, marridx li tqisu din il-waqfa f’Saragozzn bħala sempliċi waqfa fil-vjaġġ lejn l-Amerika. Ħassejtha ħaġa urġenti li nesprimi gratitudni quddiem il-Knisja kollha għall-passat evanġelizzatur tagħkom. Dan kien att ta’ ġustizzja nisranija u storika. Jikkonċernani wkoll l-inkuraġġiment tal-ħila missjunarja tagħkom quddiem il-futur. “Ftakru, dejjem, kif għedtilkom sentejn ilu, li l-ispirtu missjunarju ta’ parti determinata tal-Knisja hija l-kejl eżatt tal-vitalità u l-awtentiċità tagħha” (Ioannis Pauli PP. II, Allocutio Matriti, ad Religiosos et Institutorum Saecularium sodales, habita, 8, die 2 nov. 1982: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, V/3 [1982] 1088). Huwa dan li llejla nirripetilkom b’intensità ġdida.
5. Naf l-isforzi tagħkom, l-aspirazzjonijiet tagħkom u d-diffikultajiet tagħkom. Iż-żjara tiegħi ta’ sentejn ilu għallmitni nagħraf aħjar it-tradizzjoni reliġjuża tagħkom u napprezza l-impenji preżenti tagħkom. Għal dan nistà ngħid bis-sinċerità kollha lill-Isqfijiet tagħkom: “Minkejja l-kjaroskuri, id-dellijiet u t-tlugħ u l-inżul tal-mument preżenti, jien fiduċjuż u nittama ħafna mill-Knisja fi Spanja” (Eiusdem, Allocutio Matriti, ad Hispaniae Episcopos habita, 8, die 31 oct. 1982: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, V/3 [1982] 1014).
U llum inkompli jkolli, miżjuda, l-istess fiduċja u l-istess tama. Naf tajjeb li r-rgħajja tagħkom fasslu program wiesà u ambizzjuż ta’ “servizz għall-poplu Spanjol” ibbażat fuq dak li ppridkajt sentejn ilu f’tant postijiet ta’ dan il-maħbub nazzjon. Din il-predikazzjoni ma kienet xejn min-naħa tiegħi, “bħala l-ewwel missjunarju:, għajr it-twettiq tal-mandat ta’ Ġesù: “Morru u għallmu”, Nitlob lill-Mulej li t-tifkira u l-meditazzjoni ta’ kliemi jipproduċu l-frott mixtieq fil-poplu ta’ Alla”..
Il-motto l-iktar naturali biex nikkonkludu din il-laqgħa sabiħa tiegħi magħkom huwa li issa nirratifikaw il-predikazzjoni tiegħi ta’ dawk il-jiem, billi tiftakru l-mssjoni ta’ Ġesù: morru u għallmu dak kollu li ordnajtilkom. Għallmu mhux biss bil-kelma, imma wkoll bl-eżempju ta’ ħajjitkom.
Ibqgħu sodi fil-fidi bħal dan il-Pilar ta’ Saragozza! Kunu konsistenti fl-imġieba tagħkom personali, familjari u pubblika bit-tagħlim u bl-eżempji ta’ Sidna Ġesù Kristu! Agħtu xhieda prattika tal-kobor u tat-tjubija ta’ Alla quddiem dawk li ma jafux jew li, billi jafuh, donnhom jistħu minnu, fil-pubbliku jew fil-privat. Egħlbu t-tentazzjoni tal-isfiduċja u tad-diviżjoni vojta, billi tgħixu b’ferħ u b’ġenerożità l-għaqda tal-fidi u l-komunjoni tal-imħabba ta’ Kristu.
Għal dan jiggwidakom, ħuti, il-ministeru qalbieni tal-isqfijiet tagħkom li l-komunjoni tagħhom, bejniethom u mas-suċċessur ta’ Pietru. Hija garanzija ta’ trażmissjoni fidila tal-fidi, bażi primarja ta’ futur evanġelizzatur għani ta’ frott ta’ ħajja nisranija, f’sintonija mal-passat glorjuż li fakkarna.
