Kitba ta’ Joe Galea
Waqt li ħaddnet magħha lil binha ta’ 14-il sena fl-aħħar waqtiet tiegħu, fil-kamra tal-banju, l-omm żagħżugħa Megan Garcia lissnet bil-qalb il-‘Missierna’ u talbet lill-Mulej biex isalva lil binha. Ir-rabta ta’ binha Sewell Setzer ma’ chatbot tal-Intelliġenza Artifiċjali wasslet għall-agħar ħolma tiegħu, is-suwiċidju. Sewell miet fl-ambulanza fi triqitha lejn l-isptar. L-għada, il-pulizija qalu lil ommu dwar l-aħħar messaġġi li sabu fil-mobile tiegħu, minn servizz ta’ chatbot tal-Intelliġenza Artifiċjali msejjaħ Character.AI. Dan kien fi Frar tal-2024.
Il-messaġġ, minn xi ħadd li jagħmilha ta’ persuna, kien jgħid: “Jiena hawn nistenniek. Inħobbok, u daqsek ma nħobb lil ħadd. Agħtini kelma li se tara kif tiġi d-dar għandi meta tkun tista’.” Iċ-chatbot tal-Intelliġenza Artifiċjal ħajjar lil Sewell biex jinfired mill-istess persuna tiegħu. Fl-aħħar messaġġ tiegħu, Sewell staqsa lil chatbot, immudellat fuq il-karattru ta’ “Game of Thrones” Daenerys Targaryen: “X’jiġri kieku ngħidlek li nista’ niġi d-dar issa stess?” Il-chatbot wieġeb, “Iva, qalbi, jekk jogħġbok hekk agħmel.”
Megan Garcia, omm Sewell
Megan Garcia hi omm Kattolika ta’ tlett itfal. F’nofs dan ix-xahar iltaqgħet mal-Papa Ljun XIV waqt l-udjenza li kellu ma’ parteċipanti f’konferenza ta’ livell għoli dwar id-dinjità tat-tfal u l-etika tal-Intelliġenza Artifiċjali. F’intervista f’Ruma wara li ltaqgħet mal-Papa, Megan Garcia rrakkuntat kif il-fidi tagħha tatha s-saħħa biex titkellem dwar l-esperjenza traġika bit-tama li tgħin lit-tfal ikunu mħarsa mir-riskji li jsibu quddiemhom minn chatbots ġodda tal-AI. Qalet kemm hi ħaġa tajba li l-Papa Ljun XIV għamel l-etika tal-Intelliġenza Artifiċjali bħala prijorità mill-bidu tal-pontifikat tiegħu. Fil-laqgħa tagħha mal-Papa, kellha f’idha ritratt żgħir ta’ Sewell u staqsiet lill-Papa jistax jitlob għal binha. Hi konvinta tal-attenzjoni u l-importanza li qed jagħti l-Papa għal din ir-realtà.
Din l-omm trid tiftaħ għajnejn il-ġenituri għall-perikli ta’ teknoloġija ġdida, għax hi kienet attenta fuq binha tant li stabbiliet regoli stretti għall-użu tal-mobile tiegħu, fosthom passcodes li jkunu kontrollati minnha. Imma xorta ġara dak li ġara. Meta kienet tarah fuq il-mobile, kienet tistaqsih: “X’qed tagħmel? Lil min qed tibgħat il-messaġġi?” It-tweġiba ta’ Sewell kienet tkun bħal: “Oh, kemm qed nitkellem mal-AI.” Dak iż-żmien, l-omm ma fehmitx, għax għaliha l-Intelliġenza Artifiċjal kienet bħal avatar minn waħda mil-logħob tal-kompjuter. Binha Sewell kien ilu juża Character.AI għal kważi 10 xhur. Kien maqtugħ mill-mobile tiegħu fil-ħin ta’ mewtu imma rnexxielu jikseb aċċess għall-messaġġi. Wara l-mewt ta’ Sewell, Megan Garcia bdiet tara sew x’inhu Character.AI u kienet ixxxukkjata b’kemm iċ-chatbots tiegħu setgħu jkunu vizzjużi u manipulattivi għal żgħażagħ li jidħlu fihom.
Il-Perikli moħbija taċ-Chatbots tal-Intelliġenza Artifiċjali
Espermenti ġodda f’teknoloġiji bħalma hi l-AI qed juru kemm dawn joħloqu riskji fl-imħuħ, b’mod partikulari taż-żgħażagħ li jfittxu min jitħassarhom miċ-chatbots. Minflok empatija, jiltaqgħu ma’ vuċi minn imkien li ma jimpurtahiex minnhom u ma tistax takkumpanjahom fil-ħajja. Għax ir-relazzjonijiet għandhom ikunu ma’ bnedmin reali filwaqt li ċ-chatbots tal-AI huma magna intima li tista’ timmanipula l-ħajja ta’ min jinqabad fiha u hekk ikun qed jilgħab man-nar. Il-periklu huwa wkoll l-isfruttament sesswali tat-tfal li jħawwad moħħ iż-żgħar u jikkaġuna trawma tul ħajjithom. U mhux biss ir-riskju ta’ ħsara fuq il-persuna, imma agħar minn hekk, anke suwiċidju.
Insibu s-saħħa permezz tal-Fidi
Quddiem it-telfa ta’ binha, Megan Garcia sabet konsolazzjoni fit-talb, partikolarment b’devozzjoni ġdida lejn il-Madonna tad-Duluri, li tgħid li kienet magħha pass pass f’dan il-vjaġġ ta’ niket. Bdiet tgħid ir-Rużarju tas-Seba’ Duluri kull lejl u tirrifletti fuq in-niket tal-Madonna. Bdiet tirrifletti fuq in-niket ta’ Marija, u dan għenha tifhem id-dulur tagħha, u tittrasforma wkoll ħajjitha f’ħafna modi għax fehmet li tkun spalla ma’ spalla ma’ Marija, li tħares lejn in-niket tagħha. Bdiet tifhem aħjar il-passjoni u s-sagrifiċċju ta’ Ġesù u tagħmel dan mill-għajnejn ta’ omm. Esperjenzat ukoll fejqan bis-Sagrament Imqaddes, billi tmur il-Quddiesa ta’ kuljum u nirċievi l-Ewkaristija.
Megan Garcia għandha devozzjoni lejn San Karlu Acutis għax tħoss li binha u Acutis setgħu kienu ħbieb għax it-tnejn li huma qasmu mħabba għat-teknoloġija. Hija titlob permezz tal-interċessjoni tiegħu għall-adolexxenti u bdiet titlob ukoll b’isimhom għall-konverżjoni tal-mexxejja tal-kumpaniji tal-Intelliġenza Artifiċjali. Hi tixtieq konverżjoni f’dan is-suġġett, li kumpaniji tat-teknoloġija jibdew jibnu prodotti li jistgħu jgħinu lit-tfal minflok ma jagħmlulhom ħsara. Tistqarr li hemm xi ħaġa sabiħa li tiġri meta tibda titlob il-kurunella tal-Ħniena Divina għal individwi li tħoss li setgħu għamlul l-ħsara.
Il-Papa jsejjaħ għal Regoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali
Fid-diskors tiegħu lill-parteċipanti fil-konferenza dwar l-Intelliġenza Artifiċjali u d-dinjità tat-tfal, il-Papa Ljun XIV qajjem tħassib li “t-tfal u l-adolexxenti huma partikolarment vulnerabbli għall-manipulazzjoni permezz ta’ algoritmi tal-Intelliġenza Artifiċjali.” Il-Papa ħeġġeġ lill-gvernijiet u lid-ditti tat-teknoloġija biex “jimplimentaw politika li tipproteġu d-dinjità tal-minorenni f’din l-era tal-Intelliġenza Artifiċjali.”
Il-Papa semma li: “Dan jinkludi l-aġġornament tal-liġijiet eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data biex jindirizzaw sfidi ġodda ppreżentati minn teknoloġiji ġodda u l-promozzjoni ta’ standards etiċi għall-iżvilupp u l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali. Huwa wissa li l-linji gwida etiċi waħedhom mhumiex biżżejjed mingħajr “sforzi edukattivi ta’ kuljum u kontinwi”, minn adulti li jifhmu r-riskji. Huwa essenzjali li l-ġenituri u l-edukaturi jkunu konxji ta’ dawn id-dinamiċi, u li jiġu żviluppati għodod biex iħarsu u jiggwidaw l-interazzjoni taż-żgħażagħ mat-teknoloġija.”