6. Għall-ħajja tagħkom soċjali. Jiġini f’moħħi dak li għidtilkom fil-Camp Nou ta’ Barcellona: “Għixu u għoddsu fir-realtajiet temporali il-qawwa tal-fidi ta’ Kristu. Uru dan l-ispirtu fl-għoti tal-attenzjoni dovuta lill-problemi kruċjali. Fil-familja, billi tgħixu u tiddefendu l-indissolubiltà u l-valuri l-oħra taż-żwieġ, billi tippromwovu r-rispett għal kull ħajja mill-waqt tal-konċepiment. Fid-dinja tal-kultura, tal-edukazzjoni u tat-tagħlim, billi tagħżlu għal uliedkom tagħlim li fih hemm preżenti l-ħobż tal-fidi nisranija” (Ioannis Pauli PP. II, Homilia ad Missam in urbe Barcinonensi habita, 8, die 7 nov. 1982: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, V/3 [1982] 1211). Alla jrid li fil-Pajjiż tagħkom ikollu effett sħiħ id-dritt tal-ġenituri biex jagħżlu għal uliedhom it-tip ta’ edukazzjoni li jippreferu.
Kunu ta’ eżempju fil-ħajja ċivili u fil-ħila ta’ konvivenza, billi tikkontribwixxu għal ġustizzja soċjali ikbar għal kulħadd. Bir-rispett dovut għall-għażliet leġittmi ta’ ħaddieħor, “sfurzaw sabiex il-liġijiet u d-drawwiet ma jurux dahrhom lis-sens traxxendenti tal-bniedem u linqas lill-aspetti morali tal-ħajja” (Ibidem, 1212).
La taqgħux fl-iżball li taħsbu li tistgħu tbiddlu s-soċjetà billi tbiddlu biss l-istrutturi esterni jew billi l-ewwelnett tfittxu s-sodisfazzjon tal-bżonnijiet materjali. Hemm bżonn nibdew bit-tibdil tagħna nfusna, billi nindirizzaw qalbna lil Alla l-ħaj, billi nġeddu lilna nfusna moralment, billi neqirdu l-għeruq tad-dnub u tal-egoiżmu minn qlubna. Persuni mibdula jikkollaboraw b’mod effettiv biex ibiddlu s-soċjetà
7. Intom , li kellkom il-ħila ta’ dik l-intrapriża ġganteska li llum fakkarna, kunu fidili għall-istorja ta’ fidi tagħkom. Ħa jkollkom fiduċja fikom infuskom. Għixu b’integrità l-fidi tagħkom, kemm f’kuntest fejn tirrispettawha b’mod sħiħ, kif ukoll f’ fejn ostakli jopponukom. Imxu magħqudin lejn il-ġejjieni.
Ħa jkolkom quddiemkom intrapriża kbira: ħejju sa minn issa, imġedda, fidila u ġeneruża, il-Knisja fi Spanja tas-sena Elfejn, sabiex uliedkom subien u bniet isibu fiha l-grazzja ta’ Alla u l-għana tad-din tiegħu, sabiex Spanja tkun tistà tkompli tkun fidila magħha nfisha u punt ta’ appoġġ għat tixrid tal-Vanġelu.
Nistieden lilkom, għeżież żgħażagħ. Bit tifkiea tal-Bernabeu dejjem ħajja f’widnejja u f’qalbi.
Nistieden il-familji nsara, li għadni nara fl-Ewkarestija imponenti tal-Castellana.
Nistieden lir-raliġjużi tal-klawsura li, b’ħajjithom magħmula talba u bl-entużlażmu tagħhom, qegħdu nota ta’ sħana fil-għodwa kiesħa ta’ Avila.
Nistieden lil-Lajċi kattolċi, lill-edukaturi fil-fidi, lit-tfal, lill-ħaddiema nsara, lill-bnedmin tal-kampanji u tal-baħar, il-bnedmin tal-kultura u tax-xjenza, li lkoll huma ferm preżenti f’moħħi fil-postijiet differenti tal-laqgħat indimentikabbli tagħna.
Nistieden fl-aħħarnett, il-kattolċi Spanjoli kollha, li l-vitalità tal-fidi tagħhom hija għalija ferm magħrufa.
Il-Verġni Marija, li taħt il-protezzjoni materna tagħha ltqajna illejla biex nitolbu u nkantaw, tberikkom b’mod abbundanti, tbierek lill-familiji ta’ Spanja u tbierek din il-Knisja maħbuba tagħkom, appostolika, missjunarj u marjana.
B’din ix-xewqa nagħtikom, lilkom, ir-rgħajja u l-fidili, u b’mod speċjali lill-morda ta’ Spanja kollha u lil dawk li qegħdin ibatu, il-barka appostolika tiegħi.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb